Pubblikazzjoni: Kite
Jekk qed nitkellmu dwar stejjer qosra ċertament żgur ma ninstgħux ma nsemmux lil Joe Friggieri. Biżżejjed insemmu l-aħħar kotba minn din is-sensiela:
Nismagħhom Jgħidu (2016), Il-Gżira l-Bajda u Stejjer Oħra (2017), Il-Fiera tal-Fuħħar u Stejjer Oħra (2018) u Widnet il-Baħar u stejjer oħra (2020).
Joe Friggieri jikteb b’mod mexxej, u jlaqqat elementi ta’ umoriżmu ma’ oħrajn ta’ suspans. Dawn il-kuntrasti huma dawk li jagħmlu dawn il-kitbiet pjaċevoli. L-istil tiegħu huwa li jirrakonta storja, bħalma qabel (għalkemm jalla din id-drawwa ma tispiċċax) kien isir b’mod orali. Tiftakaru l-istejjer kienu jibdew, “Darba waħda?” Le mhux kull storja ta’ Friggieri tibda hekk, imma dejjem kważi jġgħiegħel il-qarrej jaħseb li din ġrat tabilħaqq.
L-aktar elementi komuni li nara f’Joe Friggieri huma dawn:
- Joffri sfont differenti u f’firxa wiesgħa ta’ perjodi ta’ żmien. Għandna stejjer riċenti u oħrajn joħduna lura fiż-żmien.
- Iżewweġ b’mod tajjeb l-element ta’ misteru u kurżita’ mar-realiżmu.
Ranier Fsadni f’kumment dwar l-istejjer ta’ Joe Friggieri jgħid li ‘L-effett tal-istil minimalista ta’ kif jikteb Joe Friggieri hu li, għalkemm qed jirrakkonta – u allura l-istorja għandha bidu u tmiem – l-istejjer jieħdu xejra leġġendarja anki meta jkun qed jikteb dwar l-affarijiet ta’ kuljum. U l-leġġendi, kif nafu, la għandhom bidu u lanqas tmiem. Jidwu dejjem madwarna… Il-proża poetika ta’ Joe Friggieri qatt ma titlef mis-sempliċità. L-istejjer kollha huma qishom għadira ċara li fiha, aħna u għaddejjin, nilmħu xi ħaġa tleqq, u allura nduru lura b’ħarsa aktar attenta. Is-seħer tal-aħjar novelli hu li, bla ma tobsor, malli tħares lura tieħu lemħa ta’ x’hemm quddiem, jistenna.’
Friggieri għandu ħabta juża strateġiji narrattivi differenti, fejn f’xi drabi juża l-ewwel persuna waqt li oħrajn iħalli l-protagonisti jirrakontaw. Ikun xi jkun l-istil li jaddotta dejjem jinvolvi l-qarrej; iħallina naħsbu. Nistqarr li xi stejjer baqgħu jidwu f’moħħi u xi kultant anke jwasslu għal dibattitu enormi. Tiġini f’moħħi “Dritt għal punt” fejn wieħed jista’ jwessa l-argument anke għar-realtajiet tal-lum. Element ieħor li nsibu f’xi stejjer huwa dak tas-sorpriża.
Kil-kobor ta’ dan l-awtur huwa li l-ekonomija tal-kliem ma tnaqqas xejn mill-ġmiel li jżejjen din il-kitba. Toħroġ sew fil-kisra tal-lingwa kif użata f’dawn in-novelli.
Joe Friggieri huwa Professur tal-Filosofija l-Università ta’ Malta. Ix-xogħlijiet akkademiċi tiegħu jinkludu żewġ kotba fuq il-filosfu Ingliż J.L. Austen u ‘In-Nisġa tal-Ħsieb’, l-ewwel storja tal-filosofija bil-Malti, fi tliet volumi (2000, 2007, 2014). Fil-qasam letterarju kiteb u ppubblika tliet ġabriet ta’ poeżija (‘Intervalli’, ‘Kadenzi’ u ‘Mitt Ħajku’), ħames drammi twal (‘Mid-Djarju ta’ Sara’, Tkun Darb’oħra Mikelanġ’, ‘Trappisti’, ‘Caravaggio: l-Inkjesta’, u ‘L-Għanja taċ-Ċinju’), u ħafna stejjer qosra, fosthom ‘l-Istejjer tar-Ronnie’ (1992 u 2007), li kisbu popolarità kbira fost l-istudenti u l-għalliema, ‘Ħrejjef għal Żmienna’ (1996 u 2015) li nqalbu għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, ‘Nismagħhom Jgħidu’ (Kite, 2016) u ‘Il-Gżira l-Bajda’ (Kite, 2017).
it-torca-2021-02-14-1_27-27-min