Ir-rumanzi huma tant għal qalb il-Maltin u mfittxija bil-bosta. Carlo D’Emanuele qed jippreżentalna rumanz li żgur mhux se jiddiżappunta, “L-Anġlu tal-Lament”. In-narratur jiltaqa’ ma’ James Oldens fuq żewġ titijiriet lejn Frankfurt fuq xogħol, karattru kemmxejn stramb. Bejniethom tinbed ħbiberija partikolari iżda fit-tieni u l-aħħar vjaġġ li għamlu flimkien għal Lisbona, James beda jinkwieta fuq l-uġigħ li kellu f’ġenbu għalkemm pprova ma jagħtix każ u jieħu gost. Madankollu ftit wara n-narratur sema li James kien miet.
Ir-rumanz huwa dwar dan il-vjaġġ intimu u personali fejn joħroġ fil-beraħ il-passat ta’ James. It-trobbija ta’ James ma kinetx waħda faċli, l-aktar għall-fatt li sofra abbuż fiżiku u emozzjonali mill-familja tiegħu stess. Lil James, in-narratur għamel xi żmien ma baqax jarah, “minħabba d-deadlines tax-xogħol kif ukoll minħabba attivitajiet familjari” (p.8). Madankollu bdew jiġru fih affarijiet li ġagħluh jaħseb bħal jitla’ xi ħadd fuq tal-linja u jgħolli rasu, bħal donnu l-ispirtu tal-persuna jiġbdu lejh. James jintebah li n-narratur kien qed jaħseb fuq l-ispirtu u jibdew dan il-vjaġġ straordinarju ta’ spiritwalita’, fejn jiddiskutu fost oħrajn, ħolm, anġli u anke inkarnazzjoni. “Inti ġieli kellek ħolm rikorrenti? Bħal ngħidu aħna toħlom li qed tara lilek innifsek f’xi sitwazzjoni jew epoka differenti?”(p.64) darba staqsieh James. Naraw ukoll aktar ‘il quddiem l-esperjenza ta’ sesswalita’ u fl-istess ħin ta’ għotja billi James kien qed jitħajjar ukoll għal saċerdot. Fost oħrajn insibu Vanessa, il-waitress li ltaqgħu magħha Lisbona u l-interess tas-sagristan fejn James esperjenza l-ewwel bewsa ta’ raġel.
L-awtur jintebah li James miet wara li dan ma kienx niżel mill-ajruplan. Għal darb’oħra, il-memorja ta’ James kultant tintesa mal-ħafna affarijiet oħra tal-ħajja. Imma l-ispirtu tiegħu donnu baqa’ hemm u l-preżenza tiegħu kien jarha u jħossha il-ħin kollu.
L-Anġlu tal-Lament huwa ktieb mimli misteri, ħolm u jdaħħlek f’dinja oħra. Miktub b’lingwa mexxejja ħafna, huwa wkoll attwali ħafna tant li jlaqqgħana ma media soċjali kontemporanja, gazzetti lokali onljan, kif ukoll ġrajjiet li ġraw tassew. Minn dan l-ambjent realistiku ta’ persuna qrib l-erbgħin, fil-kuntest lokali Malti u b’esperjenzi fil-belt kulurita ta’ Lisbona, joħroġ ukoll dak li hu spiritwali u traxxendentali. Ktieb li jżommok taqrah.
(L-Orizzont, 19 ta’ Mejju 2014)