Awtur: Trevor Zahra
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers
Jekk ngħid li Trevor Zahra huwa idolu ta’ ċkunitna u awtur li ispira ħafna awturi oħra ma nkun qed ngħid xejn ġdid. Imma li żgur sorprendenti huwa kif dan l-awtur ma’ jixba’ qatt jissoprendina. U propju dak huwa li qed jippeżentalna permezz ta’ dan il-ktieb: Bħal bukkett fjuri friski. Trevor (f’dan l-artiklu ser insejjaħlu bl-ewwel isem) huwa dejjem frisk u oriġinali. Il-pulena tad-deheb kien l-ewwel ktieb tiegħu u bih saħħarna, pero ma ddejjaq xejn ibiddel, jesperimenta u joffrielna materjal ġdid. Hekk jagħmlu artisti li jippromettu, kemm fil-mużika, letteratura u f’oqsma oħrajn. U mill-bukkett fjuri friski li qed joffrielna hawnhekk nistgħu naqtgħu waħda waħda, u nieħdu pjaċir bir-riħa u l-ilwien uniċi tagħha. Għaliex dan il-ktieb li għandna f’idejna huwa litteralment ispirat mill-fjuri. Kull novella hija differenti pero bejniethom hemm din it-tema sabiħa. U għaldaqstant sempreviva. Sabiex il-preżentazzjoni tkun waħda sabiħa kien jeħtieġ pakkett sabiħ u anke hawn Merlin Publishers tawna sorpriza oħra. Qoxra hardbound, disinn mill-isbaħ, daqst ftit iżgħar mis-soltu u kuluri differenti għal kull novella. Ngħid għalija qatt ma rajt dan it-tip ta’ disinn u din il-preżentazzjoni distina tkompli mal-istejjer oriġinali u mal-istess tema ta’ dan il-ktieb.
L-istejjer huma qosra, mexxejja u jiġu kumplimentati bid-daqs żgħir tal-ktieb li jagħmlu faċli biex wieħed jaqrah. Il-ktieb jikkonsisti f’37 storja u ideali għal dawk li jixtiequ waqt xi pawsa qasira forsi waqt ħin il-mistrieħ mix-xogħol jew mix-xogħol tad-dar, jaqraw xi storja li tasal għal konklużjoni tagħha malajr. Il-kobor ta’ dan l-awtur huwa li l-kitba tiegħu hija mexxejja daqs kemm hija riflessiva; iġgħalna naħsbu. Huwa joffrielna sfida. L-istejjer fihom ħafna x’tixtarr u waqtiet nebbiexa wkoll. Mhuwiex patronizzanti, jinfatam minn xi riġidita’ morali u minflok joffrielna sitwazzjoni reali. Fil-ġabra, wieħed jinnota wkoll kemm Trevor għandu ħakma tajba tal-lingwa tagħna. Juża Malti għani u saħansitra kliemu jixhed kemm huwa għandu relazzjoni tajba miegħu. Il-mod ta’ kif jesprimi ruħu bih, mhux biss jixhed dan, imma juri b’eżempju ċar kemm huwa kapaċi jsebbaħ dan il-ġnien. Dan il-ġnien jafu tajjeb u jaf l-aħjar fjuri li jsebbuh. U tabilħaqq Trevor Zahra kapaċi jżewwaq dik l-idjoma Maltija, kif tismagħha fit-taħdit, fit-toroq tagħna u fl-istess ħin iżomm livell għoli fil-kitba.
Trevor Zahra ma jafx biss l-għaġna tal-kelma Maltija, imma jaf sew ukoll l-ambjent Malti, dak li jsawwarna. Fil-Paġna Letterarja tal-Ħadd 17 ta’ Ġunju 2018 dwar il-ktieb “Xemgħat” kont għidt: “Il-karattru Malti, l-ambjent Malti huwa evidenti f’dan il-ktieb. U dan huwa li jagħmel dawn l-istejjer anke differenti minn dawk barranin f’dan il-ġeneru ta’ kitba.” Dan nista’ napplikah għal dan il-ktieb. Niltaqgħu mal-qagħaq ta’ barbett, l-purċissjoni ta’ Corpus, iz-ziju Ġorġ li kien jadura lil Borg Oliver, u x-xiħa timbotta l-pram mimli bil-ġiżi.
Il-kitba ta’ Trevor hija bħal bukkett fjuri li qatt ma jidbiel. Ktieb li ser isebbaħlek il-librerija u tieħu gost taqrah.
Sempreviva jinkiseb mill-ħsiebet ewlenin jew mis-sit elettroniku https://merlinpublishers.com/product/sempreviva/
it-torca-2021-02-14-1_26-26-min