Dan il-ktieb xtaqt ukoll norbtu ma’ Jum il-Ħaddiem minħabba li l-Edukazzjoni hija ċ-ċavetta sabiex il-ħaddiem jeħles mill-jasar tal-injoranza u jimxi ‘l quddiem.
Mhux normali li f’din il-paġna nikteb dwar ktieb li diġà nkun għamilt intervista dwaru, bħal ma għamilt f’dan il-każ mas-Sinjura Sammut. Imma rridu ngħidu li dan il-ktieb jien narah bħala rigal għalina li ma kienx mistenni. Dan minħabba l-fatt li l-familja Sammut sabu dan il-ktieb fil-kompjuter, ktieb li Sammut ma laħaqx ippubblika.
Il-ktieb huwa bħal mixja fl-istorja ta’ Malta mill-bidu sa żmien l-Ingliżi. Qed insejjaħlu mixja għaliex Sammut mhux biss kien oratur tajjeb imma kellu wkoll l-istess ħila meta jikkomunika permezz tal-kitba, u għaldaqstant jagħraf ifisser biċċa biċċa li l-qarrej anke dak mhux familjari mal-istorja se jsibha faċli biex jifhem, Fil-bidu ta’ kull kapitlu jfisser sew il-kuntest storiku sabiex wieħed ikun jista’ jifhem l-iżvilupp edukattiv.
Iż-tliet aspetti li nara l-aktar prinċipali f’dan il-ktieb huma: (a) L-edukazzjoni li teħles mix-xkiel tal-injoranza sabiex il-bniedem ikun tabilħaqq illiberat, (b) l-edukazzjoni għall-massa, u (c) l-edukazzjoni fil-formazzjoni ta’ pajjiżna bħal nazzjon u allura tidħol ukoll il-kwistjoni tal-lingwa. Dawn it-tlieta huma importanti ħafna fl-iżvilupp edukattiv ta’ pajjiżna. Kontra ħassieba kritiċi u xellugin bħal Freire u Bowles and Gintis li jikkritikaw dawk l-elementi fis-sistema edukattiva li kienu qed jintużaw bħala mezz mill-klassi kapitalista sabiex iżommuha f’postha u jirriproduċu ħaddiema skont il-bżonnijiet tas-sistema, is-sitwazzjoni f’pajjiżna kienet differenti ħafna. Malta kienet mifnija bil-faqar u bl-injoranza u l-klassi li kienet qed taħkem kien fl-interess tagħha li l-poplu jibqa’ ma jitgħallimx. U f’dan is-sens allura toħroġ aktar bil-qawwa l-edukazzjoni bħala liberazzjoni. Din kienet il-prijorita’ u ċ-ċavetta biex effettivament dan il-pajjiż sar nazzjon. Għax poplu mgħallem huwa dak li jdawwar ir-rota ekonomika ‘l quddiem.
Edukazzjoni għall-innovazzjoni, kreattivita’ u moħħ kritika
Li jolqotni f’Sammut bħala edukaturi huwa kemm kien impenjat lejn ix-xogħol tiegħu li jeduka. Fid-diversi rwoli li kellu ma ngħalqx wara skrivanija imma lanqas ġo klassi, imma għarrex, informa ruħu u minn dak li jaf bena sett ta’ valuri. Dan il-proċess mhuwiex wieħed naturali f’kull għalliem, għaliex ix-xogħol, l-impenji, imma anke l-insularita’ ta’ pajjiżna fiċ-ċokon tiegħu. Mill-esperjenza tiegħi, bħala edukaturi, jidhirli li hemm diversi drabi fejn il-passivita’ tirbaħ.
Li jolqotni f’Sammut bħala edukaturi huwa kemm kien impenjat lejn ix-xogħol tiegħu li jeduka. Fid-diversi rwoli li kellu ma ngħalqx wara skrivanija imma lanqas ġo klassi, imma għarrex, informa ruħu u minn dak li jaf bena sett ta’ valuri. Dan il-proċess mhuwiex wieħed naturali f’kull għalliem, għaliex ix-xogħol, l-impenji, imma anke l-insularita’ ta’ pajjiżna fiċ-ċokon tiegħu. Mill-esperjenza tiegħi, bħala edukaturi, jidhirli li hemm diversi drabi fejn il-passivita’ tirbaħ.
Il-Kummissarju tal-Gvern Franċiż, Régnaud de Saint-Jean d’Angély fit-taħdita li għamel fl-1798 tkellem kif l-injoranza “hija l-appoġġ tad-despotiżmu”, u kif kienu jċaħħduhom mill-mezzi kollha tat-tagħlim (p.64). Bonaparte, fis-16 u 18 ta’ Ġunju fil-fatt kien ħareġ numru ta’ liġijiet relatati mal-edukazzjoni. Fost oħrajn dawn kienu jinkludu li jitwaqqfu 15-il skola primarja (p.64). Iżda Frans Sammut jagħraf ukoll l-iżvilupp edukattiv f’kull żmien, u minkejja li l-pożizzjoni tiegħu hija ċara, (fost oħrajn kemm konna niksbu aktar kieku l-Franċiżi tħallew bil-pjan li kellhom għall-gżejjer), huwa wkoll awtur li jipprova jagħti stampa oġġettiva kemm jista’ jkun. Jagħraf is-sehem tal-Ġeżwiti fost oħrajn anke permezz tal-Kulleġġ li beda “jagħti l-lawrji fil-filosofija u t-teoloġija fl-1727” u b’hekk għolla l-livell ta’ pajjiżna fuq dak Ewropew (p.41).
Kif kien mistenni, f’dan il-ktieb insibu bi prominenza l-ideat ta’ Vassalli. Vassalli kien ġenju, viżjonarju kbir u l-ħsieb tiegħu edukattiv biss jixhed dan. “Jgħid li kellu jkun hemm għalliema skont il-popolazzjoni tal-belt jew tar-raħal li jkun” (p.52) u f’moħħu kellu numru ta’ skejjel. Vassalli ispirat mill-ispirtu tal-illuminiżmu, li l-għan tagħha kien li toħodha kontra l-Ordni soċjali, beda jħares lejn is-soċjeta’ b’mod differenti. Is-soċjeta’ ispirata minn dawn il-valuri ġodda kienet dik maqtugħa mill-ordni soċjali tal-imgħoddi, ibbażata fuq il-prinċipji tal-meritokrazija fejn ir-rwoli soċjali jiġu milħuqa bil-ħiliet u l-mertu u mhux mogħtija skont il-privileġġi tal-familja.
Edukazzjoni għall-ħelsien mill-faqar u l-injoranza
L-iskop ewlieni tal-edukazzjoni obbligatorja huwa aktarx marbut mal-mobilta’ soċjali u għall-klassi tal-ħaddiema dan huwa mod ukoll kif tista’ tavvanza ‘l quddiem (Michael Ward, ‘I’m a geek I am’: academic achievement and the performance of a studious working-class masculinity, 2014, p.710). Sa mill-bidu l-għan tal-edukazzjoni obbligatorja kienet sabiex l-edukazzjoni tkun għal kulħadd – għal massa u taqta’ l-faqar (Sjaak Braster, Frank Simon, Ian Grosvenor, A History of Popular Education: Educating the People of the World, 2013). Ta’ min ngħidu li l-Ingliżi ma kellhomx l-istess entużjażmu tal-Franċiżi li kellhom il-ħsieb li jibnu 15 –il skola fil-gżejjer Maltin (Correspondence de Napoléon I, pubilée par ordne de l’Empereur Napoléon III, 1859). L-Ingliżi kienu jifhmuha li “il-ħtieġa tat-tagħlim tal-poplu aktar kellu l-potenzjal li jaqla’ l-inkwiet illi jagħmel il-ġid lill-amministrazzjoni paċifika u ordinata ta’ dil-kolonja ġdida” (p.97). Dan il-ħsieb ta’ Frans Sammut jaqbel ħafna ma’ Dak ta’ Charles Xuereb (France in the Maltese Collective Memory – Perspectives, Perceptions, Identities after Bonaparte in British Malta’ ). Xuereb ikompli jżid bir-rabta li kien hemm, u qbil bejn il-Gvern Ingliż mal-Knisja Kattolika li t-tnejn bħal iħokku dahar xulxin sabiex iħarsu l-interessi ta’ xulxin.
Interessanti ħafna li f’dawk i-ż-żminijiet, u din għalija hija tagħrif ġddia li kellek Maltin ispirati mill-prinċipji Repubblikani Franċiżi fosthom il-familja tan-Nobbli Sceberras. Ċerta Camillo Sciberras ġabar numru ta’ “patrijotti” biex tinħoloq speċi ta’ rappreżentanta li tressaq il-jeddijiet tal-Maltin quddiem ir-Re tal-Ingilterra (p.99). Imbagħad naraw kif il-Kummissjoni tal-1836 “stqarret li l-Gvern Ingliz kien reponsabbli għad-dħul tat-tagħlim popolari b’xejn fil-livell primarju u li jiftaħ l-iskejjel fil-bliet u r-rħula kollha tal-Gżejjer Maltin” (p.115). Sa ċerta punt din kienet sorpriża għalija li hekk bikri kien hawn dan il-ħsieb għal Malta għaliex nafu li l-Att għall-Edukazzjoni Elementari, f-Ingilterra (Elementary Education Act… [electronic resource] : manual explanatory of the Act to provide for public elementary education in England and Wales) , li wassal sabiex jiġu mwaqqfin bordijiet tal-iskejjel u skejjel ġodda, ħareġ fl-1870.
L-edukazzjoni fil-formazzjoni ta’ pajjiżna bħal nazzjon u l-kwistjoni tal-lingwa
Ħtieġa kbira ta’ dan il-poplu kien li jqum fuq saqajh u jsir nazzjon u allura tqum il-kwistjoni tal-identita’ nazzjonali. Dan il-poplu ma kienx Ingliż u lanqas Taljan jew frott xi poplu ieħor barrani. In-nazzjonaliżmu allura rridu nħarsu lejh f’dan is-sens. Sammut jidher li jħaddan dan il-ħsieb; l-istess bħal Vassalli, Dimech u forsi nazzarda ngħid anke mexxejja politiċi aktar riċenti. Ilsien pajjiżna huwa il-Malti, lingwa unika fid-dinja, l-unika waħda semitika li tinkiteb b’alfabett latin.
Frans Sammut jemmen li l-Malti huwa ta’ nisel semitiku, li ġej mill-Għarbi u li ġej mill-Għarbi Mislem. Fil-fatt, iwaqqa’ l-argument ta’ dawk li fiċ-ċrieki letterarji jsostnu li l-Malti ġej qabel l-Għarbi, jiġifieri mill-Feniċju u dan isejjaħlu bħala “ħliqa” (p.33). Nissuġġerixxi li wieħed jara dan il-kapitlu interessanti mmens, b’bosta eżempji ta’ kliem li bihom Sammut isaħħaħ l-argument tiegħu.
Konklużjoni
Nistqarr li Frans Sammut għandu ħabta jkun kontroversjali imma fl-istess ħin bil-mod kif jippreżenta l-argument tiegħu jasal biex jikkonvinċik. Hekk ħassejtni f’xi mumenti waqt li qed naqra dan il-ktieb, minkejja li l-edukazzjoni hija l-qasam ewlieni tiegħi. Forsi dan minħabba l-mod kif jippreżenta l-argument. Il-ktieb huwa miktub b’Malti mill-isbaħ, l-għodda tant għal qalb Sammut, u ppermettuli ngħid li jagħti tagħlima lil dawk li jsostnu li biex il-lingwa taqdina fil-ħtiġijiet ta’ kuljum irridu ndakkru bosta kliem minn pajjiżi oħrajn. Naħseb dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Malti, u l-istorja ta’ pajjiżna b’mod ġenerali għandu jkollhom dan il-ktieb fil-librerija tagħhom. Żgur li x-xewqa tagħna tkun li jinstab it-tieni volum, anke jekk mhux komplut ta’ dan il-ktieb, u dan sabiex inkomplu ngawdu il-kitba ta’ dan l-awtur kbir.
Paġna Letterarja, it-Torċa, 3 ta’ Mejju 2015