Stejjer qosra minn Joe Friggieri

Pubblikazzjoni: Kite

Jekk qed nitkellmu dwar stejjer qosra ċertament żgur ma ninstgħux ma nsemmux lil Joe Friggieri.  Biżżejjed insemmu l-aħħar kotba  minn din is-sensiela: 

Nismagħhom Jgħidu (2016), Il-Gżira l-Bajda u Stejjer Oħra (2017), Il-Fiera tal-Fuħħar u Stejjer Oħra (2018) u Widnet il-Baħar u stejjer oħra (2020).  

Joe Friggieri jikteb b’mod mexxej, u jlaqqat elementi ta’ umoriżmu ma’ oħrajn ta’ suspans.  Dawn il-kuntrasti huma dawk li jagħmlu dawn il-kitbiet pjaċevoli.  L-istil tiegħu huwa li jirrakonta storja, bħalma qabel (għalkemm jalla din id-drawwa ma tispiċċax) kien isir b’mod orali.  Tiftakaru l-istejjer kienu jibdew, “Darba waħda?”  Le mhux kull storja ta’ Friggieri tibda hekk, imma dejjem kważi jġgħiegħel il-qarrej jaħseb li din ġrat tabilħaqq.  

L-aktar elementi komuni li nara f’Joe Friggieri huma dawn:

  • Joffri sfont differenti u f’firxa wiesgħa ta’ perjodi ta’ żmien.  Għandna stejjer riċenti u oħrajn joħduna lura fiż-żmien.
  • Iżewweġ b’mod tajjeb l-element ta’ misteru u kurżita’ mar-realiżmu. 

Ranier Fsadni f’kumment dwar l-istejjer ta’ Joe Friggieri jgħid li ‘L-effett tal-istil minimalista ta’ kif jikteb Joe Friggieri hu li, għalkemm qed jirrakkonta – u allura l-istorja għandha bidu u tmiem – l-istejjer jieħdu xejra leġġendarja anki meta jkun qed jikteb dwar l-affarijiet ta’ kuljum. U l-leġġendi, kif nafu, la għandhom bidu u lanqas tmiem. Jidwu dejjem madwarna… Il-proża poetika ta’ Joe Friggieri qatt ma titlef mis-sempliċità. L-istejjer kollha huma qishom għadira ċara li fiha, aħna u għaddejjin, nilmħu xi ħaġa tleqq, u allura nduru lura b’ħarsa aktar attenta. Is-seħer tal-aħjar novelli hu li, bla ma tobsor, malli tħares lura tieħu lemħa ta’ x’hemm quddiem, jistenna.’

Friggieri għandu ħabta juża strateġiji narrattivi differenti, fejn f’xi drabi juża l-ewwel persuna waqt li oħrajn iħalli l-protagonisti jirrakontaw.  Ikun xi jkun l-istil li jaddotta dejjem jinvolvi l-qarrej; iħallina naħsbu.   Nistqarr li xi stejjer baqgħu jidwu f’moħħi u xi kultant anke jwasslu għal dibattitu enormi.  Tiġini f’moħħi “Dritt għal punt” fejn wieħed jista’ jwessa l-argument anke għar-realtajiet tal-lum.    Element ieħor li nsibu f’xi stejjer huwa dak tas-sorpriża.  

Kil-kobor ta’ dan l-awtur huwa li l-ekonomija tal-kliem ma tnaqqas xejn mill-ġmiel li jżejjen din il-kitba.  Toħroġ sew fil-kisra tal-lingwa kif użata f’dawn in-novelli.

Joe Friggieri huwa Professur tal-Filosofija l-Università ta’ Malta. Ix-xogħlijiet akkademiċi tiegħu jinkludu żewġ kotba fuq il-filosfu Ingliż J.L. Austen u ‘In-Nisġa tal-Ħsieb’, l-ewwel storja tal-filosofija bil-Malti, fi tliet volumi (2000, 2007, 2014). Fil-qasam letterarju kiteb u ppubblika tliet ġabriet ta’ poeżija (‘Intervalli’, ‘Kadenzi’ u ‘Mitt Ħajku’), ħames drammi twal (‘Mid-Djarju ta’ Sara’, Tkun Darb’oħra Mikelanġ’, ‘Trappisti’, ‘Caravaggio: l-Inkjesta’, u ‘L-Għanja taċ-Ċinju’), u ħafna stejjer qosra, fosthom ‘l-Istejjer tar-Ronnie’ (1992 u 2007), li kisbu popolarità kbira fost l-istudenti u l-għalliema, ‘Ħrejjef għal Żmienna’ (1996 u 2015) li nqalbu għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, ‘Nismagħhom Jgħidu’ (Kite, 2016) u ‘Il-Gżira l-Bajda’ (Kite, 2017).

it-torca-2021-02-14-1_27-27-min

Mitt ruħ

Awtur: Gorg Mallia
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin

Għandi mitt raġuni differenti għaliex ridt nakkwista kopja ta’ dan il-ktieb.  Minn banda għandna ktieb b’illustrazzjonijiet ta’ Gorg Mallia. Il-mod kif ifisser l-emozzjonijiet fl-illustrazzjonijiet tiegħu dan l-artist, huwa xi ħaġa li jiena tassew togħġobni.  Dawn l-aħħar snin Mallia approfitta ruħu sew mill-benefiċċji tat-teknoloġija u użha bl-aħjar mod li seta’.  U hawn nixtieq nagħti ftit eżempji li dehru f’din l-aħħar sena: 

  1. L-Avventura msaħħra ta’ Melanie u Karl, ktieb għat-tfal miktub fil-bidu tal-imxija tal-Covid-19, biex jingħata b’xejn f’forma elettronika bħala rigal lit-tfal Maltin u Għawdxin kollha li kienu jinsabu d-dar minħabba fl-għeluq tal-iskejjel.
  2. Il-wirja ta’ pitturi diġitali Rhapsody-in-Pain bejn it-6 sal-20 ta’ Marzu 2020. 
  3. It-tislima lill-personalitajiet li jħallu din id-dinja permezz ta’ Facebook
  4. Numru ta’ karikaturi li ma waqfux, xi wħud ftit kritiċi speċjalment lejn it-tmexxija attwali
  5. Il-Professur Għasfur (it-tieni ktieb)
  6. Numru ta’ illustrazzjonijiet għall-istejjer ta’ Għidli mitejn. 

Din tal-aħħar, Għidli mitejn kienet ta’ inpromptu għal dan il-ktieb.  Din il-paġna permezz ta’ Facebook qed toffri spazju lil numru ta’ awturi biex itellgħu ix-xogħlijiet tagħhom u aktar minn hekk qed toffrilhom sfida sabiex dan ix-xogħol ma jkunx aktar minn mitejn kelma.  Gorg Mallia ċertament għandu ħafna x’joffri imma dan l-ispazju dejjem iħallih għalina l-awturi.   Pero’ huwa stess kellu kontribut kbir ħafna u naħseb li dan huwa r-riżultat. 

U hawn Mallia, issa bħala awtur qed jesplora dan il-qasam li bl-Ingliż huwa magħruf bħala flash fiction.  Dawn il-mikrostejjer huma xi ħaġa relattevament ġdida f’pajjiżna.  Rita Saliba fil-fatt riċentament ħarġet il-ktieb sabiħ “Ħjut”.    L-isfida f’dawn l-istejjer hija li l-ekonomija tal-kliem u li l-awtur irid jasal għal konklużjoni fil-qosor ħafna.   

Dawk li segwew l-illustrazzjonijiet ta’ Ġorġ Mallia li jiddeskrivu burdati differenti matul din l-aħħar sena diffiċli li għaddejna flimkien, żgur li mhux ser ikunu diżappuntait b’dan il-ktieb.  Stejjer qosra fejn is-soċjal jitwaħħad mal-psikoloġija u mfisser bl-illustrazzjonijiet u l-kitba b’emozzjonijiet qawwija.  U dan jagħmlu mingħajr ma joħodha wisq fit-tul.  Il-ħila kbira li jesprimi dak li għandu xi jgħid bi stampa bħal jirreplika anki fil-kitba.  Jasal għal punt mal-ewwel.  

Il-ktieb jitratta bosta temi bħal kwistjoni tal-kirjiet li tħalli l-faqar (Karmnu), il-vjolenza domestika (Sonia), Is-saħħa mentali (Rita) u kif il-bullying jisa’ jwassal għal ħsara (Bruce). 

Li għoġobni ħafna pero’ huwa li jinfatam ftit minn dawk it-temi soċjo-politiċi li dan l-aħħar donnhom saru wisq prevalenti fil-letteratura Maltija u jidħol ukoll aktar fil-fond.  Jitkellem dwar is-solitudini, l-iskiżofrenija u s-suwiċidju.  Kull tema ma jarhiex biss minn barra imma jħares lejn il-persuna.  Għaliex wara kollox dan huwa ktieb dwar persuni u għalhekk Mitt persuna.  

Dan il-perjodu ċertament ta l-opportunita’ lil dan l-awtur biex jaħseb aktar fil-fond dwar il-personal.  Element ieħor li wieħed allura joħroġ huwa kif it-temi soċjali u psikoloġiċi joħorġu mill-persuna.  Spiss dawn it-temi narawhom trattati minn barra, b’mod astratt jew ġeneriku.  Hawnhekk qed naraw lil Karmnu li spiċċa barra minn daru.  Wara kull problema hemm isem.  U dak l-isem u ta’ persuna. 

Dan il-ktieb jinkiseb il-ħwienet ewlenin jew minn https://midseabooks.com/.

it-torca-2021-02-14-1_26-26-min

it-torca-2021-02-14-1_27-27-min

Semperviva

Awtur: Trevor Zahra
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Jekk ngħid li Trevor Zahra huwa idolu ta’ ċkunitna u awtur li ispira ħafna awturi oħra ma nkun qed ngħid xejn ġdid.  Imma li żgur sorprendenti huwa kif dan l-awtur ma’ jixba’ qatt jissoprendina.  U propju dak huwa li qed jippeżentalna permezz ta’ dan il-ktieb:  Bħal bukkett fjuri friski.   Trevor (f’dan l-artiklu ser insejjaħlu bl-ewwel isem)  huwa dejjem frisk u oriġinali.  Il-pulena tad-deheb kien l-ewwel ktieb tiegħu u bih saħħarna, pero ma ddejjaq xejn ibiddel, jesperimenta u joffrielna materjal ġdid.  Hekk jagħmlu artisti li jippromettu, kemm fil-mużika, letteratura u f’oqsma oħrajn.  U mill-bukkett fjuri friski li qed joffrielna hawnhekk nistgħu naqtgħu waħda waħda, u nieħdu pjaċir bir-riħa u l-ilwien uniċi tagħha.  Għaliex dan il-ktieb li għandna f’idejna huwa litteralment ispirat mill-fjuri.  Kull novella hija differenti pero bejniethom hemm din it-tema sabiħa.  U għaldaqstant sempreviva.  Sabiex il-preżentazzjoni tkun waħda sabiħa kien jeħtieġ pakkett sabiħ u anke hawn Merlin Publishers tawna sorpriza oħra.  Qoxra hardbound, disinn mill-isbaħ, daqst ftit iżgħar mis-soltu u kuluri differenti għal kull novella.  Ngħid għalija qatt ma rajt dan it-tip ta’ disinn u din il-preżentazzjoni distina tkompli mal-istejjer oriġinali u mal-istess tema ta’ dan il-ktieb.    

L-istejjer huma qosra, mexxejja u jiġu kumplimentati bid-daqs żgħir tal-ktieb li jagħmlu faċli biex wieħed jaqrah.   Il-ktieb jikkonsisti f’37 storja u ideali għal dawk li jixtiequ waqt xi pawsa qasira forsi waqt ħin il-mistrieħ mix-xogħol jew mix-xogħol tad-dar, jaqraw xi storja li tasal għal konklużjoni tagħha malajr.  Il-kobor ta’ dan l-awtur huwa li l-kitba tiegħu hija mexxejja daqs kemm hija riflessiva; iġgħalna naħsbu.  Huwa joffrielna sfida.   L-istejjer fihom ħafna x’tixtarr u waqtiet nebbiexa wkoll.  Mhuwiex patronizzanti, jinfatam minn xi riġidita’ morali u minflok joffrielna sitwazzjoni reali.  Fil-ġabra, wieħed jinnota wkoll kemm Trevor għandu ħakma tajba tal-lingwa tagħna. Juża Malti għani u saħansitra kliemu jixhed kemm huwa għandu relazzjoni tajba miegħu. Il-mod ta’ kif jesprimi ruħu bih, mhux biss jixhed dan, imma juri b’eżempju ċar kemm huwa kapaċi jsebbaħ dan il-ġnien.  Dan il-ġnien jafu tajjeb u jaf l-aħjar fjuri li jsebbuh.  U tabilħaqq Trevor Zahra kapaċi jżewwaq dik l-idjoma Maltija, kif tismagħha fit-taħdit, fit-toroq tagħna u fl-istess ħin iżomm livell għoli fil-kitba. 

Trevor Zahra ma jafx biss l-għaġna tal-kelma Maltija, imma jaf sew ukoll l-ambjent Malti, dak li jsawwarna.  Fil-Paġna Letterarja tal-Ħadd 17 ta’ Ġunju 2018 dwar il-ktieb “Xemgħat” kont għidt:  “Il-karattru Malti, l-ambjent Malti huwa evidenti f’dan il-ktieb.  U dan huwa li jagħmel dawn l-istejjer anke differenti minn dawk barranin f’dan il-ġeneru ta’ kitba.”  Dan nista’ napplikah għal dan il-ktieb.   Niltaqgħu mal-qagħaq ta’ barbett, l-purċissjoni ta’ Corpus, iz-ziju Ġorġ li kien jadura lil Borg Oliver, u x-xiħa timbotta l-pram mimli bil-ġiżi.  

Il-kitba ta’ Trevor hija bħal bukkett fjuri li qatt ma jidbiel.  Ktieb li ser isebbaħlek il-librerija u tieħu gost taqrah. 

Sempreviva jinkiseb mill-ħsiebet ewlenin jew mis-sit elettroniku https://merlinpublishers.com/product/sempreviva/

it-torca-2021-02-14-1_26-26-min

Ta’ barra minn hawn

miktub minn Vanessa MacDonald u maqlub għall-Malti minn Charles u Sylvia Zarb

Ta’ barra minn hawn huwa traduzzjoni tal-ktieb “The Unexplained” ta’ Vanessa MacDonald, din id-darba maqlub għall-Malti minn Charles u Sylvia Zarb.  Huwa ktieb partiklari ħafna għax jiddokumenta għad ta’ stejjer marbuta mal-iħirsa mil-lenti ġurnalistika.  Kif tgħid l-awtriċi nfisha:

“Qattajt ħafna ħin ma’ persuni fuq xi sufan jew fl-uffiċini tagħhom, fejn f’xi waqtiet il-persuna li tkun qed tirrakkontali l-istorja tqum minn postha biex turini bil-mossi xi punt partikulari. U xi drabi wkoll jibdew jirtogħdu waqt li jkunu qed jirrakkontaw xi dettall li jkexkex. Kull wieħed minn dawn il-persuni jemmen fl-istorja tiegħu. Dawn il-ġrajjiet bidlu xi ftit jew wisq il-ħajja ta’ dawk li għaddew minnhom. Jekk għandek kuraġġ, emminhom. Dan il-ktieb għandu numru ta’ stejjer ġodda. Ħafna nies li intervistajt għadhom ħajjin u d-djar u l-postijiet fejn ġraw dawn l-istejjer imsaħħra għadhom jeżistu.”

U min jgħid li l-ġurnalisti jkollhom iħabbtuha biss mal-politiċi u stejjer mill-qorti?  U anke waqt li qed jiġbru dawn l-istejjer jiltaqgħu kultant ma’ xi wħud li m’għandhomx spjegazzjoni razzjonali, stejjer strambi li għalkemm ma jitwemmnux għal min jesperjenzhom huma vera daqs kemm huwa vera dan l-artiklu li inti għandek quddiemek.    

Stejjer tal-iħirsa mill-ġurnalisti mhuwiex xi ħaġa ġdida.  Qabel xejn il-ġurnali mhux l-ewwel darba li xandru stejjer dwar l-iħirsa.   Fl-edizzjoni ta’ “The Wilmingtonian and Delaware Advertiser” tal-1827 deher artiklu bl-isem “A Vision of Lucifer”, storja ta’ xi ħadd li apparantament iltaqa’ ma’ ħares waqt vjaġġ.  Fl-1889, fil-ġurnal “The Chicago Tribune” deher artiklu dwar klikka ta’ iħirsa kriminali fit-Tramuntana ta’ Chigago li werwru l-komunita’.   L-istorika Paulette D. Kilmer, Professur fl-Universita’ ta’ Toledo fil-ktieb tagħha “After the War: The Press in a Changing America” ssemmi ‘l fuq minn 300 storja tal-iħirsa li dehru fil-ġurnal “The New York Times” mill-1851 u s-seklu 20.   Anke f’Malta dehru bosta stejjer minn dawn.  Ngħidu aħna l-awtur Joseph Serracino, li wkoll jikteb f’dan il-gurnal, fl-2017 dak iż-żmien fir-rokna tiegħu fil-ġurnal it-Torċa matul ix-xahar ta’ Jannar u Frar ta’ dik is-sena tratta t-tema tal-Ihirsa fil-Folklor tagħna.    

Imma li qed tagħmel MacDonald f’dan il-ktieb mhuwiex li tiddokumenta minn sorsi sekondarji jew xi stejjer fittizji.  Bħala ġurnalista qed tisma’, tiġbor l-evidenza permezz ta’ dak li jgħidulha permezz ta’ intervisti mal-persuni nfushom li esperjenzaw dawn il-fenomeni.  Ir-riżultat huwa li l-idea tal-iħirsa f’dan il-ktieb mhijiex neċessarjament kif tradizzjonalment nistħajluhom.  Tant u hekk li għandna verżjonijiet differenti ta’ iħirsa, għallinqas skont l-esperjenzi tal-persuni li tkellmu mal-awtriċi. 

Ngħidu aħna insibu iħirsa twajba u li jgħinnuna (Kapitlu 1).   Imbagħad għandna d-defenizzjoni tal-iħirsa bħala frak tal-enerġija (Kapitlu 2).  Ma jistax jonqos iva li nsibu erwieħ malizzjużi u krudili (kapitlu 3).   Aktar stramba nsibu saħansitra ruħ ta’ xi ħadd li għadu ħaj (Kapitlu 4).  Imbagħad hemm stejjer ta’ dawk li kienu jinqdew bl-iħirsa biex iġibu skuża għal vjolenza domestika (Kapitlu 5), u dan speċjalmet fiż-żmien fejn ir-rwol tal-mara kien ferm differenti minn dak tal-lum, għalkemm b’xorti ħażina anke llum għadna qed niġġieldu din il-pjaga soċjali.  

Hu x’inhu l-każ, kull storja ser tħallik ftit konfuż u waqtiet imbeżża’.  Fuq kollox, mhuwiex dan l-iskop tal-iħirsa?  Skont dan il-ktieb mhux dejjem, pero’ xorta jibqgħu misterjużi u mingħajr spjegazzjoni għall-eżistenza tagħhom; dejjem jekk nemmnu li jeżistu!  

Dan il-ktieb huwa ideali wkoll għal min iħobb jaqra stejjer qosra, għalkemm ċert li minn waħda tibqa’ tgħaddi għall-oħra.  Hawnhekk għandna ‘l fuq minn 50 storja differenti ambjentati f’postijiet li bosta minnhom għadhom jeżistu! 

Dan il-ktieb huwa pubblikazzjoni ta’ Klabb Kotba Maltin u tistgħu takkwistawh mill-ħwienet ewlenin. 

it-torca-2020-12-27-1_16-16-1

it-torca-2020-12-27-1_17-17

L-Erwieħ tal-Gżejjer Maltin u lil hinn minnhom

miktub minn Joseph Spiteri Audibert; Pubblikazzjoni, Horizons

Mhux l-ewwel darba li smajna bi stejjer ftit kurjużi u anke għal min ma jemminx jew ma jibżax ikunu ta’ interess partikolari.   Li laqatni f’dan il-ktieb ta’ Joseph Spiteri Audibert huwa li l-istil li jħaddan mhuwiex dak li jipprova jbeżża’, imma aktar li jiddokumenta ġrajjiet ta’ missiriietna li jinkludu l-Iħirsa.  

Irrid ngħid għalhekk li dan il-ktieb huwa wieħed riċerkat u ċerta stejjer, lil hinn mill-erwieħ, laqtuni ferm. Ġieli smajtu bil-Palazz tal-Marmara  (p.51)?  Ir-rabta tal-post mal-ġrajja hija element b’saħħtu ħafna f’dan il-ktieb; jissemmew postijiet li għadhom jeżistu u oħrajn li m’għadhomx jeżistu jew qajla smajna bihom.  Dawn il-ġrajjiet ilum jagħmlu parti mill-Istorja tagħna, bħall-ġrajja tal-Porvlista jew tal-Kavallier ta’ Manoel Island u ħafna oħrajn.

Imbagħad hemm ukoll bosta aspetti kulturali interessanti.  Jissemmew il-Konfretarnita’ tar-Rużarju (p.101), ix-xemgħa tal-blandun (p.117) u bosta oħrajn.   Hemm ukoll referenzi mhux biss għal użanzi imma wkoll għal oġġetti li kellhom missirijietna.  Forsi tiftakruhom l-istatwi tat-torok, raġel u mara; le mhux qed ngħid għat-Tork tat-Taraġ.  Imma anke dawn l-istatwi kultant kienu jġibu seduzzjoni lil xi wħud.   Kif jgħidilna l-awtur, “veru li kienu statwi tal-ġibs, imma ħassejthom qishom kienu ħajjin u tant dejquni li kelli ndawwarhom wiċċhom mal-ħajt biex inkompli naħdem” (p.83).   It-torok jissemmew f’bosta stejjer oħra, kollox jindika kemm l-element ta’ biża’ mit-torok baqa’ b’saħħtu fost missirijietna. 

Naturalment, il-ktieb jikkonsisti f’dawn l-elementi li jtuk ftit tal-qtajja’, li jġgħaluk tibża’.  U emmnuni, l-mod kif jikteb Spiteri Audibert ngħid għalija, filli jibda billi joffri sfont tal-istorja u mbagħad wara li tibda tistħajjel ix-xena bid-dettalji li joffrilek, toħroġ dik il-kreatura li taħsdek u li tkexkex.    Għaldaqstant naqraw dwar l-irġiel libsin l-iswed u lasti twal bil-fanali f’idejhom (p.94) is-Sinjorina kollha bajda viċin it-Torri l-aħmar (p.111). Dawn l-elementi li nsibu fi stejjer tal-waħx insibuhom ukoll f’dan il-ktieb.  Imbagħad hemm stejjer oħrajn li esperjenza l-awtur innifsu, bħal meta kien ikun ma’ missieru u kien jisma’ l-passi (p.191). 

Dan il-ktieb huwa ppreżentat b’mod sabiħ ħafna u ma’ kull storja insibu tpinġija (bosta minnhom illustrati mill-awtur innifsu), jew xi ritratt storiku.    Kif jgħid l-awtur innifsu, li kieku ma ġabarx dawn l-istejjer bosta minnhom kienu jibqgħu mistura (speċjalment dawk li ntqalu lilu minn missieru)u bosta oħrajn kienu jintilfu darba għal dejjem 

Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku ta’ Horizons (https://horizons.com.mt/product/l-erwieh-tal-gzejjer-maltin-u-lil-hinn-minnhom/)  jew mid-distributri u ħwienet ewlenin.  

it-torca-2020-12-27-1_16-16

Il-kreatura tal-bir

Awtur: Simon Bartolo; Pubblikazzjoni: Merlin

Dan l-ktieb ilaqqgħana ma’ familja ħelwa imma ftit stramba wkoll; ta’ Mezzanina u żewġha Alfie u uliedha Nadia u Antonin.   Aktar tard niltaqgħu ukoll ma’ Nerissa, Noe u Kristallina u anke man-nanna Katie.  

Sa mill-bidu l-istorja hija mimlija misteri, eżempju, Nadia u Antonin bdew jilgħabu flimkien fil-ġnien u raw lil xi ħadd ġej.  Bdew jiġru għax xammew riħa stramba.  B’hekk l-awtur jibda jibni ċerta climax u jżomm l-attenzjoni tat-tfal (u anke tal-kbar bħal ma żamm lili wkoll). 

It-tfal telgħu fit-tielet sular, fejn normalment ma kienux jitħallew jilgħabu hemm. Anke hawn naraw dak l-element ta’ suspans fit-tfal meta jagħmlu xi ħaġa b’dik in-naqra biża’ li jinqabdu.  imma telgħu jistaħbew.  Hemmhekk b’ħasda ltaqħu ma’ missierhom (Alfie).  Issa tajjeb li tkunu tafu li dan missierhom ma kienx jinħasel, xi ħaġa li nsiru nafu għaliex aktar il quddiem. 

Għaldaqstant huma kienu mbeżżgħin minħabba r-riħa tiegħu.  L-omm innutat u qalet lil Alfie li ma setax jibqa sejjer hekk u kieċċietu.   Wara ddeċidiet li tistieden lil ħutha, u qalet lil Nadia u Antonin li kienu ġejjin iz-zijiet.   Marru l-ajruport biex iġibu lil Nerissa li kienet imdaħħla sew fiż-żmien.  Din Nerissa ġabitilhom ftit ta’ seduzzzjoni kemm għaliex kienet vera twila u minħabba għajnejha u għalhekk ħasbuha saħħara.  Matul it-triq huma baqgħu siekta għaliex beżgħu jitkellmu magħha.  Nerissa ġa ma kienetx tħobb lit-tfal u xejn ma ħadet gost li bdew jitkellmu fuqha.  Wara ftit taż-żmien saru jafu li l-insett li kellha fuq il-flokk ma kienx uniku u l-insetti kienu wkoll jissemmgħu u jgħidu lil Nerissa xi jkun qed jingħad. 

Imma Mezzanina , kienet ġabu ukoll il-kumplament taz-zijiet l-oħra.  Dawn iz-zijiet li kienu Franċiżi (Noe u Kristallina) bdew ikantaw diska Franċiża.  Dak in-nhar ħabtu l-bieb u meta fetħet, Mezzanina sabet  lin-nanna Katie.  Nerissa bdiet tinżel it-taraġ u rat lin-nanna Katie u bdiet tiġġieled magħha għax qabdet u ġiet mingħajr ħadd ma stedinha.   In-nanna Katie bdiet iddaħħal f’rasha li lil Alfie keċċietu biex iġġib lil ħutha. 

It-tfal kienu jħobbuha lin-nanna Katie kemm għax ir-riħa tagħha ma kienetx iddejjaqhom u fuq kollox kienet in-nanna taħghom.   Darba bdiet tagħmel soppa għat-tfal u Nerissa ġġieldet magħha.  Nerissa wkoll għamlet ukoll soppa lit-tfal … imma għamlitha sewda.  It-tfal ma ridux iduquha.  Anke Kristallina ppruvat tagħmel l-aħjar kejk!

Wara li kellhom dawn l-argument bdew jitkellmu man-nanna Katie dwar Alfie.  Katie qaltilhom li kien iħobb imur għorfa ta-ziju Wiġi.  Xi ħaġa li kien iħObb jagħmel minn meta kien żgħir.   Nadia u Antonin ġiethom l-idea li jmorru man-nanna jftixxu din l-għorfa.   Marru f’jum tax-xita u sabu lil Alfie.  Ommhom, sadanittant,kienet irrabjata li n-nanna Katie ħadithom fix-xita u saru għasra.  Alfie biex għall-ġid tagħhom jitilqu.  U hawn niskopru l-misteru.  Alfie kien jaf sigriet li kien hemm f’din l-għorfa : L-imħalla!  

L-imħalla, kienet twila tal-biża, u tgħix fil-bir.   Bla dubju Alfie kien ukoll jibża minnh għax riedet toqtlu u l-familja tiegħu.  Fix-xita setgħet toħroġ barra.  Iżda… anke l-imħalla beżgħet mir-riħa ta’ Alfie u wara reġgħet lura fil-bir għax ma setgħetx tibqa’ barra għal tul ta’ ħin. 

Lura d-dar, riedu jagħmlu l-itjeb kejk, xtraw l-ingredjenti u bdew jagħmlu l-kejkijiet.  Kif marru biex jieklu l-kejk, id-dawl intefa, nksier il-ħġieġ u raw id minn ġot-tieqa. In-nanna ndunat x’kien qed jiġri.  Kienet l-imħalla!

L-imħalla kienet taf sew fejn kienu jgħixu.  Qabdet id in-nanna katie. Alfie gie biex isalvhom bir-riħa tiegħu, u rnexxielu.  Ibagħad inħasel u spjega kollox x’kienet l-imħalla.   

Iżda huma ma kinux jafu li l-imħalla marret lura fil-bir.  Jum fost l-oħrajn waqt jum tax-xita reġgħet ħarġet l-imħalla u did-darba attakkat lil Nadia.  U hawn ser inħalli lilkom biex issiru tafu l-konklużjoni.  

L-ewwel ktieb fit-triloġija ġdida Ruxxmata Kreaturi

Il-Kreatura tal-Bir huwa pubblikat minn Merlin Publishers. 

it-torca-2020-12-13_16-16