Kitba ta’ Malala Yousafzai bi traduzzjoni ta’ Godwin Ellul
Pubblikazzjoni: Faraxa flimkien b’kollaborazzjoni ta’ L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u RSM MT.
Jekk hemm ktieb li xtaqt nitkelem dwaru fil-bidu ta’ sena ġdida; jekk hemm messaġġ li xtaqt inwasslilkom għal din is-sena li ġejja, huwa propju dak ta’ Malala. Min hija Malala Yousafzai? Is-sotto-titolu tal-ktieb jgħidilna mal-ewwel li hija “It-tifla li tkelmet favur l-edukazzjoni u sparawlha t-taliban”.
Persważ li ftit huma dawk li ma semgħux b’din it-tifla li l-Prim Ministru tal-Pakistan Shahid Khaqan Abbasi sejħilha l-aktar persuna prominenti f’pajjiżha. Fil-bidu tat-traduzzjoni bil-Malti naqraw numru ta’ tifħir dwar dan il-ktieb minn bosta ġurnali ewlenin fosthom Time, The Guardian, Financial Times u bosta oħrajn. Naqraw ukoll li Malala hija:
“Rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi,
Imsemmija waħda mis-16-il persuna taħt l-għoxrin l-aktar influwenti tas-sena minn Time
Magħżula minn People bħala Hero of the Year
Rebbieħa tal-Ktieb Mhux Fittizju tas-Sena fil-British National Book Awards.”
Il-ktieb jibda f’Birmingham l-Ingilterra imma huwa ambjentat fi Swat fil-Pakistan. Kif jagħtina x’nifhmu mal-ewwel is-sotto-titolu tal-ktieb hawnhekk ser insibu storja mqanqla.
It-temi ser nislithom mit-taħdita li saret waqt it-tnedija ta’ dan il-ktieb dak in-nhar tal-Festival tal-Ktieb li fiha ddiskutu Dr Josianne Cutajar, l-Prof Anthony Aquilina u l-Prof Carmel Borg.
Sabiex ikun faċli għalina biex nifhmu xi termini f’dan il-ktieb li mhux familjari magħhom, fosthom dawk politiċi u reliġjużi, l-ktieb għandu Glossarju (p.303) u anke dwar ġrajjiet importanti fil-Pakistan (p.307). Il-ktieb jinkludi wkoll numru ta’ ritratti sbieħ bil-kulur
L-importanza tal-edukazzjoni
L-ewwel ħsieb li jiġik meta taqra dan il-ktieb huwa kemm il-ħsieb ta’ tagħlim b’xejn għal kulħadd huwa ‘l bogħod mir-realta’; kemm il-ħsieb li kull mara tista’ titgħallem huwa ‘l bogħod mir-realta’.
Naqraw dwar il-Mufti li kien ipprova jagħlaq l-iskola tagħhom (p.86). L-ewwel kien pprova jikkanċella l-kera tal-post imma meta ma rnexxilux insista li kien qed jirrapreżenta Musulmani tajbin li jaħsbu li l-iskola tal-bniet tiegħu kienet “haram u dagħwa” u għalhekk kellu jagħlaqha għax il-bniet mhux suppost imorru skola (p.90). Minkejja li dan il-pjan ma rnexxiex, it-Talibani komplew jagħlqu mijiet ta’ skejjel.
F’intervista li kient tat bl-Urdu tal-BBC, Malala bil-kuraġġ kollu staqsiet: “X’wiċċ għandhom it-Taliban jiħduli d-dritt bażiku tiegħi għall-edukazzjoni?” (p.138).
Fit-taħdita tat-tnedija ta’ dan il-ktieb il-Professur Carmel Borg xebbah il-kunċett ta’ liberazzjoni mal-pedagoġija tal-liberazzjoni ta’ Paolo Freire għaliex tabilħaqq hawn ukoll naraw l-edukazzjoni bħala ċavetta għal moħħ kritiku. Mhux biżżejjed l-edukazzjoni, mhux l-edukazzjoni tat-taliban, imma l-edukazzjoni li twassal biex wieħed jara l-affarijiet b’mod aktar oġġettiv.
Tifla ordinarja li għamlet affarijiet straordinarji
Il-kobor ta’ Malala hija li hija tifla ordinarja li għamlet affarijiet straordinarji. Il-ħolma tagħha hija propja din li kulħadd jista’ jagħmel xi ħaġa. Jekk ħadd ma jitkellem kollox jibqa’ kif inhu. Anke qabel it-taliban, meta twieldet in-nies tar-raħal ġiethom ħniena minn ommha u ħadd ma feraħ lil missierha għax twieldet tifla (p.11). Minbarra dan l”iżvantaġġ” tal-ġeneru Malala ma twelditx fil-lussu jew minn xi familja speċjali. Fit-tnedija ta’ dan il-ktieb ġie nnutat li d-differenza kbira li tagħmel il-familja hija l-istabbilità u li jkunu aħjar. Tawha dak li hu bażiku
Bħal missierha hija dejjem kienet toħlom f’soċjeta’ aktar ġusta u kienet timmaġina x’tagħmel waqt li tkun sejra lura d-dar. Kieku tattakkah lura tkun qed tagħmel l-istesss bħat-terrorista. Allura kienet tistħajjel titolbu b’ħerqa kbira:
“Kollox sew, sparali, imma l-ewwel ismagħni. ..
Kulma rrid huwa biss li kull tifla tmur l-iskola” (p.4)
Waqt li llum fis-soċjeta’ tagħna qed ingawdu minn dan id-dritt ta’ kull tifla, ta’ kull mara, ma jfissirx li m’għandniex inkomplu noħolmu. F’dinja fejn il-kapitaliżmu bħal patrijarkiżmu saru eġemoniċi, ‘jinsterqilna’ d-dritt li noħolmu f’dinja aħjar f’dinja differenti u mhux esplojtattiva.
Lil hinn mill-fruntieri u reliġjon
Malala trawmet f’dinja Iżlamika u taf sew il-Quran, il-ktieb Qaddis tal-Islam u tirringrazja l’Allah bosta drabi fost oħrajn anke lejn l-aħħar ta’ dan il-ktieb. Hija Musulmana konvinta u l-konvinzjoni ġejja anke mill-ħsieb ħieles tagħha li tistaqsi u mhux tassorbi biss dak li ppruvaw ibellgħulha.
Meta l-kittieb Salman Rushdie ħareġ il-ktieb kontroversjali The Satanic Vereses li kien parodija tal-ħajja tal-Profeta Muhammed (is-sliem għalih), missierha kien saħaq li l-Islam mhuwiex daqshekk dgħajjef li ma kienx sejjer jittollera ktieb kontrih . “Mhux l-Iżlam tiegħi!” (p.44)
Meta qatlu lill-Prim Ministru Benazir Bhutto, kient ixxukjata mhux ftit meta l-għalliema tal-Istudji Iżlamiċi qalilha “Tgħidx kemm għamlu sewwa li qatluha. Meta kient ħajja ma kienet tiswa għal xejn. Ma kinitx issegwi l-Iżlam kif suppost.” Hawnhekk naraw kif missierha ssuġġerielha “Tgħallem biss dak li jgħid Alla. Kliemu huwa messaġġ divin, li inti ħielsa u indipendenti fil-mod kif tinterprethom” (p.130).
Dan irridu narawh fid-dawl tal-interpretazzjonijiet ħżiena mill-Mullahs u napprezzaw is-sens kritiku kemm ta’ Malala kif ukoll ta’ missierha. Nifhmu wkoll li sitwazzjonijiet simili eżistew fil-Kattoliċiżmu u għalhekk wieħed ifaħħar fost oħrajn diversi iniżjattiva fejn it-tagħlim tal-Bibbja sar aktar aċċessibli u magħhom naturalment l-evoluzzjoni soċjo-politika li għaddew minnha bosta pajjiżi Ewropej.
Konklużjoni u relevanza għal pajjiżna
Il-fatt li l-istorja titlaq minn Birmingham u tmur lura bħal vjaġġ fi Swat fil-Pakistan tfakkrek li l-valuri li għandna dan il-ktieb mhumiex marbuta ma’ pajiż jew post imma huma universali. L-istorja ovvjament għandha kuntest u rridu nifhmu kollox f’dan id-dawl, pero l-prinċipji ta’ Malala mhumiex relevanti biss f’dak il-kuntest partikolari. Kif sostna l-Professur Carmel Borg fit-taħdita tat-tnedija “hija storja wkoll lokali” u relevanti anke għalina. Il-ġlieda ta Malala hija għalina wkoll. Mhux xi messaġġ imbiegħed.
Irridu qabel xejn ngħożżu dak li ksibna fosthom il-prinċipji demokratiċi taħgna. Irridu nibqgħu noħolmu f’soċjeta’ aktar ġusta. Irridu nitkellmu għal dawk li m’għandhomx vuċi. Is-skiet itarrax quddiem anke l-karba tal-Immigranti.
Nagħlaq bil-poeżja ta’ Martin Niemőller li kien għex fil-Ġermanja Nazista (meħuda mill-ktieb p.136):
L-ewwel għall-komunisti,
U ma tkellimx għax ma kontx Komunist.
Imbagħad ġew għas-Soċjalisti
U ma tkellimtx għax ma kontx Soċjalist.
Imbagħad ġew għat-Trejdjunjonisti,
U ma tkellimtx għax ma kontx Trejdjunjonist.
Imbagħad ġew għal-Lhud,
u ma tkellimx għax ma kontx Lhudi.
Imbagħad ġew għall-Kattoliċi,
U ma tkellimtx għax ma kontx Kattoliku.
Imbagħad ġew għalija,
U ma kien fadal ħadd min jitkellem għalija.