ġabra ta’ poeżiji ta’ Alfred Grech
It-titlu prinċipali tal-Paġna Letterarja tal-lum huwa “Minn Għawdex”. Meta ġejt biex nikteb dwar dan il-ktieb għidt liema aspett l-aktar li kelli nagħżel jekk hux bħala ktieb “minn Għawdex” billi l-awtur Alfred Grech huwa Għawdx, jew il-fatt li l-poeżiji qegħdin kollha f’ordni alfabetika li fakkarni wkoll fl-“Inventarju tal-kamra l-kaħla” ta’ Leanne Ellul li wkoll.
“Imwejġiet” huwa r-raba’ ktieb tal-poeta Alfred Grech. Il-kotba l-oħrajn ippublikati kienu “Mix-Xefaq u lil Hinn” (2012), “Petali f’Wiċċ l-Ilma” (2014) u “Erbatax -il Vers” (2016). Li jolqotni f’dan il-poeta huwa l-mod kif joħroġ ċerta rabja taħt bixra ta’ mużikalita’ ħelwa. Vrusu jpaxxu lill-widna daqs kemm jiskomodaw u jipprovokaw il-ħsieb.
Il-ktieb huwa mimli emozzjonijiet jgħaddu bħal imwejġiet u qalb l-imwejġiet il-poeta huwa ħieles. Huwa ħieles fil-ħsieb, jibża’ li xi ħadd jużah u ċertament ma jrid ebda obligazzjonijiet li jorbtulu xi tip ta’ mazzra jew ipoġġuh f’pożizzjoni li ma jixtieqx.
“Jew tagħmel bħal ingassa
U tirkeb dahar l-ilsir.
Din hija dinja ħielsa,
Ħallini nibqa’ ntir.”
(X’ridt aktar milli għandi?)
Jibża’ mill-konfini madwaru u l-ftuħ tal-kampanja f’dawn il-poeżiji mhuwiex biss marbut mal-imħabba li għandu l-poeta għall-ambjent imma wkoll mal-ftuħ li għandu bżonn f’ħajtu bħala individwu ħieles. Ix-xewqa li jkun xi mkien `il bogħod,
“Fejn ħadd ma jmur u lanqas fejn ħadd jgħaddi
Gremxul u nemel, dan il-friex tal-kwiet,
Ma joħroġ ħadd għan-nofs li jista’ jdejjaq,
Jew li jisraqli dal-waqtiet tas-skiet.”
(Dawn huma t-toroq)
Il-poeta jaħseb sal-punt li l-ħsieb tiegħu jista’ jkun kontra l-kurrent, jew forsi nuża l-liberta’ biex nadotta l-metafora “kontra r-riħ”, liema metafora hija użata għal diversi kuntesti differenti minn dan il-poeta. Il-ħsieb jibda bil-mistoqsijiet dwar ir-realtajiet li ngħixu madwarna. Numru ta’ poeżiji f’din il-ġabra għandhom it-titlu bħala mistoqsija, eżempju “Fejn sejjer?”, “Int min int?”, “Kif tista’ qatt tifhimni?”. Oħrajn żvolġew mill-mistoqsija li tinħass fl-isfont tal-poeżija. Huwa jgħidilna:
“Bħal mistoqsija ġdida
Li qatt tkun staqsejt
Hekk tibda kull tqanqila
Tkun għadek lanqas bdejt”
(Bħal mistoqsija ġdida)
Dan huwa l-ħsieb li jista’ jinfed u huwa wkoll bħal sikkina li taqta’ minn żewġ naħat. Bħala poeta Grech jorqom il-kelma sew, bħala avukat jartikola sew il-ħsieb tiegħu, pero’ xejn ma jżommu li jwassal dak li hu sew anke jekk ser jolqot fil-laħam il-ħaj.
Fuq kollox huwa artist illi joħlom, u dwar dan jgħidilna:
“Titjira għal imkien
Fil-vjaġġ ta’ mingħajr mira
Din qabża għal ġol-abbiss
Jew ħofra f’nofs għadira.”
(Vjaġġ tal-fantażija)
Forsi għax huwa artist, ir-rutina ddarsu. Ma jibqax bniedem. Meta l-istess rutna ssir bħal rota li jispiċċa jdur magħha ma jibqgħalux lok li jsir dak li huwa hu:
“Xħin jien u r-ritmu nsiru ħaġa waħda,
Xħin lanqas nibqa’ nara xejn madwari,
Xħin lanqas nibqa’ nisma’ l-melodija,
Insir ma ningħarafx minn dak ta’ dari”
(U meta jien għax niżfen)
Jiddarras bil-propoganda liberali li tidher attraenti u tappella għal popolin anke jekk tgħammixna biex minn wara jittieħdu deċiżjonijiet anti-soċjali u li jfaqqru l-kwalita’ tal-ħajja tagħna. “Tal-ħafna bżieżaq tas-sapun u drittijiet” (Wara x-xalata)
Fejn jidħol iżda l-ħajja soċjali u l-ambjent, f’termini tal-lum, l-poeżija ta’ Grech tappella anke għal qarrejja progressivi tal-lum li qed jiddefendu dak li writna u b’xorti ħażina qed jinqered. Għaliex ir-rota politika xxaqleb bejn il-ħtiġjiet ekonomiċi għal dawk soċjali u Grech jinfilsa sew ma’ dawn l-ilħna kontra l-isfreġju ambjentali. Kif għidt aktar qabel, L-ambjent naturali huwa wisq għal qalb Grech, tant li għalih isir kważi l-maqdes fejn ifaħħar il-Ħallieq.
“M’għandix għalfejn il-Maqdes biex nitolbok,
U lanqas dawn il-kwadri ta’ mal-ħajt.”
Hekk jgħidilna fil-poeżija “Biżżejjed tkun il-mixja ġo l-għelieqi”.
Saħansitra jistħajjel li l-istess Ħallieq ser jiddarras bl-ambjent illi qed noħolqu. L-Ambjent hawn mhux biss fid-“dħaħen” imma anke bil-mod kif qed nimxu aħna ma’ xulxin. Għaliex wara kollox, huwa l-egoiżmu li qed jirvina kollox. L-egoiżmu li mbagħad iwassal għar-regħba. Għaldaqstant huwa jgħidilna:
“Issa li nżilt mill-għoli tal-quċċata,
Erġajt tħallatt mal-kotra tal-bnedmin;
Jilqagħna sibt id-dħaħen tal-vetturi,
It-toroq kollha jaħbtu ġo xulxin.”
(Issa li rġajt inżilt fit-toroq tagħna).
Fejn tidħol il-poeżija ta’ mħabba personalment nara aktar profondita’. L-imħabba għandha togħmiet differenti u xi drabi tweġġa’ wkoll.
“Fis-skiet ta’ dawk xufftejk
Illum tlift ir-raġuni,
Burdati bħall-oħrajn,
Jinbidlu fi staġuni.”
(Fis-skiet ta’ dawk xufftejk)
L-indifferenza ma tibdiex minnu iżda tibda minn ħaddieħor (Xħin jien nitlaq minn hawn). Il-firda ma tibdiex minnu għax huwa kien ilu jesperjenzha minn ħafna qabel.
L-imħabba ma toffrix soluzzjonijiet faċli u Grech jitkellem fuq sitwazzjoni fejn il-ħajja ssir artifiċjali. Minkejja li jkun hemm ir-rabta tkun nieqsa minn ċerta’ affinita’.
“Bejn żewġt itruf tal-baħħ,
Dan tejatrin.
Noħolqu l-logħob kuljum
Biex jgħaddi l-ħin.”
(Bejn iż-żewġt itruf tal-baħħ)
L-imħabba fiha l-imrar pero’ mingħajr sserraħ il-qlub, kapaċi twennes meta fl-iebes tal-ħajja tħoss xi ħadd li jagħti każek.
“Li kieku kelli għad jien nerġa’ nterraq
It-toroq sqaqien mgħawġin tad-dinja,
Ma nittaqalx bit-toqol tal-imgħoddi,
Niltaqa’ miegħek”
(Li kieku)
Dak li jiddistingwi dan il-poeta huwa l-użu tal-istil tradizzjonali mingħajr ma jnaqqas xejn mill-ingredjenti tal-poeżija kontemporanja; il-valuri konservattiv anti-liberali, b-qafas spiritwali-reliġjuż u fl-istess ħin voċiferu kontra l-qerda tal-ambjent u t-tnaqqs fil-kwalita’ tal-ħajja; x-xenqa għall-imħabba u fl-istess ħin kultant irid iżomm ‘il bogħod minnha. Dawn il-paradossi jispikkaw f’dawn il-poeżiji li huma kollha riflessjoni ta’ kemm dan il-poeta jaħseb fil-fond. U dan il-ħsieb kultant ftit iebes, iwasslu bħal għanja ħelwa li tpaxxi lill-qarrej.
“Li kieku dakinhar kont naf x’ser jiġri
Ma kontx illum nitbekka dak li ġara.
Li kieku dakinhar ilbist dil-lenti,
Li kieku ma nisħetx iċ-ċpar ta’ wara.”
(Lili nnifsi)
Minbarra l-ordni alafabetika tolqotni wkoll li dan il-poeta dejjem jagħmel id-data. Onestament ma nafx hemmx xi raġuni partikolari, jew jekk din id-data sempliċiment isservix ta’ memorja għall-istess awtur u forsi għall-istudjużi li għada pit għada janalizzaw dawn il-poeżiji. U ġaladarba qed insemmi l-istudji, nagħlaq billi nħeġġeġ li l-qarrejja jaqraw ukoll l-analiżi ta’ Tarcisio Zarb fil-bidu ta’ dan il-ktieb.
Għal darb’oħra poeżiji li ħadt gost naqra.
it-torca-2020-11-01_30-30 it-torca-2020-11-01_31-31