Bla Ħtija

Bla ħtija
Gino Lombardi

Fil-Jum tat-tieġ tiegħek jew tat-tfal tiegħek ftit li xejn ikollok ħin taħseb fuq xi ħaġa jew oħra. Imma waqt ir-reception tat-tieġ tat-tifel tagħha, is-Sinjura Lara Montegue rat il-pittura tas-Sinjura Violet Flores (p.8) li aktar xprunata biex tmur tiltaqa’ magħha. Is-Sinjura Lara Montegue li tidher li fl-opinjoni tiegħi hija l-karattru prinċipali ta’ dan ir-rumanz kellha wkoll ħolma kerha, liema ħolma l-awtur jibda l-ktieb biha propju fil-jum tat-tieġ. Hawn min jgħid li l-ħolm xi kultant ikun profetiku. Din il-ħolma makabra (p.1) donnha kienet profetika wkoll għaliex Daniel (it-tifel tas-Sinjura Lara) u Teżara sabu l-bieb sgassat propju wara qamar il-għasel u kollox imqalleb. Sadanittant imma is-Sinjura Flores tirrakkonta lis-sinjura Lara l-istorja tal-familja tagħha – storja li ma kinetx taf. Din hija l-istorja li s-Sinjura Flores tħoss li kien wasal iż-żmien, issa li waslet fl-aħħar, li sserraħ il-kuxjenza tagħha u tgħaddiha lis-Sinjura Lara u importanti li tkun taf. U parti mill-imgħoddi ikrah tal-familja tas-Sinjura Lara, passat krudili li safa fi qtil brutali (p.122-133) ukoll joħorġu f’din il-ħolma. Li jolqtoni f’Gino Lombardi huwa l-istil li jikteb fejn jirrakkonta żewġ stejjer b’mod paralleli u li bejniethom ikun hemm rabta. Kif nagħmel is-soltu qed nipprova nevita li nirrakonta l-istorja sabiex ma ntellifx il-gost tagħkom il-qarrejja, kif ukoll is-sigrieti li hemm f’dan ir-rumanz.

Storja fi storja
Parti kbira mill-ktieb hija irrakontata minn fomm il-qabla tal-familja, is-Sinjura Violet Flores. Insiru nafu li s-Sinjura Flores kienet tiġi t-tifla ta’ Salvina, il-qaddejja tal-familja (p.129) li b’xi mod donnu li s-Sinjura Diodata Battistino kellha dejn kbir magħha, forsi għall-mod kif żammet l-affarijiet moqżieża tal-familja mistura. Il-ġrajja tal-imgħoddi toħodna fi żmien il-gwerra (p.14). Jispikka l-element ta’ misteru, u suspens, l-aktar bil-mod kif jirrakkonta Lombardi li jżommok anzjuż, tgħarrex fid-dar qadima, fil-kantina umda u mudlama li fiha hemm persuna moħbi. Persuna misterjuża li minħabba l-kundizzjoni tagħha maqfula f’kantina kif kienet b’xorti ħażina d-drawwa fl-imgħoddi u li bosta kotba jirreferu għall-mod ħażin kif persuni bi problemi ta’ saħħa mentali kienu jiġu trattati; ifakkruni fil-karattru ta’ Bertha Mason f’Jane Eyre ta’ Charlotte Brontë u anke niftakru f’The System of Doctor Tarr and Professor Fether ta’ Edgar Allan Poe. Imbagħad fl-istorja riċenti naraw lill-ispettur Cutajar flimkien mas-Surġent isegwu l-filmat tal-kameras tas-Sigurta’ fost ħafna tensjoni u stennija sabiex jaraw min daħal fl-appartament ta’ Danjel u Teżara (p.84). U aktar minn hekk li sabiex tidħol fl-appartament irid ikollok l-aċċess permezz tal-card li għandu biss l-iskoċċiż David Foyes li kien jieħu ħsieb (p.274). U mbagħad il-qarrej jitħalla jipponta subgħajh lejn dak u l-ieħor.
Naraw xebh ukoll bejn “iż-żewġ stejjer” dwar persuni li jiġu mwarrba fis-soċjeta’. Fl-imgħoddu naraw lill-qaddejja Marjanna li tilqa’ l-isfida u tieħu ħsieb persuna li minħabba l-kundizzjoni tiegħu safa maqful f’kantina u moħbi mis-soċjeta’ (p.19-33). Dan ma kien ħadd ħlief is-Sur Alvaro, it-tifel tas-Sinjura Diodata li bl-imħabba tagħha beda juri progress ġmielu. Fl-istorja moderna naraw naraw ukoll lil Angie, Il-ħabiba ta’ Rachel u Lara (p.88) li tilqa’ l-isfida u taċċetta li t-tifel tagħha għandu relazzjoni ma’ persuna oħra tal-istess sess.
Xebh ieħor narawh ukoll dwar il-mod kif trabbew. Daniel u Tezara trabbew bħal ‘aħwa’ għalkemm mhumiex (p.79) tant li wara żżewġu. Ralph u Violet Flores ukoll kienu jgħixu flimkien (p.74) għax fi kliem Ralph din kienet id-drawwa fl-imgħoddi meta kien ikollok djar kbar.
Naraw ukoll li l-imħabba għal Alvaro spiċċat f’imħabba intima (p.46), tant li saħansitra ħarġet tqila minnu (p.58, p.102) u l-ħtif tat-tarbija (p.104). Fl-aħħar imbagħad naraw kif Martina tiżżewwġ lil Ralph fl-istess ġurnata li fiha Marjanna tiżżewweġ lil Patist (p.355) u dan b’inkejja għal nannitha stess, li saħħitha bdiet tmur lura ferm. Is-Sinjura Violet tmut imma s-Sinjura Lara kellha missjoni li ġiet fdata biha.
Karattri
Dak li għidna dwar ir-rakkont tal-ġrajja, u l-mod kif insibu rabta bejn l-imgħoddi u l-ġejjieni narawh ukoll fil-karattri. Is-Sinjura Lara tintebah kemm ma taf xejn fuq il-familja tagħha fosthom dwar in-Nanna Diodata u li s-Sinjura Martina (omm Lara) kien kunjomha Battistino. Diffiċli ħafna tanalizza liema huma l-karattri b’saħħithom u liema huma karattri dgħajfin, minħabba l-fatt li fl-imgħoddi in-nobbli kellhom ħafna saħħa fis-soċjeta’. Huwa evidenti imma li s-Sinjura Diodata (in-nanna) kienet persuna dominanti ħafna; biżżejjed naraw il-mod kif kienet tkellem lil Patist li kien raġel ( P.116, 126), il-mod kattiv li bih imxiet ma’ Marjana (p.104-106) u l-fatt li kulħadd kien jibża’ minnha u jobdiha (p.108). Marjana kienet il-qaddejja, fi żmien fejn ftit li xejn kellha drittijiet. Imma is-saħħa fil-karattru tagħha narawh fil-mod kif kellmet lil Salvina (p.33) u anke lis-sinjura Diodata (p.41). U m’inix se ngħid meta ħaditilha t-tarbija għax bħal kull omm hawn tiġik saħħa barranija u Marjana refgħet idejha fuqha għal darba darbtejn! Tispikka wkoll l-injoranza tal-imgħoddi bħal meta n-nanna tbeżża li t-tifla (Martina) li raġel li kien miet jidher lit-tfal imqarbin (p.53). Martina iżda kellha karattru sod, kienet imqarċa (p.66-67), ma tibżax u l-impressjoni li ħadt waqt li qed naqra dan ir-rumanz huwa li lin-nanna kienet tiqfilha wkoll, l-aktar meta bdiet tikber (p.341) u kienet tagħmel minn kollox biex tmur kontra l-kelma ta’ nannitha saħansitra titħallat ma’ nies ta’ ‘klassi aktar baxxi minnha’ (p.342). Salvina wkoll kellha karattru sod (p.292) u minkejja l-lealta’ kemm –il darba naraw fl-istorja li żammet mas-sens komun, u żammet ħafna ħwejjeġ mistura fosthom dak li kienet qed tagħmel Marjanna ma’ s-sur Alforo. Is-Sinjura Lara Lara naraw li ukoll kellha rasha iebsa u tibqa’ tinsisti (p.68-71).
L-emozzjonijiet f’dan ir-rumanz ma jonqsux, bħal meta t-tifel tal-ħabiba tal-familja jkun l-akkużat ewlieni. X’tagħmel taħfirlux? (p.267 287) l-aktar meta jkun hemm talba mqanqla mill-omm stess u jkun hemm problema personali.
Stil
Gino għandu l-ħila jikteb minn storja għall-oħra fl-immedjat u fl-istess ħin imur lura f’xi rakkont dwar xi ħaga fil-passat. U ż-żewġ rakkonti jgħaqqadhom b’mod tajjeb ferm.
Jekk hemm xi ħaġa li lil Gino Lombardo tagħtih kull mertu żgur li tkun għall-Malti sabiħ, b’mod naturali sabiex jikteb ir-rumanz. Waqt li juza l-Malti għall-komunikazzjoni, u naħseb li nkun ġust jekk ngħid li l-iskop tar-rumanzi huwa li jkunu f’idejn ħafna nies mingħajr wisq studju jew sengħa, jaf iħaddem sew il-Malti tant li jiżboq kull meta kellu jiddobba kliem barrani, tant li d-dibattitu jaħraq ta’ kif għandna nużaw kliem bl-Ingliż fil-Malti jisfaxxa fix-xejn f’dan il-każ. Lombardi għandu għażla tajba tal-kelma Maltija, kemm fid-deskrizzjonijiet u kemm fit-taħdit, b’esperessjonijiet naturali sbieħ. Wisq aktar jaf jintogħġob u jappella għall-massa mingħajr ma jaqa’ fin-nasba li jkun populist b’xi uzu ta’ kliem baxx jew dagħa.
Ħila oħra hija fil-mod kif iġiegħel il-qarrej jistħajjel l-istorja; nistqarr li x-xeni tad-dar antika ta’ Diodata u tal-appartament imqalleb għadhom f’moħħi daqs li kieku rajthom filmat.

Konklużjoniji
Dan huwa rumanz fejn Il-preżent jiltaqa’ mal-passat. Dan huwa rumanz fejn żewġ rakkonti li l-qarrej jibda jaqra flimkien iwassluk sabiex fl-aħħar tgħaqqadhom flimkien u tifhem li wara l-misteri u sigrieti tal-imgħoddi u l-preżent hemm ġrajja waħda. Nazzarda ngħid li l-esperjenza ta’ Ġino fid-drama, tgħinu mhux ftit sabiex fir-rumanzi jwasslilna ġrajjiet b’deskrizzjonijiet ferm tajbin tant li tistħajlek qed tarhom fuq xi palk jew mezzi tax-xandir.
(Paġna Letterarja, it-Torċa, 12 t’April 2015)See Translation— with Gino Lombardi.

Leave a Comment