40 sena ta’ waħx u aktar
L-ewwel ktieb ta’ Anton Grasso kien “Iljieli bla qamar” li ħareġ fl-1974, ktieb li għandi x-xorti għandi kopja tiegħu bil-kopertina tal-ewwel edizzjoni. Dan il-ktieb tista’ tgħid bexxaq il-purtiera tal-misteru f’pajjiżna Tant huma mfittxija l-kotba ta’ Grasso li erġajna rajna edizzjonijiet ġodda ta’ Iljieli bla qamar u Mejt fost oħrajn. Ta’ min ngħidu li Mejt ħareġ aktar minn 30 sena ilu.
Diffili tagħżel xi stil iħaddan Anton Grasso speċjalment f’karriera letterarja ta’ aktar minn erbgħin sena. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li Grasso ma jiktibx biss kotba tal-biża’, u naturalment huwa wkoll kellu l-impjieg tiegħu fil-qasam tax-xandir. F’xi xogħoljiet tiegħu joħorġu wkoll kif iħallat l-istili differenti; ngħidu aħna fin-novella In-Nota ninnutaw saħansitra l-komiku u l-parodiku li jżewwiġhom mal-makabru.
Il-versitalita’ ta’ Grasso ma toħroġx biss mill-istili letterarji iżda anke ġeneri letterarji. Fil-fatt f’dan il-ktieb insibu ġabra ta’ novelli p. 81-331 u ġabra ta’ poeżii p.345-398. Imma Grasso matul il-karriera brillanti tiegħu offrielna dik ix-xi ħaġa iżjed: il-multimodalita’ u mezzi differenti kif iwasslilna l-esperjenza tal-waħx. Fil-fatt fis-sebgħinijiet kien magħruf għas-serje televiżiva Stejjer tal-waħx għalkemm dawk li huma ta’ mpari aktar nifrakruh bis-sensiela televiżiva tad-disgħinijiet Enigma (ritratti p.409). Il-kittieba u preżentatriċi tgħid: “…meta kont ninzerta lil Anton jaqra xi storja ‘tal-waħx’ u b’leħnu kważi melliesi jlissen dak l-orrur, kont nitkexkex u nitwaħħax” (p.63). Grasso huwa ortatur tajjeb u leħnu jibqa’ jidwi f’moħħna. Madankollu anke jekk hawn xi ħadd li qatt ma sema’ lil Anton Grasso, il-kitba tiegħu iħalli dan l-effett u fi kliem il-lekċerer u kartunista Dr Gorg Mallia, “Anton kien jaf joħloq pont mal-qarrej tiegħu, ideffsu fil-qalb tad-dlam u jgħoddsu f’emozzjonijiet bla kontroll.
Interessanti wkoll kemm dan il-qasam tal-istramb, tal-makabru huwa mfittex u tant popolari u wieħed jistaqsi wkoll għaliex wieħed jibża’. Għalhekk naħseb il-mistoqsija fundamentali ta’ min jipprova jbeżża’ hija x’inhuma dawk l-elementi li jsawru stejjer tal-waħx? F’dan il-ħsieb qasir tiegħi ppruvajt nagħżel dawn l-elementi u nislet ftit eżempji anke minn dan il-ktieb li għandna quddiemna. Huwa għalhekk ukoll li waqt li konxju tal-fatt li Anton Grasso ma kitibx biss stejjer tal-biża’, imma minħabba l-fatt li dan huwa l-aktar qasam marbut miegħu l-qafast tal-ħsieb tiegħi hawnhekk sawwartu ma’ dan il-fatt. Ppruvajt kemm stajt ma ntellifx il-gost tal-qari billi nirrakonta l-istorja iżda ma stajtx irrażżan lili nnifsi milli nikkwota b’mod dirett minn dan il-ktieb għax ma nistax ninterpreta fi kliemi bl-istess mod, u l-istess effett li jħalli fuqna daqs kif iwassalha l-awtur innifsu.
L-atmosfera biex wieħed jibża’
Grasso jinqeda bil-ħakma tajba li għandu tal-ilsien Malti u jagħtina diversi deskrizzjonijiet li minnhom infushom diġa jwaħħxuk. U l-qofol tal-istorja jkun għadu ma ntlaħaqx. Jinqeda eżempju bil-lejl.
“Imbagħad jidħol il-lejl. Kien jitkaxkar fuqi bħal liżar bla ma jkenninni. Fid-dlam il-kamra kienet tieħu dehra tal-biża” (p.252).
Esperjenzi mhux tas-soltu jew intriċċi li wieħed ma jistax jispjega. Hemm il-biżgħat normali u l-mistoqsijiet fundamentali tal-ħajja. Il-mewt ngħidu aħna. “Il-mewt m’għandhiex tbiddel is-sistema tal-ħajja” (p.281) naturalment hawn qiegħda f’kuntest tat-tweġiba nisranija għall-mewt, għaliex “il-mewt kerha”. Barra l-biża’ mill-mewt hemm il-biża’ mid-dnub (p.151), mid-dipressjoni (p.157, 246), biża’ mit-tbatija, anke jekk dawn huma sekondar ji. Joħloq atmosfera permezz tal-ksieħ, xita, u dlam (p.84).
Ma jistax jonqos li f’xi novelli nsibu element ta’ makabru (eżempju p.246). Minħabba ċerta deskrizzjonijiet grafiċi nippreferi li ma ninkludihomx f’din il-paġna. Għandna wkoll id-dehra grafika u disturbanti ta’ Kristu wiċċu mimli demm nieżel l-għolja (p.149).
Fin-novelli nsibu antiċipazzjoni għall-biża’. Joħloq stennija, esklamazzjonijiet, espressjonijiet. Xi kultant din l-antiċipazzjoni tkun aktar fit-tul sabiex jaħsdek fit-tmiem(eżempju Is-seba’ vittma). F’dan il-każ l-istorja tieħu x-xorta ta’ thriller.
Fi Grasso naraw il-katavru jinżel fil-qabar għax “post katavru mhux ħlief il-qabar” (p.281).
Stramb u surreali
Fost l-ingredjenti li ninnota hemm dak li hu stramb u surreali. . Niltaqgħu ma’ tfajla eżempju li tara tfajla oħra tixbaħha qisha qed tara rifless tagħha (p.86). Dawn id-deskrizzjonijiet żgħar anke jekk ma jkunux kruċjali ikomplu jdaħħluna fl-atmosfera li semmejt qabel.
Fi Trinu l-iswed naraw l-istatwa li f’moħħ it-tifel qed ikellmu u r-realtà kiefra titħallat mas-surreali. Iżda wara kollox din kienet statwa tal-ġibs li meta nħasad spiċċat frak mal-art.
Naraw ukoll il-kuntrasti: il-waħx u l-komiku, realtà u fantasija, il-ħajja u d-dramm, ix-xewqat u l-beżgħat.
Dak li ma tkunx qed tistenna
Il-mod kif ipoġġi s-sentenza Anton Grasso u kif jibni u joħloq argument, idaħħlek f’sitwazzjoni li ma tkunx qed tistenna. Id-dar sabiex nies imdejqa jmutu hienja hija d-dar fejn tieħu gost tmut. “Jekk tieqaf taħseb ftit, tinsa l-ikel, ix-xorb u d-divertiment li ssib hawn ġew tinduna li taħt din il-maskra ta’ hena artifiċjali hemm il-mewt” (p.77).
Mill-banda l-oħra fl-aħħar storja li għandna, “Ir-Raġel ta’ Novembru” għandna żagħżugħ li
ommu qatlet lil missieru. Din ġabet rabja fih tant li jispiċċa joqtol it-tfajliet. Anke l-affarijiet sempliċi ta’ kuljum iqanqlu fina ċerta biża’: “Il-lejl kien jidħol fuqi bħal barrani mhux magħruf bla mixtieq u mistenni” (p.252)
Iżda mhux dejjem il-lejl ikun li jbeżża. Xi kultant anke d-dawl u d-dehra ta’ xi ħadd bla mistenni.
“F’daqqa waħda ħasset paniku li ma setgħetx trażżnu. Qalbha qisha waqfet waqt li baqgħet tmexxi jdejha ‘l fuq u ‘l isfel. B’rogħda ma ġisimha kollu, idejha waqfu madwar ħadida spunata ‘l barra Is-salott iddawwal f’daqqa” (p.238).
Anton Grasso: Il-profondita’ tal-bniedem
Waqt li ma jnaqqsu xejn mill-immaġinazzjoni u l-istħajjil forsi bla ma jrid fil-poeżiji naraw aktar l-umanita’ ta’ Grasso. Fil-poeżiji joħroġ aktar il-fatt li wara l-makabru, wara l-iswed hemm is-sabiħ u l-pożittiv. Naturalment meta wieħed janalizza b’ċerta reqqa n-novelli wieħed jista’ jislet l-imħabba li għandu l-awtur għall-umanita’. Fil-poeżija iżda toħroġ il-ħlewwa wkoll anke fil-kelma. U dan minkejja l-fatt li l-poeżija mhux nieqsa mill-elementi li jsawru lil Grasso u li huma attribwiti għalih, jiġifieri dak li hu oskur u l-misteru.
Il-fidi tal-poeta fil-ħallieq narawha f’Talba (p.367) li fil-fehma tiegħi l-aktar li fiha juri sengħa poetika u għażla tajba tal-metafora:
“Mulej,
hekk kif jitbexxaq l-għabex
mal-ewwel titwiba tad-dellijiet
jilagħbu minn wara l-purtiera
iħabbru l-wasla ta’ jum ġdid”
Xogħol rappreżentattiv u konklużjonijiet
Bla dubju ta’ xejn dawk li għandhom numru ta’ kotba ta’ Grasso fil-librerija personali tagħhom ser iżidu dan il-ktieb sabiħ dwar dan l-awtur. Dawk li m’għandhomx kotba ta’ Grasso għallinqas għandu jkollhom dan il-ktieb. L-istejjer u l-poeżiji ta’ Anton Grasso huma magħżula minn Joe Cassar.
L-ewwel parti tal-ktieb tikkonsisti fi ħsibijiet dwar Anton Grasso minn Doris Azzopardi, Charles Briffa, Norbert Ellul-Vincenti, Charles Flores, Ġorg Mallia, Marica Mizzi, Ġorġ Peresso, Mariella Pisani Bencini, Patrick Sammut u Carmel Scicluna. Wara għażla tajba ta’ novelli u poeżiji minn Joe Cassar, il-ktieb jispiċa b’għażla ta’ ritratti minn Annette Apap, it-tfajla li qattgħet (jew ħliet) aktar min-nofs ħajjitha miegħu, uħud minnhom ippubblikati għall-ewwel darba.
Anton Grasso 40 sena ta’ waħx … u aktar huwa ktieb ta’ 425 paġna u b’qoxra iebsa. Il-pubblikaturi ta’ dan il-ktieb evidentament għarfu l-importanza ta’ dan l-awtur li ppublika 52 ktieb. Il-qarrej ser isib f’idejh ktieb li jixraq, ktieb li tieħu pjaċir iżżomm u naturalment titpaxxa bil-kitba ta’ Anton Grasso.
Torca_20-1-19_Anton-Grasso