Nixtiequ naraw lil Ġesu’
Paul Mizzi
Pubblikazzjoni QUM
Għal Jum l-Għid, Jum li fih bosta qarrejja tagħna wkoll jgħożżu bħala l-aktar jum importanti tat-twemmin tagħhom huwa xieraq li fih qed nikteb dwar dan il-ktieb. Nistqarr li l-ewwel m’għamilt huwa li xtart sewwa kemm il-kontenut ta’ dan il-ktieb imma rajt ukoll li l-argumenti li għandu huma msaħħin bi kwotazzjonijiet jew spjegazzjonijiet. Nista’ ngħid li dawn l-elementi sibthom. Insibu fost oħrajn ikkwotati bosta teologi. Il-ktieb mhuwiex newtrali, fis-sens l-iskop tiegħu huwa ċar li jwassal lill-qarrej li jagħraf aktar lil Ġesu’ Kristu. Mhuwiex sempliċiment dokument storiku. Bosta referenzi tal-ktieb huma mnisslin mit-twemmin nisrani ta’ ħutna l-insara mhux kattoliċi, u dawn qegħdin ikkwotati kif għandu jkun bis-sorsi tagħhom.
Il-ktieb huwa importanti għal dawk li jridu jifhmu aktar l-Iskrittura – li fuq kollox hija l-aktar Ktieb importanti għall-Insara, huma min huma. Biex nifhmu sew l-Iskrittura rridu nifhmu l-kuntest storiku tagħha, minħabba li drawwiet, politika, ħajja soċjali u użanzi ta’ elfejn sena ilu huma differenti ħafna minn dawk li għandna llum. Jidhirli li l-ktieb jagħmel esiġeżi tajba tal-Iskrittura filwaqt li ma jidħolx daqstant fil-fond ta’ studju akkademiku tant li jitlef mill-ispiritwalita’ li huwa l-għan ewlieni tal-ktieb. Kif insibu tajjeb fil-ktieb “L-ispirazzjoni mhijiex mekkanika” (p.17) u għalhekk importanti li nifhmu x’kellhom xi jgħidu sew l-awturi sagri. Paul Mizzi, l-awtur ta’ dan il-ktieb mhux biss għamel riċerka tajba imma wkoll għandu ħila li jikkomunika sew u dan il-ktieb jista’ jintlaħaq mhux biss minn ċrieki akkademiċi imma minn kullħadd, speċjalment għall-mod kif l-awtur ifisser biċċa biċċa bl-aktar mod sempliċi.
Ktieb li jgħaqqad l-għerf mal-Fidi
Il-ktieb huwa studju dwar it-Testment il-Ġdid, jiġifieri dik il-Parti tal-Iskrittura li titratta l-ħajja ta’ Ġesu u l-bidu tal-Knisja. Naturalment dan huwa il-qofol tat-twemmin nisrani u huma l-esperjenza ta’ l-ewwel xhieda tat-twemmin Kristjan. Il-ktieb jagħtina introduzzjoni (p.2-6) tajba ħafna saħansitra għal dawk li mhux midħla ta’ xi studju teoloġiku. Ifisser fost oħrajn il-kelma “Bibbja” u s-siwi tat-Testment il-Qadim. Wara din l-introduzzjoni qasira nsibu kapitlu (p.7-16) li fil-fehma tiegħi jidħol aktar fil-fond fit-“tagħlim” spiritwali. Joħroġ aktar bil-qawwi kif Kristu huwa, skont dan il-ktieb, il-milja tal-istorja u li l-wegħdiet ta’ Abraham , Mose’, David eċċ jilħqu l-qofol tagħhom f’Ġesu’. Imbagħad il-ktieb jgħaddi għall-Introduzzjoni għall-erba’ evanġeli (p.17-24). Is-sabiħ ta’ dawn l-erba’ evanġeli huwa li jippreżentaw faċċati differenti tal-ħajja ta’ Ġesu’, qishom bħal mera b’erba’ faċċati li kollha qed juru l-istess sors, imma l-interpretazzjoni tagħhom kienet differenti. Mizzi jgħidilna li “kull kittieb għażel kemm x’jinkludi kif ukoll x’iħalli barra” (p.18). Irridu nifhmu wkoll li l-awturi sagri, dak iż-żmien meta kienu jiktbu kellhom skop għaliex jagħmlu dan u riedu jwasslu messaġġ partikolari lill-komunitajiet tagħhom. Hekk għamlu l-Evanġelisti, hekk għamel San Pawl u grazzi għalhekk li għandna l-kotba tat-Testment il-Ġdid. Mizzi jgħid li “hu evidenti li ebda Evanġelu mhu maħsub biex jippreżenta djarju dettaljat jew stampa sħiħa ta’ ħajjet Ġesu’” (p.20).
Kull kapitlu jispiċċa b’xi tip ta’ affermazzjoni tal-Fidi meħuda jew mill-Katekizmu ta’ Heidelberg jew xi tagħlim ieħor uffiċjali ta’ ħutna l-Kristjani.
Il-Kotba tat-Testment il-Ġdid
L-istil li jagħżel Mizzi f’dan il-ktieb huwa wieħed sistematiku ħafna. Dwar kull Ktieb tat-Testment il-Ġdid, huwa jipprovdi l-isfond storiku u l-għan għalfejn dan inkiteb, il-profil – jiġifieri titwila ħafifa lejn il-kontenut sħiħ tal-Ktieb, karatteristiċi ewlenin, imbagħad jidħol fil-fond f’dawn il-karatteristiċi. Fl-aħħar jispiċċa b’Konklużjoni. Dan jagħmlu għal kull Ktieb. Fi ftit kliem, mill-istudju jgħaddi għall-ħajja spiritwali u dan naturalment sabiex iwassal li l-ħajja tagħna trid tkun ibbażata fuq l-Evanġelu.
Fil-ktieb insibu paraguni mibnijin tajjeb ukoll ma’ xi differenzi, naturalment żgħar, li nsibu mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Fil-fatt il-ktieb saħansitra jikkwota mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.
Konklużjonijiet
Il-bidu tal-Knisja, kif insibuha mfissra fl-Atti tal-Appostli u l-Ittri huwa suġġett interessanti mmens li kważi nazzarda ngħid anke għal min ma jemminx f’xi tip ta’ reliġjon. Naraw kif mill-Palestina it-tagħlim ta’ Ġesu’ ħareġ –il barra fost dawk il-Lhud li ma kinux tal-Palestina u anke l-Pagani. San Pawl kellu sehem importanti mmens f’din il-missjoni kbira. Interessanti imma l-ħidma sabiex it-tagħlim ta’ Kristu ġie milqugħ mill-Pagani u dak li sabu jappella għalihom u komuni mat-twemmin tagħhom. Imma l-isfidi ma kinux żgħar, u dan jinħass sew mhux biss fl-Ittri imma joħroġ aktar b’mod espliċitu fl-aħħar Ktieb tal-Bibbja ir-Rivelazzjoni li huwa miktub bi stil uniku u differenti ħafna. Fil-fehma tiegħi Paul Mizzi għamel biċċa xogħol siewja, u jistħoqqilha kull tifħir u tana ktieb ta’ referenza u gwida waqt il-qari tat-Testment il-Ġdid.
Il-ktieb huwa hardbound, 780 paġna. Jinbiegh għal €30. Jista’ jinkiseb billi wieħed jikkuntattja:
Joseph Farrugia
Dar tal-Pubblikazzjoni QUM
Email:
Mobile: 79048186
(Paġna Letterarja, itTorċa 5 t’April 2015)