Mitt ruħ

Awtur: Gorg Mallia
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin

Għandi mitt raġuni differenti għaliex ridt nakkwista kopja ta’ dan il-ktieb.  Minn banda għandna ktieb b’illustrazzjonijiet ta’ Gorg Mallia. Il-mod kif ifisser l-emozzjonijiet fl-illustrazzjonijiet tiegħu dan l-artist, huwa xi ħaġa li jiena tassew togħġobni.  Dawn l-aħħar snin Mallia approfitta ruħu sew mill-benefiċċji tat-teknoloġija u użha bl-aħjar mod li seta’.  U hawn nixtieq nagħti ftit eżempji li dehru f’din l-aħħar sena: 

  1. L-Avventura msaħħra ta’ Melanie u Karl, ktieb għat-tfal miktub fil-bidu tal-imxija tal-Covid-19, biex jingħata b’xejn f’forma elettronika bħala rigal lit-tfal Maltin u Għawdxin kollha li kienu jinsabu d-dar minħabba fl-għeluq tal-iskejjel.
  2. Il-wirja ta’ pitturi diġitali Rhapsody-in-Pain bejn it-6 sal-20 ta’ Marzu 2020. 
  3. It-tislima lill-personalitajiet li jħallu din id-dinja permezz ta’ Facebook
  4. Numru ta’ karikaturi li ma waqfux, xi wħud ftit kritiċi speċjalment lejn it-tmexxija attwali
  5. Il-Professur Għasfur (it-tieni ktieb)
  6. Numru ta’ illustrazzjonijiet għall-istejjer ta’ Għidli mitejn. 

Din tal-aħħar, Għidli mitejn kienet ta’ inpromptu għal dan il-ktieb.  Din il-paġna permezz ta’ Facebook qed toffri spazju lil numru ta’ awturi biex itellgħu ix-xogħlijiet tagħhom u aktar minn hekk qed toffrilhom sfida sabiex dan ix-xogħol ma jkunx aktar minn mitejn kelma.  Gorg Mallia ċertament għandu ħafna x’joffri imma dan l-ispazju dejjem iħallih għalina l-awturi.   Pero’ huwa stess kellu kontribut kbir ħafna u naħseb li dan huwa r-riżultat. 

U hawn Mallia, issa bħala awtur qed jesplora dan il-qasam li bl-Ingliż huwa magħruf bħala flash fiction.  Dawn il-mikrostejjer huma xi ħaġa relattevament ġdida f’pajjiżna.  Rita Saliba fil-fatt riċentament ħarġet il-ktieb sabiħ “Ħjut”.    L-isfida f’dawn l-istejjer hija li l-ekonomija tal-kliem u li l-awtur irid jasal għal konklużjoni fil-qosor ħafna.   

Dawk li segwew l-illustrazzjonijiet ta’ Ġorġ Mallia li jiddeskrivu burdati differenti matul din l-aħħar sena diffiċli li għaddejna flimkien, żgur li mhux ser ikunu diżappuntait b’dan il-ktieb.  Stejjer qosra fejn is-soċjal jitwaħħad mal-psikoloġija u mfisser bl-illustrazzjonijiet u l-kitba b’emozzjonijiet qawwija.  U dan jagħmlu mingħajr ma joħodha wisq fit-tul.  Il-ħila kbira li jesprimi dak li għandu xi jgħid bi stampa bħal jirreplika anki fil-kitba.  Jasal għal punt mal-ewwel.  

Il-ktieb jitratta bosta temi bħal kwistjoni tal-kirjiet li tħalli l-faqar (Karmnu), il-vjolenza domestika (Sonia), Is-saħħa mentali (Rita) u kif il-bullying jisa’ jwassal għal ħsara (Bruce). 

Li għoġobni ħafna pero’ huwa li jinfatam ftit minn dawk it-temi soċjo-politiċi li dan l-aħħar donnhom saru wisq prevalenti fil-letteratura Maltija u jidħol ukoll aktar fil-fond.  Jitkellem dwar is-solitudini, l-iskiżofrenija u s-suwiċidju.  Kull tema ma jarhiex biss minn barra imma jħares lejn il-persuna.  Għaliex wara kollox dan huwa ktieb dwar persuni u għalhekk Mitt persuna.  

Dan il-perjodu ċertament ta l-opportunita’ lil dan l-awtur biex jaħseb aktar fil-fond dwar il-personal.  Element ieħor li wieħed allura joħroġ huwa kif it-temi soċjali u psikoloġiċi joħorġu mill-persuna.  Spiss dawn it-temi narawhom trattati minn barra, b’mod astratt jew ġeneriku.  Hawnhekk qed naraw lil Karmnu li spiċċa barra minn daru.  Wara kull problema hemm isem.  U dak l-isem u ta’ persuna. 

Dan il-ktieb jinkiseb il-ħwienet ewlenin jew minn https://midseabooks.com/.

it-torca-2021-02-14-1_26-26-min

it-torca-2021-02-14-1_27-27-min

Leave a Comment