Awtriċi: Clare Azzopardi
Qrajtu Castillo ta’ Clare Azzopardi? Hekk staqsewni ħafna qarrejja. Il-ktieb ħabbarna meta kien ħareġ u jidher li miexi mhux ħażin. Jekk “kulħadd ħalla isem warajh” Azzopardi żgur naqxet isimha permezz ta’ dan il-ktieb ta’ novelli tagħha u anke numru kbir ta’ kotba tat-tfal. Issa kien imiss rumanz Castillo. Ir-rumanz huwa wieħed li jżommok. L-istil tiegħu ifakkrek f’xi film, jgħin lill-qarrej isewgwi ftit ftit l-istorja u jmur lura permezz ta’ flashbacks. Element b’saħħtu ta’ dan ir-rumanz huwa d-djalogu li mhuwiex differenti mit-taħdit ta’ kuljum. Xi kultant naraw infilsata kelma ingliża fid-djalogu, kif jitkellmu l-Maltin, imma fl-istess ħin naraw ħakma tajba tal-lingwa f’partijiet oħra tar-rumanz. Imma b’differenza minn dramm għandna xi deskrizzjonijiet importanti mmens u oħrajn li jgħinnuna nesperjenzaw aħna wkoll l-istorja li man-narratriċi Amanda tfittex il-għala seħħew ċerta affarijiet. Il-qarrej kważi wkoll huwa parteċipi fit-tiftix f’dan ir-rumanz investigattiv. Grafika li turi l-kaligrafija tal-katalogu ta’ Barbara huwa eżempju wieħed kemm dan il-ktieb huwa wieħed movimentat u juża modalitajiet differenti għalkemm stampati li jdaħħlu aktar lill-qarrej fl-istorja.
Il-punt tat-tluq huwa li Amanda tfittex lil ommha (Emma Barbara) li abbandunata aktar minn 25 sena ilu. Xokk kbir għal Amanda li ssir taf li ommha qatlet, u aktar minn darba! Imma hemm raġuni għal dan. Riedet tagħmel vendetta minn min qatel lil oħta tewmija l-awtriċi Cathy Penza nqatlet. L-istejjjer tagha ħarġu fis-sengħinijietu fit-tmeninijiet sakemm Penza nqatlet f’Diċembru tal-1986 b’karozza bomba li huwa misteru jekk wara kollox kinetx intenzjonata għaliha.
Emma Barbara qatlet lil ċerta Tommy, ġar tagħha f’Ħal-Għargħur. Dan Tommy ma tantx kellu reputazzjoni tajba u Barbara kienet taf li kellu garaxx mimli bombi, xi ħaġa li wasslitha biex taħseb li huwa kien il-qattiel t’oħtha. Terġa’ u tgħid huwa ma tantx kien jaħmel lil Penza. Barbara stess issir taf aktar dwar oħtha minn kitbietha fosthom l-aħħar rumanz tagħha li baqa’ qatt ma ġie pubblikat. Fot ir-rumanzi li jissemmew insibu, Strada Marina, Il-Ħotbi, il-Ħofra u oħrajn. Ir-rumanzi ta’ Penza fil-fatt, li tagħhom Castillo huwa l-protagonist, isawru dan il-ktieb u jitfgħu dawl kbir fuq is-sebgħinijiet u tmenijiet. Għall-kuntrarju ta’ kotba oħra Maltin li qrajt dan l-aħħar, u anke forsi minkejja li taf li l-Maltin iħobbu dik il-laqta politika, Azzopardi żammet fuq quddiem l-arti tagħha u għamlet dak li kien meħtieġ u semmiet dawn l-eposodji b’mod sottili ħafna u li ma jtellfu xejn lill-istorja. Fl-istess ħin għal darb’oħra joffru lill-qarrejja ċ-ċans biex flimkien ma’ Amanda jiskopru x’wassal biex Emma Barbara toqtol u dak kollu illi ġara. Insiru naf per eżempju Annie li kienet il-maħbuba ta’ Penza kienet taħdem fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u saħansitra dehret f’ritratti miegħu meta l-Kurunell Gaddafi kien żar Malta. Is-siltiet mir-rumanzi joffru storja (jew aħjar stejjer) ġo storja. Fost oħrajn naraw dwar il-mewt ta’ Castillo, il-protagonist ta’ dan ir-rumanz.
Dan huwa ktieb interessanti mmens fejn għandna storja ġo storja li hija kruċjali f’dan ir-rumanz u mhux sempliċiment qed tipprovdi kuntest. Fil-fatt il-karattru tagħha huwa l-protagonist tal-ktieb t’Azzopardi. Siltiet mir-rumanzi ta’ Penza jiffurmaw dan ir-rumanz. Interessanti wkoll għax il-qarrej isir parteċipi u flimkien ma’ Amanda jippruvaw iħollu din l-għoqda u jsibu tarf ta’ dak li ġara. Mill-misteru ta’ mara fl-istramberiji tagħha niskopru misteri ikbar. Daqs kemm il-messaġġ mhuwiex fil-wiċċ, daqstant ieħor l-esperjenzi tal-persuna. Spiss niġġudikaw fil-ħajja ta’ kuljum: Għaliex dik l-omm abbandunat lit-tarbija tagħha? U spiss nippunraw subgħajna. Azzopardi tħares lejn il-persuna (anke l-karattru fittizju) li warajha hemm storja. Aspett li ma rridx inħalli barra minn dan il-ktieb huwa għalhekk dak tar-relazzjonijiet: Ir-relazzjoni ta’ Amanda m’ommha, ommha m’oħtha Cathy Penza, t’oħtha ma’ Annie, tal-karattri fittizji fir-rumanzi ta’ Penza, ir-relazzjonijiet ma’ politiċi u kif jaffetwaw il-ħajja ta’ kuljum, u fuq kollox ta’ Amanda ma’ bintha. Hawnhekk naraw umanita’ kbira anke lejn l-aħħar tal-ktieb.
L-imħabba bħalma hija dik tagħha ma’ bintha hija fundamentali anke jekk mimlija xkiel.
Castillo jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew onlinedirettament minn merlinpublishers.com