Edizzjoni ġdida ta’ Fjuri li ma jinxfux

Awtur: Oliver Friggieri

Għadha kemm ħarġet edizzjoni ġdida tal-ktieb awtobijografiku Fjuri li ma jinxfux tal-Professur Oliver Friġġieri.  Il-kobor ta’ dan il-ktieb mhuwiex biss għax huwa ktieb ta’ tifkiriet mill-pinna tal-awtur innifsu.  Dik waħidha hija importanti meta tqis il-profil għoli li għandu l-Professur Friggieri, id-diversi impenji tiegħu u l-kontribut enormi li ta lill-ilsien pajjiżna.  Imma l-akbar valur li nara f’dan il-ktieb huwa li jitratta l-istorja soċjali u soċjo-politika ta’ pajjiżna, u qed naraw din l-istorja minn angolu ta’ persuna li għexha.  F’dan il-ktieb napprezzaw ħajjet il-Maltin li għexu fi żminijiet differenti, ċ-ċirkostanzi tagħhom u kif inbidlu mal-milja ta’s-snin.  

Bil-permess tal-awtur qed indewqukom togħma żgħira minn dan il-ktieb ta’ tifkiriet Fjuri Li Ma Jinxfux

Fid-dell tal-ġlieda bejn l-Arċisqof Gonzi u l-Perit Mintoff

Bejn ix-Xagħra tal-Furjana u s-Seminarju     

     Is-Seminarju Minuri li naf jien huwa dak li ħadt fih l-edukazzjoni sekondarja tiegħi bejn l-aħħar snin tal-ħamsinijiet u l-ewwel erba’ snin tas-sittinijiet.  Is-Seminarju tal-Furjana, fejn kien fis-snin ħamsin-sittin u wara, maż-żmien beda jintuża bħala l-Kurja ta’ l-Arċisqof. Huwa bini kbir, dinjituż, quddiem in-niżla ta’ Sammiżun (Sa Maison), fix-xifer tal-Furjana. Huwa bini mimli antikita’ u storja, b’ħitan għoljin, b’pitturi qodma matul il-kurituri, b’kolonni għoljin li jduru madwar il-klassijiet tagħna ta’ studenti fi skola sekondarja. Hemm għaddejna l-kors tat-tagħlim sekondarju. Kienu kollha snin mill-isbaħ, u l-ħajja kienet trankwilla, il-pass kien bil-mod, u l-entużjażmu tagħna l-istudenti kien kbir.

     Fix-xifer ta’ Balzunetta, fejn trabbejt, kien hemm tliet istituzzjonijiet importanti: l-Isptar ċentrali, id-Dar ċentrali tal-Pulizija, u s-Seminarju (Minuri u Maġġuri). Fil-modestja tagħha, mimlija familji mill-aħjar u ta’ qalb kbira, Balzunetta kellha fil-fatt ħafna prominenza. Fix-Xagħra tal-Furjana, wara kollox, kienu jsiru l-parati tas-suldati. Il-parati kienu wirja ta’ uniformijiet sbieħ, ta’ riġmenti preċiżi, ta’ ċerimonji mimlijin kulur. Malli tispiċċa l-parata, aħna t-tfal konna mmorru niġru fix-Xagħra biex niġbru l-iskrataċ taċ-ċomb wara li s-suldati jkunu sparaw fl-ajru bħala parti miċ-ċerimonja u ħallew l-iskrataċ imxerrdin ma’ l-art. Fix-Xagħra wkoll lgħabna l-futbol għal sigħat sħaħ, avolja konna nweġġgħu jekk konna naqgħu fuq l-art mimlija ġebel. Il-logħob kollu kien isir fuq art mingħajr it-terf, li daħal ħafna snin wara. U fix-Xagħra wkoll tajjarna t-tajra tal-karti, u ħarisna ‘l fuq ‘il fuq, nixtiequ, nittamaw, u noħolmu. U fuq kollox, konna qegħdin nistennew. Is-snin ta’ l-għaġeb – ħamsin u sittin – kienu tagħna kollha kemm huma. Ma konniex sinjuri, u konna kuntenti. Bi ftit soldi,  l-aktar l-aktar bi ftit muniti ta’ tliet soldi (il-munita konna nsejħulha ‘skorfina’), aħna t-tfal stajna niftaħru li konna sinjuri. Bil-logħob tagħna fit-toroq, konna konvinti li l-pajjiż kollu kien tagħna. 

L-għaxra: ħin il-kolazzjon u l-logħob  

  Qiegħed inħallat apposta t-tifkiriet tiegħi ta’ Furjaniż  mat-tifkiriet tiegħi ta’ student fis-Seminarju Minuri tal-Furjana, f’Balzunetta. Fil-fatt, naħseb li l-istudenti sħabi li kienu jiġu l-iskola, mill-bliet u mill-irħula kollha ta’ Malta,  kienu jsiru huma wkoll b’xi mod Furjaniżi. Għallinqas għas-sigħat ta’ filgħodu, mit-Tnejn sal-{imgħa. }afna studenti ma kinux iġibu kolazzjon magħhom mid-dar. Kienu jixtru ħobża żgħira mħawra tajjeb biż-żejt u bit-tadam, jew ftit pastizzi, jew ħobża bil-butir u bil-ġobon mill-ħwienet ta’ l-inħawi, fil-waqfa tal-mistrieħ ta’ kwarta għall-ħabta ta’ l-għaxra ta’ filgħodu. Il-lezzjonijiet kienu jispiċċaw madwar is-siegħa ta’ wara nofs in-nhar. Matul il-waqfa tal-mistrieħ – il-brejk! – konna mmorru x-Xagħra. Kienet iddoqq qanpiena kbira li tidwi ma’ l-iskola kollha, u lkoll konna noħorġu niġru lejn ix-Xagħra biex insibu r-roqgħa tagħna fejn kellna d-dritt nilagħbu logħba futbol qasira. L-istudju jiġi l-ewwel, u warajh kien jiġi l-ballun. Ballun tal-lastiku, pulit u normali,  jew ballun taċ-ċarruta, li konna nixtruh b’sold u li ma kienx idum ma jitqatta’ bid-daqqiet tas-saqajn. Il-ballun kien jistenniena dejjem.  Saqajna kienu jikluna biex nixxuttjaw, u meta ma konniex insibu ballun, konna ninfexxu f’ġebla jew f’bott tal-ħalib, jew f’karta mibruma tond fl-art. Kulħadd jixxuttja kullimkien, kull ħaġa li jara fl-art! 

     Ix-Xagħra tal-Furjana, madwar l-għaxra ta’ filgħodu, kienet f’daqqa waħda timtela bl-istudenti jiġru, jgħajtu u jirraġġaw u jilagħbu l-ballun. Il-ġlekkijiet blu skur matul ix-xitwa – kienet għadha teżisti x-xitwa fis-snin ħamsin-sittin – kienu jagħtu dehra differenti lix-Xagħra. Id-dehra kienet tkun kollha bajda meta mbagħad kien jibda dieħel is-sajf u konna nibdew immorru l-iskola bil-qmis u bl-ingravata – mingħajr ġlekk. L-uniformi kienet ħaġa sagra, u konna kburin biha għaliex konna nafu li s-Seminarju kien skola mill-aħjar. Il-ġlekk kellu l-arma tas-Seminarju fuq il-but ta’ quddiem.  L-uniformi kienet tfisser dixxiplina.

Mill-istorbju għas-silenzju

     Il-ġiri u l-istorbju tagħna lkoll fix-Xagħra kienu jieqfu hesrem malli kien jasal ir-Rettur, Dun Victor Grech, serju, bi tbissima, b’suttana dritta, b’kappell, u kien isaffar suffara għal ftit sekondi. Ftit, tassew ftit! L-istorbju tax-Xagħra kien jibda jbatti malajr, l-istudenti kienu jieqfu mil-logħob u jersqu pass pass lejn in-naħa tax-Xagħra li tagħti għat-triq li tieħu lura lejn is-Seminarju. Kull klassi kellha ‘prefett’, wieħed minn sħabna stess, li kien responsabbli mill-grupp tagħna. Konna ninġabru lkoll f’ringiela ta’ tnejn, skond il-klassi, bla kliem xejn, u konna nistennew tisfira oħra bis-suffara mingħand Dun Victor  biex nimxu lura lejn il-klassi. 

     Dun Victor kien ħabib kbir tagħna lkoll u l-ġid li huwa għamel lis-Seminarju u lill-Knisja huwa kbir. Konna nħobbuh u bqajna nħobbuh ħafna. B’dixxiplina mimlija ġentilezza u serjeta’, b’kelma meqjusa, mirquma u ċara, kien kapaċi jikkonvinċi lil kulħadd kemm kienet kbira l-fidi tiegħu. Mis-snin sittin stess huwa kien diġa’ beda jkun imfittex u kkonsultat għall-pariri minn Malta kollha. ‘Il quddiem iltqajt miegħu wkoll fis-Seminarju Maġġuri. Dun Anton Galea, il-Viċi-Rettur, kien huwa wkoll raġel twajjeb, dehni, iddedikat għas-servizz ta’ skola kbira, konvint mis-sejħa tiegħu, u dejjem bi tbissima. Aħna l-istudenti konna xxurtjati.

    Il-ħajja tagħna ta’ studenti fis-Seminarju Minuri kienet tassew kalma, u lkoll konna ferħanin bl-għalliema u bl-istudju. Kienu lkoll ta’ livell għoli; hekk bqajt naħseb, anki llum, wara ħafna snin.  Fost l-eqdem ħbieb-studenti kien hemm Louis Galea u Albert Marshall, u t-tlieta bqajna ħbieb kbar sa llum. Moħħna għamel vjaġġ twil, imma qalbna qisha waqfet hemm, xi mkien fil-klassijiet tas-Seminarju Minuri tal-ħamsinijiet-sittinijiet. Kien dan l-istess fatt li mbagħad, żmien twil wara, wassalni biex nikteb ir-rumanz “Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ” (1998), ambjentat proprju f’Balzunetta ta’ dak iż-żmien. 

    F'”Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ” xtaqt inpinġi d-dinja ċkejkna u ħelwa ta’ familja żgħira, f’dawn l-istess inħawi,  li fiha tifel jiskopri lid-dinja qiegħda tinfetaħ quddiemu bil-mod il-mod, waqt li ommu u missieru jħarsu lejh matul is-snin – u jixtiquh jibqa’ tifel, għal dejjem, bħal ġiżimin li jibqa’ ma jiftaħx, u jfuħ biss… Valuri essenzjali huma mlaqqgħin flimkien f’dinja żgħira li hi wkoll sħiħa, ideali, bla prentensjoni, u meraviljuża. Mhux dak hu li nixtiequ llum ukoll, wara kollox? Mela x’qegħdin infittxu? Fir-rumanz ta’ dan l-ambjent ippruvajt niddeskrivi s-sempliċita’ ta’ dak iż-żmien, u sadanittant indunajt li din hi dik il-ħaġa diffiċli, kumplessa, li għadna qegħdin infittxu llum. Dan hu l-ambjent li qiegħed nipprova niddeskrivi, u li xejn aħjar minn rumanz ma jista’ jerġa’ jibnih bi mħabba u  b’intensita’. Anki “Stejjer għal Qabel jidlam” huwa ktieb immnebbah  mill-istess ambjent. 

Leave a Comment