Kitba: Alfred Massa
Pubblikazzjoni: BDL
it-torca-2020-09-20_30 it-torca-2020-09-20_31Dan huwa rumanz bi storja ħelwa, kif jaf jagħtina dan l-awtur Alfred Massa, imma ambjentata fi żmien partikolari: iż-żmien tal-pandemija. Għaldaqstant hija storja ta’ kuraġġ u tama, mhux biss dwar il-marda fiha nfisha imma għal bosta ostakli fil-ħajja li niltaqgħu magħhom. F’dan il-ktieb fost oħrajn insibu d-dimensja, il-firda ta’ xi membri tal-familja, l-argumenti jaħarqu u saħansitra l-mewt. Il-ħajja trid tkompli, u għalhekk naħseb li dan il-ktieb jinqeda bis-sitwazzjoni attwali imma jista’ jservi ta’ kuraġġ għal bosta realtajiet oħra.
L-istorja tlaqqgħana mal-familja ta’ Manwel u Karmena ġenituri ta’ Pawlu, Salvinu u Norma. Imbagħad niltaqgħu ukoll ma’ karattri oħrajn fosthom Bernard, eks maħbub ta’ Norma u Romina l-ħabiba tagħha, u oħrajn.
F’dan ir-rumanz insibu bilanċ bejn id-djalogar u anke r-rakkont. It-taħdit idaħħalna fl-esperjenza, fl-emozzjonijiet u l-qarrej iġarrab l-istess sentimenti. Għoġobni ħafna li l-ktieb jibda bir-rutina tal-ħajja permezz tad-djalogu u għalhekk il-qarrej jidħol mill-ewwel fl-atmosfera. Mill-banda l-oħra mbagħad għandna l-vuċi narranti li mhix parti mill-ġrajja u għalhekk nistgħu mhux biss nifhmu aktar dwar il-karattri, dak kollu li għaddew u li għaddejjin minnu, u anke dwar il-kuntest tal-ġrajja iddominat mill-aħbarijiet dwar il-Covid-19. Dawn huma ppreżentati b’mod kronoloġiku ta’ kif żviluppat il-marda f’Malta, mill-ewwel każ `il quddiem, għaliex il-ġrajja tagħna hija ambjentata f’dan iż-żmien tal-pandemija.
Dan ir-rumanz jinqasam fi 17-il kapitlu u kull kapitlu jerġa’ jinqasam f’partijiet iċken. Dan għaliex l-awtur joħodna f’xenarji differenti. Kif wieħed jista’ jimmaġina allura, u min qara x-xogħlijiet ta’ dan l-awtur jista’ jikkonferma, il-ktieb huwa wieħed mexxej u tieħu gost taqrah. Waqtiet tħoss l-istess sentimenti; jiena ngħid għalija laqtitni ħafna l-istorja ta’ Bernard, Norma, Romina u anke l-mod kif daħlet ukoll Elizabeth. Ħassejt li din kienet parti movimentata ħafna u fl-istess ħin toħloq bilanċ mad-diqa li anke jien bħala qarrej ħassejt meta tmut omm Romina.
Jidhirli li jispikkaw ħafna t-temi ta’ firda u biża’, mumenti ħelwin u t’għaqda u dawk ta’ ferħ u mrar u xtaqt nikkummenta ftit dwarhom.
Firda u biża’
Il-firda toħroġ ċar bosta drabi. Għandna l-firda tal-mewt. Manwel ħalla din id-dinja. Dettal imqanqal tat-tebut ta’ omm Romina nieżel fil-ħofra.
Firda oħra hija dik tal-post. Il-persuni għadhom magħna imma mifrudin minn xulxin għax f’pajjiżi differenti. Pawlu u Jessie issetiljaw f’Sheffield. Kemm hu qawwi tak il-mument li missieru jaċċetta li ibnu ser jitlaq lejn l-Ingilterra!
Aktar `il quddiem, wara l-marda li ħakmet lil Jessie hija tħoss in-nuqqas ta’ binha Stephen u tgħid li mhux biżżejjed li semgħet leħnu imma trid tarah. U dan iġibni wkoll għall-firda emozzjonali. Kif ħassitha Norma meta ssir taf li ħabibtha Romina qed toħroġ mal-eks maħbub tagħha Bernard? Mhux ta’ b’xejn ma qaltiliex bil-mewt ta’ ommha! Ovvjament hemm ukoll in-niket meta tinfirex mill-qraba tiegħek li qegħdin l-isptar minħabba l-Coronavirus.
Waqt li fil-ktieb għandna mumenti ta’ ferħ ukoll kif ser nikkummenta aktar ‘il quddiem, anke l-fatt li din l-istorja sseħħ fi żmien ta’ pandemija ma jonqosx fiha mumenti ta’ biża’. Naqraw li fil-bidu tal-pandemija fejn fil-belt Valletta naqset it-tbissima tas-soltu. Għandna l-biża’ mill-mard u l-biża’ mill-firda. Naqraw ngħidu aħna li “Allaħares kellu jitlef lil ommu”.
F’mumenti ta’ biża’, r-reliġjon hija ta’ konsolazzjoni. Naqraw li jitolbu lill-“Madonna ta’ Caraffa”. Jgħidu r-rużarju lil Santa Rożalja. Biex inkun ċar l-awtur ma jibnix xi sterjotip reliġjuż-kattoliku tal-poplu Malti, imma jkun realistiku.
Mumenti ħelwin u ta’ għaqda
Fil-ktieb insibu bosta mumenti ħelwin fosthom fejn ikun hemm l-għaqda bejn il-familji u anke ħbieb. Il-ġrajja tibda propju meta Pawlu u Jessie jirritornaw lura mill-Ingilterra.
Bħala qarrej ħassejt u esperjenzajt din l-affinita’ bejn il-membri tal-familja u ħbieb. Għadna mumenti ħelwin oħra t’għaqda bħal ma ngħidu aħna l-familja kollha, fosthom Pawlu u Salvinu u n-nisa tagħhom miġbura flimkien biex jawguraw lil ommhom Karmena f’għeluq is-sebgħin sena tagħha.
Ir-reliġjon mhijiex biss ta’ konsolazzjoni imma parti mil-kultura u tradizzjoni tal-Maltin. Jissemma “ix-xahar ta’ San Pawl”, il-ġirżirana eċċ. Ir-reliġjon kienet ta’ importanza kemm fl-imgħoddi, eżempju Karmena tieħu l-fjuri quddiem il-Madonna u anke fil-preżent.
Ferħ u mrar
Sebgħin sena ta’ ferħ u mrar, iddeskriviet ħajjitha Karmena f’għeluq is-sebgħin sena tagħha. U hekk hu. Il-ħajja hija mimija ward u xewk. Fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja tkompli anke fiż-żmien ta’ din il-pandemija. Biex idaħħalna fil-kuntest il-ktieb ifakkarna meta tifla taljana ta’ tnax -il sena u l-ġenituri tagħha li jgħixu f’Malta qegħdin jinżammu f’taqsima iżolata fl-Isptar Mater Dei wara li kienu ċertifikati pożittivi għall-Coronavirus. Id-diffikulta’ anke biex tmur bl-isptar minħabba l-marda. Barra l-pandemija, Karmena bdiet tbati bid-dimensja. Norma kienet tilfet ukoll lil missierha ħames snin qabel. Hemm ukoll l-aċċident ikrah li kien involut Berard, l-ambizzjoni tiegħu u anke `l mod kif kien jipprova jimmanipula. Kif diġa semmejna Romina tilfet lil ommha.
Mill-banda l-oħra għandna kemm hu mument ta’ ferħ meta’ Jessie rritornat lura lejn id-dar wara l-mara li ħakmitha.
Konklużjoni
Il-ktieb huwa ta’ 150 paġna u ideali wkoll għal min ma jħobbx kotba twal ħafna. (Mhux kumment li nħobb ngħid dwar it-tul tal-kotba imma għal raġunijiet diversi jkun hemm qarreja li jispeċifikaw dan ukoll). Laqtuni ħafna postijiet f’Malta bħal ngħidu aħna n-naħa magħrufa bħala “il-Munxar” fir-Ramla ta’ San Tumas f’Wied il-għajn. Il-ktieb huwa ambjentat fi żmien tal-pandemija tal-Covid-19 pero’ mhuwiex dwar hekk imma dwar l-isfidi b’mod ġenerali tal-ħajja, fosthom f’dan iż-żmien partikolari. Kif għidt fl-introduzzjoni huwa ktieb ta’ tama, grazzi wkoll għat-tobba u l-infermiera fil-ġlieda tagħhom kontra l-Covid-19. Mhux ta’ b’xejn li l-ktieb huwa iddedikat “lill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna, lit-tobba, lill-infermiera u lill-ħaddiema għas-sehem li qegħdin jagħtu b’risq il-poplu tagħna waqt il-pandemija tal-Covid-19”.
Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mis-sit https://bdlbooks.com/product/fir-rutina-tal-kwarantina/.
Prosit u Grazzi, Omar. Tidher li l-ktieb qrajtu u fhimt kull rokna tiegħu.
alfred