Nitkellmu ma’ Aleks Farrugia

  • Dan il-ktieb jikkonsisti f’20 novella ambjentati fi żminijiet differenti tal-istorja Maltija.  Hawnhekk għandna stejjer jolqtu fil-laħam il-ħaj, u jirrakontaw it-trapass tiegħek bħala awtur fil-mixja li tifhem il-poplu Malti permezz ta’ analiżi bir-reqqa ta’ karattri bosta drabi fil-periferija tas-soċjeta’.   Aleks, inti storiku u ovvjament ser nistaqsik dwar dan.  Pero’ x’wasslek biex tagħżel dan l-istil satiriku, u xi waqtiet iġiblek tbissima.  Tħoss li b’dan il-mod tkun qed iġġgħalna aktar bħala Maltin nidħqu bina nfusna sabiex nimxu ‘l quddiem?

Naħseb li l-mistoqsija dwar għaliex storiku jagħżel li jikteb xogħol ta’ natura letterarja hija aktar minn leġittima. Hija għażla, u ma kinitx għażla li wasalt għaliha malajr. Nista’ ngħid li meta wasalt għaliha kien ukoll il-mument meta fhimt xi tfisser għalija l-istorja, kif naraha jien, il-filosofija tiegħi tal-istorja. U dan wasalt għalih waqt ir-riċerka li kont qed nagħmel fl-arkivji kriminali. Fi ftit kliem wasalt għall-konklużjoni li għalija l-istorja hija qabel kollox esplorazzjoni tal-bniedem f’kuntest partikolari. L-interess arkeoloġiku tal-istorja huwa kif il-bniedem jgħix żmienu u kif waqt li jagħmel dan iħalli traċċi li jibqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-letteratura, imnebbħa mill-istorja, tagħtik għalhekk il-possibilta’ li sa ċertu punt tinħall mill-konvenzjoni akkademika biex tkun aktar kreattiv, biex tmur lilhinn mill-konfini tad-dixxiplina storika u proprju għalhekk tagħrbel, tifli, tagħmel dekostruzzjoni tal-istorja nnifisha. Is-satira, l-ironija, il-logħba noli ta’ kliem b’tifsiriet volatili u fluwidi, hija għalhekk strateġija ta’ dekostruzzjoni storika – il-mod li bih l-awtur jiftaħ quddiem il-qarrej bagalja ta’ possibiltajiet. Jekk issa nimxux ‘il quddiem jew le, minix ċert ‘il quddiem xi jfisser. L-idea Kantjana ta’ proċess progressiv tal-istorja ma togħġobnix. L-istorja kif naraha jien hija aktar ċirkolari, fis-sens Nietzschejan, fejn l-istorja hija bħal rota dejjem iddur, rikorrenza eterna. Ma taħsibx li dak li qed naraw illum diġa’ rajnih darb’oħra? Forsi għalhekk ukoll is-satira: iddaħħakna b’xi ħaġa li narawha bogħod minna, minkejja li hija daqstant intimament qrib tagħna.

  • Ġieli ngħidu li huwa faċli tidħaq b’ħaddieħor imma mhux bina nfusna.  Inti f’dawn l-istejjer tisfida dak li normalment nistennew li ser naraw.  Aħna f’moħħna għandna l-ideal f’moħħna mhux biss tal-mexxejja tagħna issa imma anke tal-ħakkiema tal-imgħoddi.  U niskomodaw ruħna jekk dawn nagħrfu li kienu mod ieħor.    F’dan il-ktieb tlaqqa’ mod tajjeb l-umoriżmu mat-traġiku.  Il-qarrej jidħaq għax is-sitwazzjoni kultant hija tad-daħk.  Jien nistħajjel li qed tara din il-mixja ta’ poplu bħal fuq palk, fejn quddiem il-popolin jiġi proġettat l-immaġini mixtieqa xi drabi f’kuntrast man-nies.   Kemm tarah dan id-distakk bejn dak li naraw fuq is-settijiet tat-televixin tagħna, aħseb u ara fl-imgħoddi bejnn dak li kienu jaħsbu li huwa n-nies u r-realta’?

Jien minn dejjem kont affaxxinat immens mit-teatru ta’ Aristofani. Għaliex il-farsa Aristofanika ddaħkek, anke jekk hija ambjentata f’dinja li hija tant bogħod minn tagħna? Aħna nidħku għax f’dak li nidħku bih naraw riflessjoni ta’ xi ħaġa li nagħrfu lilna nfusna fiha. Fil-fatt, jekk nieħdu ċ-ċajt, iċ-ċajta hija tajba sakemm il-kodiċi lingwistiku użat fiha huwa kodiċi li aħna nidentifikaw miegħu. Għalhekk li ġieli ċajta meta tkun tradotta għal lingwa oħra titlef is-sens tagħha. Sa ċertu punt, iżda, nidħku wkoll għax niddistanzjaw ruħna minn dik ir-riflessjoni li qed naraw fil-mera tal-komiċita’. Bħal kull distanza, tista’ tfisser fatma imma tista’ wkoll l-istess fatma tfisser qrubija, fejn in-nuqqas isir preżenza, u fis-satira dak hu l-iskop – li d-distanza bejna u bejn il-karattri tqarribna lejhom billi nagħrfu fihom biċċiet minna nfusna. Dan hu l-oppost tal-mitifikazzjoni. Meta noħolqu mit li jiġri hu li nipproġġettaw lilna nfusna fil-mit biex niddistanzjaw lilna nfusna minnu u għalhekk anke minna nfusna. L-ideal huwa dejjem il-jien qatt milħuq.

  • Inti titratta ħafna din l-umanita’ f’dan il-ktieb.  Għandna l-umanita’ tal-Leader wara li rebaħ l-elezzjoni tal-1987.  Clinton Portelli li ħa xogħol Brussels u allura jħossu superjuri avolja jieħu l-pastizzi miegħu.  Dan Kien wieħed mill-għanijiet tiegħek li titratta din l-umanita’?

Jien dejjem interessani l-uman. Anzi, nasal ngħid li qatt ma nteressani xejn għajr l-uman fil-kundizzjoni eżistenzjali tiegħu, l-uman li jgħammar (u mhux sempliċiment jgħix) fid-dinja tiegħu. Fl-istorja il-Leader, ipprovajt nifhem il-bniedem fil-persunaġġ ta’ Eddie Fenech Adami, bniedem li għal żmien twil nistqarr li qatt ma ħarist lejh minn perspettiva umana. Anke meta ppruvajt ikolli interazzjoni personali miegħu sibtu bħala bniedem diffiċli ħafna biex b’xi mod inħossni fuq l-istess binarju miegħu. Bniedem impenetrabbli. Clinton Portelli huwa s-simbolu ta’ dawk il-Maltin li jħossu li telgħu skala għax marru jaħdmu u jgħixu barra. Minn dejjem laqtitni l-psike ta’ dawn it-talin. Għaliex iħossuhom hekk? X’inhi l-oppressjoni li jridu jaħarbu minnha? Għax wara kollox aħna lkoll għandna l-oppressjonijiet tagħna, il-ħarbiet li rridu naħarbu, mhux lanqas minn din Malta tagħna – bħall-missier li rridu noqtlu biex il-jien tagħna jasserixxi lilu nnifsu.

  • Fi żmien il-ħaġar Toto’ kien jitkellem mal-allat.  Taħseb li għadna nħossu din il-ħtieġa li nitkellmu mal-“allat”?

Konna, għadna u nibqgħu. L-allat tagħna għamilnihom fuq xbieha tagħna. Nitkellmu magħhom biex anke nitkellmu magħna nfusna. Kultant hu diffiċli wisq li nitkellmu dirett magħna nfusna. Għalhekk li l-allat għandhom użu u jibqagħlhom. Permezz tagħhom nesternalizzaw il-kelma li hemm ġo fina. Huma simboli, il-projjezzjoni tal-jien f’dak li l-jien mhuwiex, l-assolut, l-immutabbli. Għalhekk li aktar faċli titkellem ma’ Alla milli miegħek innifsek, għax aktar faċli tifhem min hu Alla milli min int int.

  • Nifhem kemm kien għal qalbek li tikteb dwar l-istorja ta’ Malta.  Dan il-ktieb għalkemm bi stejjer mistħajla inti tistudja lill-Maltin fil-kuntest ta’ ġrajjiethom, f’dawn l-20 perjodu differenti.  X’kien jinvolvi dan ix-xogħol?  Nimmaġina li waqt ir-riċerka tiegħek mhux l-ewwel darba li għaddew minn moħħok xi ħsibijiet u ispirazzjonijiet umoristiċi li bdejt tieħu notamenti tagħhom.

L-istejjer oriġinaw minn sorsi differenti. Oriġinarjament il-proġett kien li l-ġabra tkun kollha umoristika, kollha satirika. Imma maż-żmien ċerti ġrajjiet ħassejt li d-drammatiċita’ tagħhom toħroġ ferm aħjar jekk il-komiku u l-farsesk ikun imżewweġ direttament, magħġun kompletament, fit-traġiku. Għall-istoriku li jidħol fl-arkivji dawn l-elementi ġieli jsibhom quddiem wiċċu f’episodji li jiddokumentaw il-ħajja reali. L-istejjer li ltqajt magħhom fl-arkivju xi minn daqqiet iħalluk tistaqsi lilek innifsek jekk ir-realta’ hijiex kultant aktar stramba mill-mistħajjel.

  • It-tagħlim tal-istorja anke fl-iskejjel għadda minn ngħid jien revoluzzjoni.  Illum qed nitilqu mll-esperjenza, minn dak li jaraw it-tfal.  Pero’ mhux minn dejjem kien hekk.  Nazzarda ngħid li ġieli anke ħallatna l-element tar-realta’ mal-fantażija sabiex noħolqu l-eroj u forsi dan għen ukoll biex il-poplu Malti fqir u maħkum, intellgħuh ftit għallinqas fil-mentalita’ tan-nies.  Donnu li f’dan il-ktieb inti wkoll ħloqt satira ta’ dan.  Ma nafx kienx il-każ imma għandna eżempju lil Ġiżwaldu jispara l-kanun, persuna b’diffikulta’ mentali imma b’ċikka joqtol lil dragut.  X’taħseb dwar dan?

Jien wieħed minn dawk li nemmen ħafna fit-tagħlim tal-istorja. L-istorja mhijiex biss int minn fejn ġej, imma wkoll riflessjoni dwar int min int. Issa tista’ tkun taf ħafna matematika u titkellem b’ħafna lingwi, imma jekk mintix kapaċi tirrifletti dwar min int u minn fejn ġej mela allura għadek ma taf xejn. Lingwa għandek bejn wieħed u ieħor tliet snin titgħallimha biex tkun kapaċi tużaha sew. Biex titgħallem min int trid ħafna ħafna aktar żmien. Fi żmien il-kolonjaliżmu kienu jgħallmuna min aħna bħala poplu mhux biex ngħarfu lilna nfusna, imma biex jagħġnuna f’min riduna li nkunu. Illum it-tama hi li ħriġna minn dik il-fażi, imma jekk tistaqsini jekk din it-tama narahiex reali ngħidlek li le. U nieħu gost li inti qbadt proprju ma’ Ġiżwaldu. Min hu Ġiżwaldu? Ġiżwaldu huwa wieħed mill-karattri favoriti tiegħi. Ġiżwaldu huwa l-bniedem bla użu. Dak li ommu ma tafx x’se tagħmel bih. Li missieru ma ridux mill-bidu u jibqa’ sa ma joqtlu. Ġiżwaldu huwa l-parodija ta’ Kristu fil-bniedem iż-żgħir, is-salvatur li l-kotba tal-istorja jinjoraw. U hawnhekk, jekk tippermettili, nixtieq nirrakkomanda lill-pubblikatur SKS għall-kuraġġ biex joħroġ din l-antoloġija. L-SKS ma ddejjaqx li jippubblikaw dawn l-istejjer skomdi u rrid inżid li kwalinkwe mertu letterarju jista’ jkollhom mhuwiex bis-saħħa tiegħi imma tal-istejjer infushom, li sawru lilhom infushom, bħat-tarbija li tinfatam mill-ġenitur tagħha biex issir persuna awtonoma bil-karattru u s-sura li tinseġ għaliha nnifisha.

  • F’dan il-ktieb inti wkoll ma bżajtx titratta ċerta temi.  Ngħidu aħna Caxaru bħala omosesswali.  Għaliex wara kollox x’hemm ħażin li kieku kien omosesswali?

Fiż-żminijiet tan-nofs l-omosesswalita’ kienet affront kontra Alla nnifsu. L-iben li jirribella kontra missieru. Jiġfieri, f’termini medjevali, is-sovverżjoni tal-ordni prestabbilit. L-eżekuzzjoni deskritta f’din in-novella hija riskostruzzjoni storika ta’ kif kienu jinqatlu dawk li jinstabu ħatja ta’ sodomija. L-agħar forma ta’ eżekuzzjoni. U fis-sentenza kien imniżżel espliċitament li għandhom jinħarqu biex tagħhom lanqas biss tibqa’ l-memorja. L-omosesswali kienu theddida politika. U naħseb li jekk taqra l-Kantilena ta’ Caxaro fiha wieħed isib din it-theddida, din l-istedina sovverżiva, tal-bniedem li jibni lilu nnifsu anke wara li jiġġarraf – il-bniedem li jissara mad-destin tiegħu, liema theddida eventwalment kellha twassal għar-rivoluzzjoni mentali meta Nietzsche ħabbar li ‘Alla miet’.

  • Nerġa’ naqbiżlek fuq l-essenza ta’ dan il-ktieb, jiġifieri l-ħajja ordinarja tal-persuni.   Hawnhekk insibu karattri żgħar, nies mill-ħajja ta’ kuljum.  Pero’ wkoll inti f’dan il-ktieb mhux talli ma tidealizzax l-eroj tal-istorja imma lanqas tagħmel ġudizzju.  Tippreżenta realta’ aktar minn dak li l-poplu għandu jaħseb li huwa ideali u tajjeb.  Hawnhekk għandna messaġġ politiku favur il-bniedem fil-periferija.  Kemm hu minnu dan?

Sa ċert punt kull bniedem jinsab fil-periferija, anke dak li qiegħed fil-qalba tal-poter, anzi xi drabi min qiegħed fil-poter jinsab fil-periferija aktar minn oħrajn għax il-poter huwa post fejn tirrenja s-solitudni. Bniedem jista’ jkun fil-periferija tas-soċjeta’ imma jista’ jkun ukoll fil-periferija tiegħu nnifsu. In-nies li niltaqgħu magħhom f’‘Għall-Glorja tal-Patrija’ huma n-nies żgħar u kbar li jinsabu f’periferiji differenti, mhux neċessarjament skont iċ-ċokon jew il-kobor tagħhom. Il-bniedem jogħġobni fil-vulnerabilita’ tiegħu, fil-fraġilita’ tiegħu. Il-bniedem tranżitorju, il-bniedem volatili. Il-bniedem kuntradizzjoni. Iva, dan huwa xogħol politiku għall-aħħar. Huwa xogħol anarkiku. Naħseb s’issa l-aktar xogħol li ħassejt viċin tiegħi. 

  • Inti persuna versatili ħafna f’kitbietek.  Tajtna l-ktieb li mar tajjeb ferm “The grasshopper” li huwa differenti ħafna minn dan.  Ktibt ukoll poeżija.  X’qed nistennew minn Alex Farrugia fil-futur?

Jekk ir-ritmu ta’ kitba jibqa’ sejjer kif inhu, f’Novembru li ġej il-qarrejja se jiltaqgħu ma’ Salvu Camilleri, spettur fis-snin 30. Afdat bil-missjoni ta’ ħajtu. Irid jiġġieled ħafna dimonji, mhux lanqas id-dimonji ta’ ġo fih. Bdejt niktbu qabel il-ġrajjiet tal-aħħar ftit xhur tas-sena li għaddiet imma b’mod misterjuż ħafna donnu huwa metafora għal dak li ġara f’pajjiżna tul dawk ix-xhur. It-tradiment, anke minn ġewwa; is-sens ta’ telfien, anke ta’ telfien tal-kawża; id-diżillużjoni; id-dwejjaq; il-ġlieda … kollha huma elementi ewlenin f’dan ir-rumanz. Fuq kollox huwa esplorazzjoni tal-ġlieda kontinwa kontra l-faxxiżmu, dak antik u dak modern. Il-faxxiżmu istituzzjonali u dak intern ġewwa fina. U kif, fuq kollox, minkejja d-diżillużjoni tul it-triq, tibqa’ l-perseveranza tal-ġlieda. 


Leave a Comment