L-Erwieħ tal-Gżejjer Maltin u lil hinn minnhom

miktub minn Joseph Spiteri Audibert; Pubblikazzjoni, Horizons

Mhux l-ewwel darba li smajna bi stejjer ftit kurjużi u anke għal min ma jemminx jew ma jibżax ikunu ta’ interess partikolari.   Li laqatni f’dan il-ktieb ta’ Joseph Spiteri Audibert huwa li l-istil li jħaddan mhuwiex dak li jipprova jbeżża’, imma aktar li jiddokumenta ġrajjiet ta’ missiriietna li jinkludu l-Iħirsa.  

Irrid ngħid għalhekk li dan il-ktieb huwa wieħed riċerkat u ċerta stejjer, lil hinn mill-erwieħ, laqtuni ferm. Ġieli smajtu bil-Palazz tal-Marmara  (p.51)?  Ir-rabta tal-post mal-ġrajja hija element b’saħħtu ħafna f’dan il-ktieb; jissemmew postijiet li għadhom jeżistu u oħrajn li m’għadhomx jeżistu jew qajla smajna bihom.  Dawn il-ġrajjiet ilum jagħmlu parti mill-Istorja tagħna, bħall-ġrajja tal-Porvlista jew tal-Kavallier ta’ Manoel Island u ħafna oħrajn.

Imbagħad hemm ukoll bosta aspetti kulturali interessanti.  Jissemmew il-Konfretarnita’ tar-Rużarju (p.101), ix-xemgħa tal-blandun (p.117) u bosta oħrajn.   Hemm ukoll referenzi mhux biss għal użanzi imma wkoll għal oġġetti li kellhom missirijietna.  Forsi tiftakruhom l-istatwi tat-torok, raġel u mara; le mhux qed ngħid għat-Tork tat-Taraġ.  Imma anke dawn l-istatwi kultant kienu jġibu seduzzjoni lil xi wħud.   Kif jgħidilna l-awtur, “veru li kienu statwi tal-ġibs, imma ħassejthom qishom kienu ħajjin u tant dejquni li kelli ndawwarhom wiċċhom mal-ħajt biex inkompli naħdem” (p.83).   It-torok jissemmew f’bosta stejjer oħra, kollox jindika kemm l-element ta’ biża’ mit-torok baqa’ b’saħħtu fost missirijietna. 

Naturalment, il-ktieb jikkonsisti f’dawn l-elementi li jtuk ftit tal-qtajja’, li jġgħaluk tibża’.  U emmnuni, l-mod kif jikteb Spiteri Audibert ngħid għalija, filli jibda billi joffri sfont tal-istorja u mbagħad wara li tibda tistħajjel ix-xena bid-dettalji li joffrilek, toħroġ dik il-kreatura li taħsdek u li tkexkex.    Għaldaqstant naqraw dwar l-irġiel libsin l-iswed u lasti twal bil-fanali f’idejhom (p.94) is-Sinjorina kollha bajda viċin it-Torri l-aħmar (p.111). Dawn l-elementi li nsibu fi stejjer tal-waħx insibuhom ukoll f’dan il-ktieb.  Imbagħad hemm stejjer oħrajn li esperjenza l-awtur innifsu, bħal meta kien ikun ma’ missieru u kien jisma’ l-passi (p.191). 

Dan il-ktieb huwa ppreżentat b’mod sabiħ ħafna u ma’ kull storja insibu tpinġija (bosta minnhom illustrati mill-awtur innifsu), jew xi ritratt storiku.    Kif jgħid l-awtur innifsu, li kieku ma ġabarx dawn l-istejjer bosta minnhom kienu jibqgħu mistura (speċjalment dawk li ntqalu lilu minn missieru)u bosta oħrajn kienu jintilfu darba għal dejjem 

Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku ta’ Horizons (https://horizons.com.mt/product/l-erwieh-tal-gzejjer-maltin-u-lil-hinn-minnhom/)  jew mid-distributri u ħwienet ewlenin.  

it-torca-2020-12-27-1_16-16

Leave a Comment