Ix-Xwejjaħ tal-Ġugarelli u stejjer oħra

Awtur: Patrick Sammut

Pubblikazzjoni: Horizons

Din hija l-ħames ġabra ta’ stejjer għat-tfal ta’ Sammut.   il-fatt fl-2010 fost oħrajn ħareġ il-ktieb “Avventura żgħira f’ta’ qali u stejjer oħra” u fl-2012 “Tommy u s-sabiħ tal-qari u rakkonti oħra għat-tfal”, “Ħolm qabel l-irqad” u “Stejjer mill-Bosk”.   Hawn insibu 17-il storja ġdida li fl-imgħoddi l-awtur irrakkonta lil uliedu tard filgħaxija, u li wara għaddiehom minn proċess ta’ tirqim li għamilhom tajbin biex jinqraw kemm miż-żgħar kif ukoll minn min ħalla warajh l-età tal-ħolm u tal-innoċenza. 

Fil-ktieb naraw kemm lit-tfal bħala karattri protagonisti kif ukoll bhejjem differenti u personaġġi oħra u għalhekk dan il-ktieb joffri ambjent fejn it-tfal jistgħu jimirħu fl-immaġinazzjoni.  

L-istejjer huma qosra u ħelwin.  Fl-istorja li ġġib it-titlu prinċipali ngħidu aħba, Bastjan ix-xwejjaħ li kien imur minn raħal sa raħal jferraħ lit-tfal u  jagħmel il-ġugarelli.  Darba waħda iżda daħal f’raħal minnhom u ma reġax ħareġ għax sab kenn taħt ħarruba fejn bena ferrovija kbira.  F’ “Il-ġurdien tal-Imramma Makakk” għandna personifikazzjoni.  Fi żmien fejn ma kienx hemm kumditajiet moderni Iz-zija Żarena kienet poġġi l-ikel f’kamra fejn la kien hemm sħana u lanqas umdita’.  Il-kamra kienet magħluqa b’bieb oħxon.  Iżda dan ma kienx biżżejed għal ġurdien makakk li kien jistenna lil Żarena tmur fil-kamra ta’ fuq, joħroġ mit-toqba tiegħu.  Kull ma jmur dejjem kien igerrem ftit aktar il-bieb u rnexxielu jidħol fil-kamra.  Li ma kinetx taf Żarena kien bit-toqba li kien għamel.   Lanqas in-nases ma ħadmu u għalhekk ġabet qattus.   Il-ġurdien iżda kien makakk biżżejjed u ħadem ġurdien-pupazz.  L-aħjar soluzzjoni għaz-zija Żarena kienet li ssir ħabiba mal-ġurdien tal-Imramma. Fl-istorja ‘Ir-Rota maħruba”, il-ġenituri ta’ Pawlu li kien tifel xtrawlu rota sabiħa.  Kien juża ż-żewġ roti żgħar biex iżomm il-bilanċ, minkejja l-insistenza ta’ missieru.  Jum fost l-oħrajn kien qed juża r-rota u ġrew il-klieb warajh. Tant ġera li r-roti ta’ wara nqalgħu u bla ma nduna beda jaqdef mingħajr ir-roti ta’ wara.    Anke r-Raġel tal-Milied sab postu f’dawn l-istejjer.   Kien qed joqrob il-Milied u r-raġel tal-Milied beda jipprepara biex iqassam ir-rigali.  Fit-tramuntana tad-dinja jew kien dejjem xemx jew inkella dlam.   Tant kien imħabbat jaqra l-ittri fost oħrajn u tant kien jaħseb fuq ħaddieħor li spiċċa saħansitra jinsa lilu nnifsu.   Induna li kien hemm bżonn jieħu ħsieb saħħtu meta kien ser jidħol jorqod u ra lilu nnifsu fil-mera.  Hemm ra l-ħwejjeġ ta’ taħt imsewwijin malajr, imma kien impossibli li jmur jixtri xi mkien għalih.  Ġara iżda li fi gżira fil-Mediterran kien hemm tifel jismu Bernardinu li ried ikun ftit differenti.  Meta ġie biex jikteb lil Father Christmas, ħaseb biex jagħtih xi ħaġa hu, u kitiblu biex jixtrilu xi ħwejjeġ.   Father Christmas ħaseb mal-ewwel li Bernardinu kien tifel speċjali u għalhekk tah rigal speċjali:  Vażett li minnu kienet toħroġ riħa tfuħ u tagħtik ferħ u hena. 

Sammut juża lingwa u stil mexxejja, flimkien ma’ Malti idjomatiku, biex b’hekk l-esperjenza tinbidel f’waħda li tagħti pjaċir u tgħaddi wkoll messaġġ pożittiv. Kunfidenza fost it-tfal, imħabba lejn in-natura, u mħabba lejn l-annimali    L-ispazji fejn isseħħ lazzjoni tal-istejjer huma familjari, u oħrajn li jmorru lil hinn mir-realtà li mdorrijin inġarrbu kuljum. Dawn huma stejjer li joffru waqtiet ta’ mistrieħ u ta’ riflessjoni lill-qarrejja minn għaxar snin ’il fuq.

Dan il-ktieb jinkiseb mis-sit elettroniku https://horizons.com.mt/ jew mill-ħwienet ewlenin. 

Stejjer qosra minn Joe Friggieri

Pubblikazzjoni: Kite

Jekk qed nitkellmu dwar stejjer qosra ċertament żgur ma ninstgħux ma nsemmux lil Joe Friggieri.  Biżżejjed insemmu l-aħħar kotba  minn din is-sensiela: 

Nismagħhom Jgħidu (2016), Il-Gżira l-Bajda u Stejjer Oħra (2017), Il-Fiera tal-Fuħħar u Stejjer Oħra (2018) u Widnet il-Baħar u stejjer oħra (2020).  

Joe Friggieri jikteb b’mod mexxej, u jlaqqat elementi ta’ umoriżmu ma’ oħrajn ta’ suspans.  Dawn il-kuntrasti huma dawk li jagħmlu dawn il-kitbiet pjaċevoli.  L-istil tiegħu huwa li jirrakonta storja, bħalma qabel (għalkemm jalla din id-drawwa ma tispiċċax) kien isir b’mod orali.  Tiftakaru l-istejjer kienu jibdew, “Darba waħda?”  Le mhux kull storja ta’ Friggieri tibda hekk, imma dejjem kważi jġgħiegħel il-qarrej jaħseb li din ġrat tabilħaqq.  

L-aktar elementi komuni li nara f’Joe Friggieri huma dawn:

  • Joffri sfont differenti u f’firxa wiesgħa ta’ perjodi ta’ żmien.  Għandna stejjer riċenti u oħrajn joħduna lura fiż-żmien.
  • Iżewweġ b’mod tajjeb l-element ta’ misteru u kurżita’ mar-realiżmu. 

Ranier Fsadni f’kumment dwar l-istejjer ta’ Joe Friggieri jgħid li ‘L-effett tal-istil minimalista ta’ kif jikteb Joe Friggieri hu li, għalkemm qed jirrakkonta – u allura l-istorja għandha bidu u tmiem – l-istejjer jieħdu xejra leġġendarja anki meta jkun qed jikteb dwar l-affarijiet ta’ kuljum. U l-leġġendi, kif nafu, la għandhom bidu u lanqas tmiem. Jidwu dejjem madwarna… Il-proża poetika ta’ Joe Friggieri qatt ma titlef mis-sempliċità. L-istejjer kollha huma qishom għadira ċara li fiha, aħna u għaddejjin, nilmħu xi ħaġa tleqq, u allura nduru lura b’ħarsa aktar attenta. Is-seħer tal-aħjar novelli hu li, bla ma tobsor, malli tħares lura tieħu lemħa ta’ x’hemm quddiem, jistenna.’

Friggieri għandu ħabta juża strateġiji narrattivi differenti, fejn f’xi drabi juża l-ewwel persuna waqt li oħrajn iħalli l-protagonisti jirrakontaw.  Ikun xi jkun l-istil li jaddotta dejjem jinvolvi l-qarrej; iħallina naħsbu.   Nistqarr li xi stejjer baqgħu jidwu f’moħħi u xi kultant anke jwasslu għal dibattitu enormi.  Tiġini f’moħħi “Dritt għal punt” fejn wieħed jista’ jwessa l-argument anke għar-realtajiet tal-lum.    Element ieħor li nsibu f’xi stejjer huwa dak tas-sorpriża.  

Kil-kobor ta’ dan l-awtur huwa li l-ekonomija tal-kliem ma tnaqqas xejn mill-ġmiel li jżejjen din il-kitba.  Toħroġ sew fil-kisra tal-lingwa kif użata f’dawn in-novelli.

Joe Friggieri huwa Professur tal-Filosofija l-Università ta’ Malta. Ix-xogħlijiet akkademiċi tiegħu jinkludu żewġ kotba fuq il-filosfu Ingliż J.L. Austen u ‘In-Nisġa tal-Ħsieb’, l-ewwel storja tal-filosofija bil-Malti, fi tliet volumi (2000, 2007, 2014). Fil-qasam letterarju kiteb u ppubblika tliet ġabriet ta’ poeżija (‘Intervalli’, ‘Kadenzi’ u ‘Mitt Ħajku’), ħames drammi twal (‘Mid-Djarju ta’ Sara’, Tkun Darb’oħra Mikelanġ’, ‘Trappisti’, ‘Caravaggio: l-Inkjesta’, u ‘L-Għanja taċ-Ċinju’), u ħafna stejjer qosra, fosthom ‘l-Istejjer tar-Ronnie’ (1992 u 2007), li kisbu popolarità kbira fost l-istudenti u l-għalliema, ‘Ħrejjef għal Żmienna’ (1996 u 2015) li nqalbu għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, ‘Nismagħhom Jgħidu’ (Kite, 2016) u ‘Il-Gżira l-Bajda’ (Kite, 2017).

Mitt ruħ

Awtur: Gorg Mallia
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin

Għandi mitt raġuni differenti għaliex ridt nakkwista kopja ta’ dan il-ktieb.  Minn banda għandna ktieb b’illustrazzjonijiet ta’ Gorg Mallia. Il-mod kif ifisser l-emozzjonijiet fl-illustrazzjonijiet tiegħu dan l-artist, huwa xi ħaġa li jiena tassew togħġobni.  Dawn l-aħħar snin Mallia approfitta ruħu sew mill-benefiċċji tat-teknoloġija u użha bl-aħjar mod li seta’.  U hawn nixtieq nagħti ftit eżempji li dehru f’din l-aħħar sena: 

  1. L-Avventura msaħħra ta’ Melanie u Karl, ktieb għat-tfal miktub fil-bidu tal-imxija tal-Covid-19, biex jingħata b’xejn f’forma elettronika bħala rigal lit-tfal Maltin u Għawdxin kollha li kienu jinsabu d-dar minħabba fl-għeluq tal-iskejjel.
  2. Il-wirja ta’ pitturi diġitali Rhapsody-in-Pain bejn it-6 sal-20 ta’ Marzu 2020. 
  3. It-tislima lill-personalitajiet li jħallu din id-dinja permezz ta’ Facebook
  4. Numru ta’ karikaturi li ma waqfux, xi wħud ftit kritiċi speċjalment lejn it-tmexxija attwali
  5. Il-Professur Għasfur (it-tieni ktieb)
  6. Numru ta’ illustrazzjonijiet għall-istejjer ta’ Għidli mitejn. 

Din tal-aħħar, Għidli mitejn kienet ta’ inpromptu għal dan il-ktieb.  Din il-paġna permezz ta’ Facebook qed toffri spazju lil numru ta’ awturi biex itellgħu ix-xogħlijiet tagħhom u aktar minn hekk qed toffrilhom sfida sabiex dan ix-xogħol ma jkunx aktar minn mitejn kelma.  Gorg Mallia ċertament għandu ħafna x’joffri imma dan l-ispazju dejjem iħallih għalina l-awturi.   Pero’ huwa stess kellu kontribut kbir ħafna u naħseb li dan huwa r-riżultat. 

U hawn Mallia, issa bħala awtur qed jesplora dan il-qasam li bl-Ingliż huwa magħruf bħala flash fiction.  Dawn il-mikrostejjer huma xi ħaġa relattevament ġdida f’pajjiżna.  Rita Saliba fil-fatt riċentament ħarġet il-ktieb sabiħ “Ħjut”.    L-isfida f’dawn l-istejjer hija li l-ekonomija tal-kliem u li l-awtur irid jasal għal konklużjoni fil-qosor ħafna.   

Dawk li segwew l-illustrazzjonijiet ta’ Ġorġ Mallia li jiddeskrivu burdati differenti matul din l-aħħar sena diffiċli li għaddejna flimkien, żgur li mhux ser ikunu diżappuntait b’dan il-ktieb.  Stejjer qosra fejn is-soċjal jitwaħħad mal-psikoloġija u mfisser bl-illustrazzjonijiet u l-kitba b’emozzjonijiet qawwija.  U dan jagħmlu mingħajr ma joħodha wisq fit-tul.  Il-ħila kbira li jesprimi dak li għandu xi jgħid bi stampa bħal jirreplika anki fil-kitba.  Jasal għal punt mal-ewwel.  

Il-ktieb jitratta bosta temi bħal kwistjoni tal-kirjiet li tħalli l-faqar (Karmnu), il-vjolenza domestika (Sonia), Is-saħħa mentali (Rita) u kif il-bullying jisa’ jwassal għal ħsara (Bruce). 

Li għoġobni ħafna pero’ huwa li jinfatam ftit minn dawk it-temi soċjo-politiċi li dan l-aħħar donnhom saru wisq prevalenti fil-letteratura Maltija u jidħol ukoll aktar fil-fond.  Jitkellem dwar is-solitudini, l-iskiżofrenija u s-suwiċidju.  Kull tema ma jarhiex biss minn barra imma jħares lejn il-persuna.  Għaliex wara kollox dan huwa ktieb dwar persuni u għalhekk Mitt persuna.  

Dan il-perjodu ċertament ta l-opportunita’ lil dan l-awtur biex jaħseb aktar fil-fond dwar il-personal.  Element ieħor li wieħed allura joħroġ huwa kif it-temi soċjali u psikoloġiċi joħorġu mill-persuna.  Spiss dawn it-temi narawhom trattati minn barra, b’mod astratt jew ġeneriku.  Hawnhekk qed naraw lil Karmnu li spiċċa barra minn daru.  Wara kull problema hemm isem.  U dak l-isem u ta’ persuna. 

Dan il-ktieb jinkiseb il-ħwienet ewlenin jew minn https://midseabooks.com/.

Semperviva

Awtur: Trevor Zahra
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Jekk ngħid li Trevor Zahra huwa idolu ta’ ċkunitna u awtur li ispira ħafna awturi oħra ma nkun qed ngħid xejn ġdid.  Imma li żgur sorprendenti huwa kif dan l-awtur ma’ jixba’ qatt jissoprendina.  U propju dak huwa li qed jippeżentalna permezz ta’ dan il-ktieb:  Bħal bukkett fjuri friski.   Trevor (f’dan l-artiklu ser insejjaħlu bl-ewwel isem)  huwa dejjem frisk u oriġinali.  Il-pulena tad-deheb kien l-ewwel ktieb tiegħu u bih saħħarna, pero ma ddejjaq xejn ibiddel, jesperimenta u joffrielna materjal ġdid.  Hekk jagħmlu artisti li jippromettu, kemm fil-mużika, letteratura u f’oqsma oħrajn.  U mill-bukkett fjuri friski li qed joffrielna hawnhekk nistgħu naqtgħu waħda waħda, u nieħdu pjaċir bir-riħa u l-ilwien uniċi tagħha.  Għaliex dan il-ktieb li għandna f’idejna huwa litteralment ispirat mill-fjuri.  Kull novella hija differenti pero bejniethom hemm din it-tema sabiħa.  U għaldaqstant sempreviva.  Sabiex il-preżentazzjoni tkun waħda sabiħa kien jeħtieġ pakkett sabiħ u anke hawn Merlin Publishers tawna sorpriza oħra.  Qoxra hardbound, disinn mill-isbaħ, daqst ftit iżgħar mis-soltu u kuluri differenti għal kull novella.  Ngħid għalija qatt ma rajt dan it-tip ta’ disinn u din il-preżentazzjoni distina tkompli mal-istejjer oriġinali u mal-istess tema ta’ dan il-ktieb.    

L-istejjer huma qosra, mexxejja u jiġu kumplimentati bid-daqs żgħir tal-ktieb li jagħmlu faċli biex wieħed jaqrah.   Il-ktieb jikkonsisti f’37 storja u ideali għal dawk li jixtiequ waqt xi pawsa qasira forsi waqt ħin il-mistrieħ mix-xogħol jew mix-xogħol tad-dar, jaqraw xi storja li tasal għal konklużjoni tagħha malajr.  Il-kobor ta’ dan l-awtur huwa li l-kitba tiegħu hija mexxejja daqs kemm hija riflessiva; iġgħalna naħsbu.  Huwa joffrielna sfida.   L-istejjer fihom ħafna x’tixtarr u waqtiet nebbiexa wkoll.  Mhuwiex patronizzanti, jinfatam minn xi riġidita’ morali u minflok joffrielna sitwazzjoni reali.  Fil-ġabra, wieħed jinnota wkoll kemm Trevor għandu ħakma tajba tal-lingwa tagħna. Juża Malti għani u saħansitra kliemu jixhed kemm huwa għandu relazzjoni tajba miegħu. Il-mod ta’ kif jesprimi ruħu bih, mhux biss jixhed dan, imma juri b’eżempju ċar kemm huwa kapaċi jsebbaħ dan il-ġnien.  Dan il-ġnien jafu tajjeb u jaf l-aħjar fjuri li jsebbuh.  U tabilħaqq Trevor Zahra kapaċi jżewwaq dik l-idjoma Maltija, kif tismagħha fit-taħdit, fit-toroq tagħna u fl-istess ħin iżomm livell għoli fil-kitba. 

Trevor Zahra ma jafx biss l-għaġna tal-kelma Maltija, imma jaf sew ukoll l-ambjent Malti, dak li jsawwarna.  Fil-Paġna Letterarja tal-Ħadd 17 ta’ Ġunju 2018 dwar il-ktieb “Xemgħat” kont għidt:  “Il-karattru Malti, l-ambjent Malti huwa evidenti f’dan il-ktieb.  U dan huwa li jagħmel dawn l-istejjer anke differenti minn dawk barranin f’dan il-ġeneru ta’ kitba.”  Dan nista’ napplikah għal dan il-ktieb.   Niltaqgħu mal-qagħaq ta’ barbett, l-purċissjoni ta’ Corpus, iz-ziju Ġorġ li kien jadura lil Borg Oliver, u x-xiħa timbotta l-pram mimli bil-ġiżi.  

Il-kitba ta’ Trevor hija bħal bukkett fjuri li qatt ma jidbiel.  Ktieb li ser isebbaħlek il-librerija u tieħu gost taqrah. 

Sempreviva jinkiseb mill-ħsiebet ewlenin jew mis-sit elettroniku https://merlinpublishers.com/product/sempreviva/