Qrajtu Castillo ta’ Clare Azzopardi? Hekk staqsewni ħafna qarrejja. Il-ktieb ħabbarna meta kien ħareġ u jidher li miexi mhux ħażin. Jekk “kulħadd ħalla isem warajh” Azzopardi żgur naqxet isimha permezz ta’ dan il-ktieb ta’ novelli tagħha u anke numru kbir ta’ kotba tat-tfal. Issa kien imiss rumanz Castillo. Ir-rumanz huwa wieħed li jżommok. L-istil tiegħu ifakkrek f’xi film, jgħin lill-qarrej isewgwi ftit ftit l-istorja u jmur lura permezz ta’ flashbacks. Element b’saħħtu ta’ dan ir-rumanz huwa d-djalogu li mhuwiex differenti mit-taħdit ta’ kuljum. Xi kultant naraw infilsata kelma ingliża fid-djalogu, kif jitkellmu l-Maltin, imma fl-istess ħin naraw ħakma tajba tal-lingwa f’partijiet oħra tar-rumanz. Imma b’differenza minn dramm għandna xi deskrizzjonijiet importanti mmens u oħrajn li jgħinnuna nesperjenzaw aħna wkoll l-istorja li man-narratriċi Amanda tfittex il-għala seħħew ċerta affarijiet. Il-qarrej kważi wkoll huwa parteċipi fit-tiftix f’dan ir-rumanz investigattiv. Grafika li turi l-kaligrafija tal-katalogu ta’ Barbara huwa eżempju wieħed kemm dan il-ktieb huwa wieħed movimentat u juża modalitajiet differenti għalkemm stampati li jdaħħlu aktar lill-qarrej fl-istorja.
Il-punt tat-tluq huwa li Amanda tfittex lil ommha (Emma Barbara) li abbandunata aktar minn 25 sena ilu. Xokk kbir għal Amanda li ssir taf li ommha qatlet, u aktar minn darba! Imma hemm raġuni għal dan. Riedet tagħmel vendetta minn min qatel lil oħta tewmija l-awtriċi Cathy Penza nqatlet. L-istejjjer tagha ħarġu fis-sengħinijietu fit-tmeninijiet sakemm Penza nqatlet f’Diċembru tal-1986 b’karozza bomba li huwa misteru jekk wara kollox kinetx intenzjonata għaliha.
Emma Barbara qatlet lil ċerta Tommy, ġar tagħha f’Ħal-Għargħur. Dan Tommy ma tantx kellu reputazzjoni tajba u Barbara kienet taf li kellu garaxx mimli bombi, xi ħaġa li wasslitha biex taħseb li huwa kien il-qattiel t’oħtha. Terġa’ u tgħid huwa ma tantx kien jaħmel lil Penza. Barbara stess issir taf aktar dwar oħtha minn kitbietha fosthom l-aħħar rumanz tagħha li baqa’ qatt ma ġie pubblikat. Fot ir-rumanzi li jissemmew insibu, Strada Marina, Il-Ħotbi, il-Ħofra u oħrajn. Ir-rumanzi ta’ Penza fil-fatt, li tagħhom Castillo huwa l-protagonist, isawru dan il-ktieb u jitfgħu dawl kbir fuq is-sebgħinijiet u tmenijiet. Għall-kuntrarju ta’ kotba oħra Maltin li qrajt dan l-aħħar, u anke forsi minkejja li taf li l-Maltin iħobbu dik il-laqta politika, Azzopardi żammet fuq quddiem l-arti tagħha u għamlet dak li kien meħtieġ u semmiet dawn l-eposodji b’mod sottili ħafna u li ma jtellfu xejn lill-istorja. Fl-istess ħin għal darb’oħra joffru lill-qarrejja ċ-ċans biex flimkien ma’ Amanda jiskopru x’wassal biex Emma Barbara toqtol u dak kollu illi ġara. Insiru naf per eżempju Annie li kienet il-maħbuba ta’ Penza kienet taħdem fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u saħansitra dehret f’ritratti miegħu meta l-Kurunell Gaddafi kien żar Malta. Is-siltiet mir-rumanzi joffru storja (jew aħjar stejjer) ġo storja. Fost oħrajn naraw dwar il-mewt ta’ Castillo, il-protagonist ta’ dan ir-rumanz.
Dan huwa ktieb interessanti mmens fejn għandna storja ġo storja li hija kruċjali f’dan ir-rumanz u mhux sempliċiment qed tipprovdi kuntest. Fil-fatt il-karattru tagħha huwa l-protagonist tal-ktieb t’Azzopardi. Siltiet mir-rumanzi ta’ Penza jiffurmaw dan ir-rumanz. Interessanti wkoll għax il-qarrej isir parteċipi u flimkien ma’ Amanda jippruvaw iħollu din l-għoqda u jsibu tarf ta’ dak li ġara. Mill-misteru ta’ mara fl-istramberiji tagħha niskopru misteri ikbar. Daqs kemm il-messaġġ mhuwiex fil-wiċċ, daqstant ieħor l-esperjenzi tal-persuna. Spiss niġġudikaw fil-ħajja ta’ kuljum: Għaliex dik l-omm abbandunat lit-tarbija tagħha? U spiss nippunraw subgħajna. Azzopardi tħares lejn il-persuna (anke l-karattru fittizju) li warajha hemm storja. Aspett li ma rridx inħalli barra minn dan il-ktieb huwa għalhekk dak tar-relazzjonijiet: Ir-relazzjoni ta’ Amanda m’ommha, ommha m’oħtha Cathy Penza, t’oħtha ma’ Annie, tal-karattri fittizji fir-rumanzi ta’ Penza, ir-relazzjonijiet ma’ politiċi u kif jaffetwaw il-ħajja ta’ kuljum, u fuq kollox ta’ Amanda ma’ bintha. Hawnhekk naraw umanita’ kbira anke lejn l-aħħar tal-ktieb.
L-imħabba bħalma hija dik tagħha ma’ bintha hija fundamentali anke jekk mimlija xkiel.
Castillo jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew onlinedirettament minn merlinpublishers.com
Lawrence Gatt twieled fl-1941 fir-Rabat. Huwa perit u serva bħala membru parlamentari mill-1971 u baqa’ jiġi elett fl-1976, 1981, u 1987. Kien il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-biedja u s-sajd bejn l-1976 u l-1987 sakemm fl-1987 inħatar bħala Ministru għall-iippjanar tal–Iżvilupp u aktar tard Ministru għall-Ikel Agrikoltura u Sajd. Wara l-ħidma politika tiegħu iddedika ħin għall-kitba li tant iħobb u ddiskutejna f’din it-taħdita.
Lawrence, kieku jkolli nagħżel tema komuni fit-tliet rumanzi tiegħek, “Il-Ġurament tal-Ħatra”, “id-Dnub li ma jorqodx” u anke “Rabtiet” naħseb li tkun il-bidla bla mistennija fil-ħajja tagħna. Filli bħal donnu kollox ikun miexi ħarir imbagħad f’daqqa waħda bħal jitqawwa l-mewġ f’baħar li jkun żejt. Kemm hu minnu dan?
T. Il-ħajja hija sabiħa. Imma kulħadd matul ħajtu, u mhux darba jew tnejn, jiltaqa’ ma’ xi għawġ, u forsi anke meta l-anqas li kien jistennieh. Għawġ jew mart jista’ jibdillek ħajtek ta’ taħt fuq. Hemm għawġ li jiġi u jitlaq malajr, hemm ieħor li jdum miegħek għal żmien twil u imbagħad hemm dak li jibqa’ miegħek għal dejjem. Billi kull bniedem jifforma parti minn familja l-għawġ li jiġi fuq il-bniedem jolqot lill-familja kollha. Kull familja għandha l-istorja tagħha u l-uġiegħ tagħha. Kull rumanz, novella jew storja li ktibt s’issa kienu kollha dwar familja. Stajt semmejt ir-rumanzi tiegħi, “Storja ta’ familja.” Għalhekk inqis il-kitba tiegħi bħala kitba soċjali.
Kull storja, niddeskrivi il-persuni li jifformaw il-familja, dawk kollha li xi darba jew oħra iltaqgħu mal-membri ta’dik il-familja, u dak kollu li jaffettwa ħajjet il-membri tagħha, it-tajjeb u l-ħażin is-sabiħ u l-ikrah. Kif tiżvoġi l-istorja tara kif il-familja s-solvi l-problemi li jinqalgħulha jekk ikun hemm soluzzjoni għalihom. Imma dejjem jintemmu fuq nota tajba.
Ħafna mill-episodji tal-kitba tiegħu huma meħudin mill-verita`, jew li għaddejt minnhom jien jew li għaddew minnhom nies li nafhom. Naturalment biddilt l-ismijiet biex ħadd ma jinduna min kien li għadda minn dak l-episodju.
Bil-Malti ngħidu, l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Pero fil-każ tiegħek jista’ jkun hemm xi intriċċi jew xi ċirkostanzi anke tal-passat li jibdlu l-pjanijiet tagħna. X’taħseb dwar dan?
T. Każ tipiku ta’ ċirkostanzi tal-passat li biddlu l-pjanijiet tiegħi kien meta ġejt biex nidħol l-Universita`. Jien kelli l-ħsieb li nistudja għal perit. Missieri kien qalli li billi fejn konna noqogħdu, Burmarrad, u l-irħula ta’ madwarna ma kienx hawn nutar, ħajjarni biex nistudja għal nutar. Jien ħadt il-parir tiegħu u billi ma kellix Latin qaluli li f’sajf nistudja il-Latin biss kont ngħaddi mill-eżami. Għamilt appuntament mal-poeta Dun Frans Camilleri, li llum m’għadux magħna, biex jagħtini l-privat tal-Latin. Ma nafx għaliex l-ewwel darba ma ltqajniex. Għamilna appuntament ieħor u erġajna ma ltqajniex. Allura ddeċidejt li nkompli għal perit
Ir-rumanzi tiegħek, jekk forsi nieħdu bħala eżempju “Rabtiet”huwa dwar sitwazzjoni li qed ngħixu ta’ kuljum. Il-qarrej jista’ jirrelata ħafna magħhom. Niltaqgħu ma’ ġuvni gustuż, tifel gay u tifla. Jonathan plejer tal-futbol tajjeb ħafna. It-tfajliet imsaħħra warajh. Paula tibda l-kors tal-mediċina. Kemm tarha importanti li titkellem fuq sitwazzjonijiet normali u li l-karattri li toħloq ikunu qrib ħafna tal-qarrej?
T. Jiena ma nħobbx nikteb stejjer Gotiċi jew tal-fantaxjenza. Hawn minn jikteb f’dan l-istil u hawn ħafna li dan l-istil jogħġobhom. Jien nipprova nikteb stejjer li jolqtu ħajja ta’ familja llum. Hekk li min jaqrha jista’ jgħid li dak il-karattru seta’ kien missieru, jew parti mill-famija tiegħu jew ta’ nies li jaf. Għalkemm l-istejjer huma kollha mistħajla, faċilment tista’ timmaġinahom li huma vera, għax żgur li tkun taf karattri li jixbħu sew lil tal-istorja, jew episodji li jkun għadda minnhom hu stess jew li jkun jaf lil min għadda minnhom.
Kif iġib l-istess isem tar-rumanz, insibu bosta rabiet. Il-missier Wilfred iħalli lit-tfalwaħidhomu jmur Brussels f’kuntratt t’a 5 snin. Naraw kif l-omm timrad u tinbet rabta bejn Donald u ommu. Fl-istess ħin aktar tard naraw rabta bejn il-missier mas-segretarja.
T. Dan ir-rumanz jirrakkonta l-ħajja ta’ familja li tikkonsisti fil-ġenituri, Wilfred u Sarah u t-tliet uliedhom, Jonathan, Paola u Donald. Wilfred jibda ħames snin xogħol fil-kwartieri ġenerali tal-Ewropa Magħquda. It-tfal jibqgħu m’ommhom.
Insegwu r-rabtiet li jeżistu bejn il-ġenitur u wliedhom. Kif tispiċċa r-rabta bejn l-omm u Donald meta tkun taf li huwa gay. Kif tinbidel f’ċirkostanzi oħra. Ir-rabtiet bejn Jonathan u Patricia, supporter ta’ tim Ingliż li jiġi jilgħab mat-tim ta’ Jonathan. Ir-rabta bejn Johnathan u Rebecca,l-ħabiba ta’ oħtha. Lil min jiżżewweġ Jonathan? Rabtiet bejn Paula u Dr. Debono, il-lekċerer tagħha fl-Universita`. Rabtiet bejn Wilfred u s-Segretarja tieghu fi Brussell. Kif jinħallu r-rabtiet bejn Wilfred u uliedu meta jirċievu l-ittra tiegħu? X’seħħ fil-Kappella tal-Isperanza fil-Mosta?
“Il-Ġurament tal-Ħatra” jagħtina tema oħra simili għalkemm differenti fejn, għallinqas kif narha jien, wieħed jidħol f’sitwazzjoni li forsi ma tkunx tixtieq tidħol fiha. Hawn niltaqgħu ma’ Ġiovanni miżżewweġ b’żewġt itfal, u issa l-karriera tiegħu ta’ avukat wasslitu biex inħatar maġistrat. Iżda hawn beda l-inkwiet hekk kif ħabib ta’ bintu Francesca tinqabad bid-droga u Giovanni jkollu pressjoni biex iżomm kollox mistur. Tarah każ li kultant ikollna sitwazzjonijiet li jkollna nagħmlu dak li ma nixtiequx? Xi wħud eżempju jgħidulek kif ix-xogħol ibiddel il-bniedem u anke d-deċiżjonijiet li nieħdu ….
T. F’dan ir-rumanz naraw il-konflitt li jkollha maġistrat bejn il-Ġurament tal-Ħatra u l-familja tiegħu meta Michele, l-maħbub ta’ bintu Franċesca, jinqabad bi droga fil-but tal ġlekk f’disco. Il- każ jiġi assenjat lil missierha. Francesca thedded lil missierha biex ma jgħidx min kien u jilliberah. Jekk jikkundannah, taħrab mid-dar.
Ġovann jirċievi ittra mill-passat li biddlitlu ħajtu u iktar u iktar meta jiltaqa’ mat-tfajla ta’ ibnu Matthew.
Fost intriċċi bejn Malta, Ruma u l-Polonja l-inkwiet li kien qed itaqqal lill-Maġistrat isibu dimensjoni ġdida. Xi jkun il-futur tal-Maġistrat?
Id-dnub ma jorqodx ilaqqgħana man-negozjant Louis Micallef u l-familja tiegħu.Micallef jispiċċa l-ITU f’koma wara inċident tat-traffiku. U l-familja tiegħu — martu u l-erba’ wliedhom — issib ruħha f’xibka ta’ diffikultajiet. F’dan ir-rumanz naraw kif l-imgħoddi ma jħalliniex ukoll. X’rabta tara, (u forsi din inżiduha mar-rabtiet) bejn l-imgħoddi u dak li jkun mingħalina ser niddeċiedu fil-preżent?
T Il-ħsieb wara dan ir-rumanz kien dan. X’jiġri jekk il-kap ta’ familja jkun jaf x’inhu għaddej minn martu u minn uliedu? Bdejt billi l-Kap, Louis Micallef jkollu inċident tat-traffiku u jispiċċa f’koma l-isptar. Martu u wliedu jżuruh l-isptar bniedem ħaj biss bil-makni.
Matthew, il-kbir jieħu ħsieb in-negozju ta’ missieru. Kif imexxih? Luke jinnamraw ma’ tfajla ta’ kulur iswed, kontra x-xewqa ta’ missieru. Martu tiltaqa’ mal-ewwel maħbub li kellha- tinxtel il-fjamma tal-imħabba. Il-ġrajjiet tal-istorja li jibdew minn Malta, jeħduna Għawdex, l-Italja, Dubrovnik u Medjgorje, Cape Town u l-Awstralja. Ilkoll marru jaraw lil Louis, Martu bil-maħbub tagħha, Luke bl-għarusa s-Sewda u Matthew jitkellem fuq in-negozju ta’ missieru għax għalihom missierhom kien diġà` mejjet. Louis jiġi f’sensih? Ikun jaf x’għadda mill-familja tiegħu. Kif tispiċċa l-famija Micallef?
F’dawn ir-rumanz jissemmew diversi pajjiżi. Fil-“Ġurament tal-Ħatra” nsibu bosta intriċċi bejn Malta, Ruma u l-Polonja. “Fid-Dnub ma joroqdx” joħodna sa Dubrovnik u Medjugorje, Dubaj, Cape Town fl-Afrika t’Isfel u l-Awstralja. L-interpretazzjoni tiegħi hija li b’dawn il-pajjiżi tipprova toħloq universalita’ u tifsira li l-intriċċi u l-ħażen mhux riservati f’xi pajjiż jew ieħor anzi jiġu transportati.
T L-interpretazzjoni tiegħek hija korretta. Il-ħsieb tiegħu barra dan huwa wkoll biex l-istejjer tagħtihom dimensjoni internazzjonali. L-ewwel nett dawn il-pajjiżi li nsemmi jkunu kważi kollha li żort jien. It-tieni naf li kważi l-Maltin kollha jħobbu s-safar u kull meta ssemmi pajjiż min ikun qed jaqra jew iġġeddidlu l-memorja ta’ dak li jkun ġa żar jew tħajru jżuru jekk ma jkunx diġà` żaru. Huma rari l-każi fejn il-qarrej ikollu togħma ħażina ta’ pajjiż barrani.
Fil-passat ir-rumanzi Maltin kienu ġeneralment jirrakkontaw storja li tibda u tintemm f’Malta. Mhix xi ħaġa ħażina imma llum id-dinja saret żgħira u l-iżgħar ħaġa li ġrajja tibda Malta u ddur dawra ma’ pajjiżi Ewropej u anke iżjed ’il bogħod.
“Stejjer mill-għorfa” (1996), bħal “Il-Qlugħ Aħmar u 31 Novella oħra” idewquk togħma differenti imma b’xi mod kollha tgħid li huma tal-istess kok. Il-ktieb huwa mimli emozzjonijiet u waqtiet xi tbissima. L-istejjer kollha għandhom karattru tipikament Malti.
“Stejjer mill-Għorfa” u “Il-Qlugħ Aħmar u 31 Novella oħra”, huma stejjer li bdejt niktibhom meta kien għadni nibda l-Universita`. Ili nikteb minn dak iż-żmien imma qatt ma ħlomt li għad nippubblika xi ħaġa. Kont nikteb storja, jew novella anke xi poeżija u nwaddabha f’kexxun. Kont nikteb biss għal gost. Darba niftakar li Il-Professur Ġuże` Aquilin kien jipproduċi programm letterarju fuq ir-Rediffusion. Kont bgħattlu in-novella “Il-Qlugh Aħmar” u aċċċetaha, Kont qrajtha jien stess fuq ir-Rediffusion. Ftit wara nirċievi lira mill-kumpanija tar-Rediffusion. Kienet l-ewwel lira li qlajt f’ħajti.
L-istejjer isiru kollha Malta u fuq karattri Maltin. Dak iż-żmien is-safar ma kienx għal-popolin. Jien kont noqgħod Burmarrad u lanqas noħolmu biss ma kont dwar safar.
Il-karattri kienu purament Maltin u l-maġġoranza kienu fuq irħulha u nies tar-raħal. L-istejjer kienu stejjer li seta’ laqtu lil kulħadd, Kont inħobb nikteb stejjer unoristiċi. Fil-fatt, “stejjer mill-Għorfa” huma kollha stejjer umoristiċi li jirrakkontaw x’kien jiġri bejn Fra u Sagristan.
L-imħabba hija l-qofol ta’ ħafna minn dawn l-istejjer. Fl-istorja “Id-dota ta’ Marjetta” (p.24) naraw li minkejja li Marjeta kienet tgħin lil nannitha u kien maħsub li ser tieħu dota sew, hi fl-aħħar mill-aħħar għażlet li tħalli dawn il-flus lil missierha. U dan minkejja suspett li l-maħbub kien riedha minħabba dawn il-flus. Kemm tapprezzha dak li hu ġenwin? Kemm taqbel li r-regħba hija l-kawża ta’ ħafna inkwiet ieħor?
L-imħabba hija l-qofol ta’ kważi l-kitba kollha tiegħi. Għax billi jien nikteb stejjer soċjali, stejjer ta’ familji, ma jistax ikun li ma tidħolx l-imħabba. Hemm l-imħabba vera u sinċiera u hemm ukoll l-imħabba traduta. L-istorja li semmejt hija mħabba sinċiera minn naħa waħda biss għax minn naħa tal-għarus l-imħabba kienet iżjed għal flus milli mħabba vera. Fejn m’hemmx il-ġenwinita` hemm il-gideb, hemm il-wiċċ b’ieħor u qatt ma jista’ jkun hemm kuntentizza dejjiema.
Ir-regħba hija waħda mill-akbar difetti li jista’ jkollu l-bniedem. Huwa fatt li r-regħba hija kawża ta’ ħafna nkwiet ieħor. Fost dawn hemm dik r-rgħib qatt ma jkun kuntent b’li jkollu, dejjem irid iżjed, jitlef il-ħbieb, jekk ikollu. Jista’ jasal biex jieħu dak li m’għandux dritt għalih, eċċ.
Ġaladarba qed insemmu l-imħabba, rridu ngħidu li hija tema ċentrali ħafna fir-rumanzi tiegħek imma personalment narha toħroġ ħafna qawwija f’ Marlene – Meta l-qalb tħobb” li ħriġt fis-sena 2000. Kemm hija importanti t-tema tal-imħabba fir-rumanzi tiegħek?
Ir-Rumanz “Marlene- meta l-qalb tħobb” inqisu bħala awtobiografija tiegħi, fis-sens li hi storja ta’ żewġ żgħażagħ li għexu fis-snin li għext jien, jiġifieri wara t-Tieni Gwerra Dinjija sakemm bdejt il-ħajja tax-xogħol. L-iskop li ktibtu kien li nuri liż-żgħżagħ tal-lum kif għexna bil-ħafna nuqqasijiet li kellna, speċjalment dawk li għexu fil-kampanja. Iż-żgħożigħa hija żmien ta’ mħabba, ansjeta`, u kurżita`, speċjalment fejn tidħol l-imħabba u s-sess. Barra l-mod ta’ ħajja li għexna l-istorja tal-imħabb bejn il-karattri prinċipali, Pawlu u Marlene, hija bejn wieħed u ieħor l-istess jew simili tagħhom. Meta kelli ntervista fuq l-R.T.K. dwar dan ir-rumanz l-ewwel domanda li staqsieni l-ġurnalist kienet “Pawlu tista’ kont int?” Weġibtu li iva. Ġie li erġajt qrajtu biex inġedded il-memorji ta’ tfuliti u żgħożiti.
Perit, semmejna ħafna dwar ir-rumanzi tiegħek imma ma nistgħux ma nsemmux il-poeżiji tiegħek. Tajjeb li ngħidu li inti wkoll ħriġt ġabra ta’ poeżiji “Fejn tħabbat il-qalb” fl-1998, u membru tal-Għaqda Poeti Maltin fost oħrajn. Xi tfisser għalik il-poeżija?
Il-poeżija hija l-espressjoni tal-emozzjonijiet tal-poeta. Fiha jesprimi l-ferħ, niket u serħan tal-moħħ. Poeżija ma tiktibiex jekk ma tħossiex. Ħafna poeżiji jinkitbu fl-ewwel persuna.
Darba mpressjonajt ruħi meta koppja li ilna noħoġu magħhom iżjed minn ħamsa u għoxrin sena,meta tajthom il-ktieb tal-poeżi li ħriġt, il-mara, wara li qratu qaltli “Issa naf min hu Lawrence Gatt.”
Naħseb li l-poeta s-Sur Guże` Chetcuti, li llum m’għadux magħna, laqat il-musmar fuq rasu meta kiteb “Il-poeżija tinsab fis-saltna tal-ħolm b’dehriet ta’ ġmiel, ħajr u mħabba u b’ansjeta` u wġiegħ il-qalb”.
Semmejna ħafna intriċċi, tensjoni u inkwiet imma mhux l-ewwel darba li inti ġġib ukoll tbissima fil-qarreja speċjalment f’xi wħud min-novelli fejn tirrakonta sitwazzjoni normalissima mill-ħajja ta’ kuljum imma tista’ tkun jew imbarazanti jew sempliċiment sitwazzjoni ħelwa. Importanti li nibqgħu nitbissmu.
Għalkemm ir-rumanzi tiegħi huma drammatiċi, episodji joħolqu tbissima. Pero` bħal ma semmejt int, ktibt novelli umoristiċi li joħolqu tbissima. Barra dawn ippubblikajt ktieb ta’ stejjer umoristiċi. Dan huwa “Stejjer mill-Għorfa”. Dan jikkonsisti f’numru ta’ stejjer dwar is-sitwazzjonijiet bejn Fra u Sagristan. Il-Fra jipprova jagħmel minn kollox biex jgħaddi lis-Sagristan biż-żmien imma ġie li daru fuqu. Dan kien l-ewwel ktieb li ppublikajt fl-1996. Kien intogħġob ħafna. Din is-sena ser nippubblika it-tieni ktieb b’dawn iż-żewġ karattri. Allaħares ma nitbissmux kultant.
Lawrence Gatt, wasalna fl-aħħar ta’ din l-intervista. Imma ma nistax ma nsaqsikx xi proġetti għandek għall-futur.
L-ambizzjoni tiegħi hija li noħroġ ktieb fis-sena. F’dawn l-aħħar ħames snin, sal-2017 ippubblikajt erbgħa kotba. Din is-sena ser nippubblika “Stejjer mill-Għorfa 2”. U għas-sena d-dieħla qed nikteb rumanz ieħor. S’issa wasalt f’nofsu. Nispera li nlaħħaq nippublikah is-sena d-dieħla.
Fit-tradizzjoni Kattolika l-kalċi għandu rabta mal-Imħabba, imma imħabba li toħroġ mit-tbatija. Jidhirli li din hija t-tema prinċipali li toħroġ minn dawn il-poeżiji, kemm f’dawk li huma poeżiji ta’ mħabba: Imħabba għat-tfajla li jħobb, imħabba għall-Knisja u fuq kollox imħabba għall-arti. Hawnhekk iżda qed inkun simplistiku u noħroġ it-tema tal-imħabba minn dawn il-poeżiji għax il-qarrej ser isib bosta sorprizi. Jekk inwessa’ ftit ukoll it-tixbiha tal-kalċi hija wkoll marbuta mal-passjoni, mal-enerġija li twassalna biex ngħixu u anke mmutu għal dak li nemmnu fih.
Nibda billi ngħid għalhekk li l-poeżija ta’ Scicluna hija pjaċevoli fl-istil, b’saħħitha fil-metafora imma l-qarrej mhux ser isib il-messaġġ ċar li forsi kien ilu jistenna. U dan huwa wkoll dak li sibt interessanti f’dawn il-poeżiji, li mhux bilfors iridu jwasslu ħsieb li jkun jirrifletti dak li tkun qed tgħix is-soċjeta’, ngħidu aħna ħsieb reliġjuż jew kif inhu aktar popolari dan l-aħħar xi ħsieb favur l-ambjent, kontra r-razziżmu jew favur l-ugwaljanzi. Il-poeżija ta’ Scicluna ser twassal poeżija ta’mħabba li titlaq mill-istess weġgħat tagħha. Ser tapprezza l-imħabba billi tifhem l-uġigħ tal-istess imħabba. Temmen fil-Knisja Kattolika daqs kemm tweġġa’ b’xi nuqqasijiet tagħha, għallinqas kif insibu f’dawn il-poeżiji. U dawn in-“nuqqasijiet” ċertament mhumiex dawk li tipponta lejhom is-soċjeta’ liberali. Minkejja l-kumplessita’ fil-ħsieb ta’ Scilcuna, xorta waħda wieħed jista’ jidentifika kurrent ta’ ħsieb wieħed, li jistkerrah dak li huwa artifiċjali imma japprezza dak li hu naturali, li japprezza l-moralita’ u jiddiżgusta ruħu bin-nuqqas tagħha.
Il-punt tat-tluq għaldaqstant jidher li jkun l-imħabba li tibda mill-familja. Hawnhekk naraw deskrizzjonijiet kemmxejn qawwija, karatterizzati mill-kefrija tal-missier li jissimbolizzaw bl-aktar mod qawwi t-tkissir tal-familja li tilfet il-valuri. Hawnhekk lit-tfajla jgħidilha “Ninħasdu bid-dell iswed ta’ missierek” (Dgħajsa tal-karti, p.51). Iżda spiss naraw tixbihat li jitbiegħdu mill-metafora tradizzjonali u juża tixbihat misluta mill-istess ritratt li jieħu tal-familja mkissra, bħal ngħidu aħna “tfaċċa missierek, imbotta lil ommok fl-art u beżqilha” (p.56). Fl-istess ħin, sabiex ifisser l-aktar ħsus ġewwiena, l-weġgħat li mhux faċli tfisser ti kliem, jinqeda b’metafori bħax-“xewk”, “dmugħ” (p.98), “ħolm li xxotta” (p.99), eżempju
“Id-dmugħ jispontali minn wardet ruħi.
Ix-xewk jinħbieli f’korollot imħabbti” (p.98).
Waqtiet oħra jispira ruħu mill-ħrejjef, forsi anke biex ikompli joffri dan l-ambjent ta’ seħer f’dawn il-poeżiji, bħal ngħidu aħna mill-ħrafa ta’ Rapunzel fejn lil Jasmine jiddeskriviha bħala “muża ċkejkna” (p32) jagħraf xi ħaġa ħażina li ġrat u fi kliemu jiftakar
“meta sammart widinti kiesħa
Mal-ħajt għoli u qadim li jifridna” (Tiftakar?, p.34).
Il-poeta jikkritika mhux bis it-tkissir fil-familja imma l-ħajja ultra liberali moderna ippersonifikata (dejjem skont dan l-awtur) permezz ta’ Lady Gaga (p.139) u jitwaħħax mill-ħażen tad-dinja (Fidelio, p.141).
Saħansitra fil-Knisja Kattolika li tant iħobb il-poeta jara tnawwir b’referenza ċara għad-direzzjoni li bdiet tieħu l-Knisja wara Papa Benedittur XVI (p.220), l-aħħar Kap tal-Knisja li l-awtur jidher li jqis bħala l-Vigarju ta’ Kristu. Fl-istess ħin, Scicluna jitpaxxa bil-wirt naturali (forsi l-aktar element li miegħu inħossni nassoċja), u naturalment il-wirt kulturali li jiċċelebra f’dan il-ktieb b’bosta poeżiji ispirati minn hekk.
Il-poeżija ta’ Scilcuna hija bħal warda ġdida fil-poeżija kontemporanja u tinfatam minn temi progressivi u liberali li ddominaw dan l-aħħar snin u għaldaqstant tiftaħ beraħ kurrent ieħor ta’ ħsieb. Jidhirli li l-ħsieb tal-poeta jimxi mal-liġi naturali u jixxennaq għall-qafas soċjali li jikkonserva l-valuri tradizzjonali. Madankollu f’dawn il-poeżiji wieħed ser jistenna wkoll il-protesta u protesta ħarxa kontra kull min jitbiegħed minn dawn il-valuri u juża l-liċenzja artistika tiegħu li jfisser dan l-għadab tiegħu (u frustrazzjoni fl-istess ħin) bl-aktar mod qawwi.
Il-ħsieb ta’ Scicluna tiġbru permezz ta’ dawn il-vrus:
“Meta l-abjad iswed, l-iswed abjad, ulied il-poplu jimxu rashom ‘l isfel… u meta jitbiegħdu xebgħana mis-siġra tan-nofs, jaqgħu fil-ħofra fit-tarf tat-triq, wieħed wara l-ieħor waħda wara l-oħra” (Meta l-abjad iswed, p.211).
F’kull post tax-xogħol ikun hemm numru ta’ stejjer ispirati mill-ħidma partikolari li donnhom jaqtgħu mir-rutina u jagħmlu tajjeb għal dawk il-mumenti ta’ għejja u tensjoni. Huwa ħasra li ħafna drabi jibqgħu magħluqin fiċ-ċrieki tal-post tax-xogħol partikolari u ma joħorġux ‘il barra. Mhux faċli biex dawn l-esperjenzi taqsamhom ma’ persuni oħrajn. Mhux biss ikun jeħtieġ li tiġbor numru kbir ta’ esperjenzi imma jkun hemm tagħrif li jkun mifhum sew mill-ħaddiema partikolari imma mhux daqstant min-nies oħrajn. Il-ħila ta’ William Grech hija li jirnexxielu jiġbor numru mdaqqas ta’ esperjenzi u jwassalhom lilna li ma naħdmux fil-qasam tas-saħħa, b’mod li nifhmu u nidħqu. Fil-fatt waqt li kont qed naqra dan il-ktieb fakkruni f’esperjenzi oħrajn mill-qasam tax-xogħol tiegħi u ċert li hekk ser jiġri lill-qarrejja waqt li qed jiggustaw dan l-aneddoti ħelwin li jġibulna tbissima.
Punt ieħor pożittiv ta’ dan il-ktieb huwa propju t-tbissima. Dan huwa ktieb ambjent fil-qasam tas-saħħa. M’inix tabib u lanqas infermier imma kif jgħidu t-tbissima hija l-aqwa fejqan. U sabiħ li Grech li jaħdem fil-qasam tas-saħħa, mhux qed ikun hemm biss meta l-aktar sfortunatament neħtiġuh, meta nimirdu, imma qed joffrielna wkoll it-tbissima – it-tbissima għall-ħajja aħjar. Bit-tbissima ma nfiqux meta nkunu morda (għallinqas hekk naħseb jien) imma huwa dejjem tajjeb u sabiħ li fis-saħħa u fil-mard nibqgħu pożittivi.
William Grech jikteb b’mod sempliċi ħafna bla ma jonqos mill-ispjegazzjonijiet u termini tekniċi. Dan huwa importanti għaliex aħna nidħqu b’esperjenzi li mhux mistennija. Vantaġġ għal Grech f’dan is-sens huwa li fil-qasam mediku wieħed jistenna l-biża’, t-tensjoni; u hawn nirringrazja lil dawk kollha li jaħdmu f’dan il-qasam tas-saħħa, qasam hekk delikat, talli jkunu għalina f’dawk l-aktar mumenti kruċjali u meta l-aktar li neħtiġuhom. Anke f’dawn l-istejjer, minkejja l-umoriżmu meħtieġ u importanti f’post tax-xogħol, nammiraw id-dedikazzjoni kbira ta’ dawk li jaħdmu f’dan il-qasam u napprezzaw ftit dak li jinvolvi dan ix-xogħol.
Kif għidt, taħdem fejn taħdem faċilment tirrelata ma’ dawn l-aneddoti. Min jaf fil-lukanda kemm -il darba bgħattna lil xi ħadd li jkun għadu ġdid jistaqsi għall-famuż ikel partikolari li ma jeżistix. Mid-dehra l-istess ċajta tingħad fil-qasam tan-nersing, imma din id-darba għall-fallopian tubes. Sakemm fl-aħħar xi ħadd tħassru u qallu biex jibgħathom jixxejru għax dawk il-fallopian tubes ma jeżistux (p.16). Esperjenza differenti imma li wkoll titratta oġġett huwa li jingħata fowm tal-leħja flok fowm biex inaddaf il-forn (p.29). U wieħed jista’ jimmaġina l-konsegwenzi wara!
U xi ngħidu għal meta persuna ntalab iġorr il-floppy disks u mar bl-istretcher għax ma fehemx x’kienu l-floppy disks! (p.17). It-teknoloġija mhux l-ewwel darba li kienet ta’ diffikulta’ f’xi ċirkostani partikolari bħal meta jieqaf il-monitor u jaħsbu li qalb il-pazjent tkun waqfet (p.162). Kif wieħed jistanna mhux l-infirmiera biss ma jkunux jafu xi affarijiet imma anke l-pazjenti. U min jaf daqs dawn nies li jiltaqgħu magħhom! Biżżejjed insemmu dak il-pazjent li t-tabib tah żewġ suppożitorji u skont hu għamel eżatt kif qallu t-tabib u poġġihom fil-qalziet ta’ taħt … imma mingħajr ma deffishom ‘il ġewwa (p.192).
Għandna mbagħad esperjenzi ta’ meta ma tkunx taf xi persuna bħal meta ners li jkun għadu jibda c-CCU u l-ordni kienet li ma jdaħħalx nies wara l-4.30. Kien dak il-ħin iżda li ċċempel il-bieb ta’ barra u l-persuna tintroduċi lilha nfisha biss bħala “Moran”, iżda n-ners il-ġdid ikun pront jgħidlu li l-ħin tal-parlatorju kien spiċċa. Naturalment ma jkunx intebah li kien il-Ministru Ċensu Moran.
Ix-xogħol tal-infermiera sfortunatemtn imiss mat-tmiem il-vjaġġ tagħna f’din il-ħajja. Napprezzaw li dan huwa wkoll xogħol li dawn in-nies professjonali jagħmlu biex aħjna jkollna tmiem dinjituż. Naturalment hawn għandna xi numru ta’ ħasdiet u qtajja’ li jġibulna tbissima bħal meta l-infermier mar jiddritta l-pazjent mejjet għal xi raġuni qisu rah jistira u jiċċaqlaq. Ma jafx hux bil-fann jew l-għadam straħ iżda ħarab “gas down ‘il barra” (p.159).
Dan huwa ktieb li ser ifakkarna fi praspar oħrajn minn tagħna fil-qasam tax-xogħol tagħna. Miktub mexxej ħafna bla ma jonqos mill-aspetti tekniċi li jwasslu storja realistika sabiex mis-serjeta’ aktar toħroġ it-tbissima. Fuq kollox it-tbissima hija l-aqwa mediċina!
Min jgħid li wieħed għandu jżur Malta biss għax-xemx u l-baħar? It-turiżmu sar wieħed divers u nħolqu diversi niċeċ ta’ turiżmu differenti. Ġaladarba nafu li l-bniedem jaffaxxina ruħu b’dak li huwa stramb, jaqra kotba tal-waħx, u jfittex films mimlija tensjoni u biża’, ma niskantawx li ċerta postijiet b’element mhux tas-soltu jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Meta s-safar qed isir bil-bosta aktar frekewenti wieħed ifittex aktar attrazzjonijiet li huma differenti u mhux tas-soltu. Dawn l-attrazzjonijiet ivarjaw minn arkittetura stramba, għal drawwiet strambi, għal postijiet naturali u oħrajn fejn hemm l-intervent tal-bniedem fuq dak naturali. M’inix se nsemmi lista ta’ postijiet barra minn xtutna għax żgur ma nispiċċa qatt, imma żgur ukoll li ġo dan iċ-ċokon ta’ pajjiż forsi ftit jintebhu kemm hemm postijiet li jħalluk affaxxinat u xi drabi ftit sorpriż ukoll
Il-ktieb ta’ Vella u Gatt għalhekk mhuwiex maħsub biss għat-turist. Ser jolqtu l-kurżita’ tagħna wkoll kemm jekk rajna dawn il-postijiet u rridu aktar tagħrif u kemm jekk ma rajnihomx. Nazzarda ngħid li waqt li forsi l-attenzjoni tagħna l-ewwel tmur fuq dawk il-postijiet li diġa nafu, l-element misterjuż jibqa’ l-aktar li forsi jqanqal il-kurżita’ tagħna. Il-misteru huwa parti mill-istess attrazzjoni ta’ xi wħud mill-postijiet. Għaldaqstant waqt li l-ktieb jitlaq mit-tieqa ta’ dwejra li wara li din iġġarfet b’mod naturali wħud innutaw dak il-famuż wiċċ (p.13), imma nsibu wkoll id-dar unika f’Ħal Għaxaq (p.131) u fi gżiritna li għandha l-faċċata u l-ġenb tagħha b’disinji elaborati li saru bl-użu tal-bebbux u qxur oħrajn tal-baħar.
Irrid ngħid li anke dawk il-postijiet illi diġa nafu, f’dan il-ktieb ser insibu informazzjoni illi ma nafux. Insemmi fost oħrajn żewġt idjar privati f’Ħaż-Żabbar (p.65), it-tnejn magħrufa għat-torrijiet tagħhom u waħda minnhom ukoll għan-niċċa ta’ Lourdes fil-faċċata. Barra minn hekk xi drabi naraw ritratti sbieħ tal-post minn ġewwa bħal fil-każ tat-torri ta’ Xlejli (p.23) jew kif inhu magħruf ukoll bħala ta’ Bettina fil-Gudja. Bosta jafu wkoll il-palazz tal-Marquis fil-Madliena (p.141).
Id-destinazzjonijiet strambi huma parti minn kultura ta’ poplu. Mhumiex sempliċiment binjiet. Bosta drabi jkunu magħġuna fid-drawwiet, reliġjon jew superstizzjoni tal-poplu. Il-mumifikazzjoni ċertament issib postha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dark tourism u ċertament li l-kripta tal-Kapuċċini fil-Furjana (p.41) hija post interessanti immens
Xorta jibqa’ l-fatt li ma’ numru ta’ postijiet hemm element ta’ misteru. Ma nkunux nafu x’wassal eżatt biex sar li nistgħu naraw illum. Waħda mill-għajdut li nsibu fl-ewropa ddur madwar iċ-ċintorin tal-kastita’ li nsibu fil-Musée de Cluny f’Pariġi fost oħrajn. Iżda forsi ftit jafu li dan nistgħu narawh f’pajjiżna propju f’Palazzo Falson l-Imdina (p.15) u bħal fil-każ ta’ pajjiżi barranin ma nafux jekk qatt intuża jew jekk id-drawwiet tagħna ppermettewx dik il-krudelta’. Mill-banda l-oħra kif jiġri f’xi pajjiżi barranin fejn iċ-ċensura u l-moralita’ jiddominaw u jikkontrollaw il-ħajja tan-nies, ifaqqsu niċeċ underground li jagħtu nifs minn dak li s-soċjeta’ tkun qed toħnoq. Huwa sigriet magħruf il-films li kienu jintwerew fiċ-ċinema City Lights (p.97).
L-akbar telfa huma dawk il-postijiet li tlifna u hawnhekk dan il-ktieb qed iġedded il-memorja ta’ bosta waqt li oħrajn iħallihom ħalqhom miftuħ. Illum biex wieħed jara kappella tal-għadam forsi jrid iżur xi pajjiż barrani bħal Portugal. Iżda llum ngħid ħasra kbira li f’pajjiżna kellna kappella tal-għadam (tan-nibbia) li keinet tinsab biswit dik li llum hija Dar Mediterran. Aktar tagħrif u ritratti dwar din il-kappella f’dan il-ktieb (p.91). Aktar riċenti iżda żgur li ħafna jiftakru is-Super Constellation Bar and Snack Bark (p.105) li prattikament kien ajruplan li nqabad Malta fl-1968 wara li kien qed iġorr merkanzija illegali.
Inisbu wkoll fatti storiċi li qajla smajna dwarhom. Insibu fost oħrajn dwar il-każ ta’ 100 tifel u tifla li spċċaw mgħaffġa fil-karnival wara attivita’ li ironokament kellha tħarishom (p.71).
Dawk li għandhom għal qalbhom in-natura jaffaxxinaw ruħhom bl-għerien fi gżiritna u nistqarr li jien personali qatt ma smajt bl-għar ta’ Ħarq Ħammiem (p.53) li jinsab f’żona hekk turistika. Wisq aktar ma kontx naf bil-periklu li jista’ jkun hemm jekk din iż-żona tinbena bħala parti mill-pjan tar-riġenerazzjoni ta’ Paceville.
Il-valur ta’ dan il-ktieb għalhekk mhux sempliċiment li jagħmel ġabra ta’ postijiet imma li jagħmilna konxji mill-importanza tagħhom u mill-bżonn li nibqgħu inħarsuhom sabiex jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Nemmen li dan il-ktieb għandu jmur tajjeb mat-turisti imma nazzarda ngħid li għandu jsib postu f’kull xkaffa ta’ kull Malti li għandu għal qalbu pajjiżna u jixtieq ikun jaf aktar dwarha. Huwa ktieb mimli kurżitajiet, tagħrif u fuq kollox postijiet strambi. Dan kollu huwa mwassal bi preżentazzjoni mill-aqwa u jikkumplimentaw it-tagħrif insibu ritratti mill-isbaħ bil-kulur.
Dan il-ktieb jinkiseb mill-ħwienet ewlenin u mis-sit elettroniku https://bdlbooks.com/
Charles huwa dejjem pjaċir tiegħi niltaqa’ miegħek u jkolli ngħidlek li bħala qarrejja u ħbieb tal-letteratura għandna obbligazzjoni lejn ix-xogħlijiet tiegħek. Qed ngħid għal dawn ir-rumanzi antiki, partikolarment t’Arturo Caruana imma anke t’awturi oħrajn bħal Paolo Olmi li li kieku m’adattajtx dawn il-kotba, forsi qajla kienu jiġu f’idejna. Biex ma ngħidx konna nitilfuhom darba għal dejjem. Kif bdiet din l-inizjattiva biex tibda tadatta dawn il-kotba?
T. L-inizjattiva bdiet l-ewwel nett għax jien ilħaqt il-bejgħ u x-xiri tal-faxxikli u ġieli qrajt rumanzi sħiħ lin-nanna u aktar minn hekk għax meta 25 sena ilu bdejt naqra r-rumanzi għas-semmiegħa tar-radju, rajt l-interess tan-nies fihom, b’ħafna jitolbuk x’taqra.
Kien il-qari ta’ Indrì, is-Sajjied Malti li ħeġġiġni nadattah mill-ġdid. Dawn kienu tliet kotba voluminużi, ambjentati f’pajjiżna, b’karattri Maltin u bl-ingredjenti kollha li jfittxu s-semmiegħa. Tant kienet diffiċli biex iddubbajthom, li sakemm qrajthom għar-radju kont inqum fl-erbgħa ta’ filgħodu u nittajpja minnhom.
Bl-imbuttatura tas-Sur Tony Gatt, Direttur tal-BDL, imtlejt bil-kuraġġ u komplejt neditja.
2. Sigriet bejnietna li qatt ma qasamt miegħek huwa li wara li bdejt naqra l-kotba tiegħek, tħajjart nibda nakkwista numru ta’ faxxikli. Dawn il-faxxikli aktarx bdew jiġu ppubblikati madwar l-1830, pero li għandi jien jaslu għal dawn l-aħħar 80 sena, baqgħu jiġu stampati sal-1970. Qed ngħid sewwa li ħafna mill-kotba t’Arturo Caruana li inti għamilt biċċa xogħol tajba u adattajthom, kienu jaslu għand il-qarrejja permezz ta’ dawn il-faxxikli? Forsi tispjegalna wkoll x’kienu eżatt dawn il-faxxikli?
T. Sewwa wisq Omar. Dawn il-faxxikli kienu l-ewwel letteratura Maltija għall-familji. Dak iż-żmien la kien hawn skola, la kien hawn radju jew televiżjoni u xejn. Allura, min forsi kien jaf jaqra, kien isib l-isfog tiegħu u jimla l-ħin ta’ ħaddieħor ukoll. Kien beda ż-żmien tax-‘xandara’.
Peress li l-flus kienu neqsin mill-idejn, ħadd mill-kittieba ma seta’ jippubblika ktieb sħiħ, allura kien joħorġu f’faxxikli ta’ tmien paġni kull ġimgħa u jkollu l-abbonamenti minn qabel. B’ hekk, kull awtur kien jaċċerta ruħu wkoll li ma jmurx minn taħt. Ma ninsewx li kien hawn aktar minn kittieb wieħed u allura kienu jfittxu l-aħjar rumanzi li jaslu Malta, u jittraduċuhom. Kollha jirrakkuntaw stejjer sbieħ, li llum, jew qed jittieklu mill-kamla, jew ma ssibhomx faċilment. Allura qtajtha li nġedded il-wirt letterarju ta’ missirjietna. Tajjeb ngħid li ħafna mir-rumanzi tal-faxxikli li tawni n-nies, għadhom fl-istat naturali tagħhom….. mhux għall-karta (għax dik issibha kollha toqob) iżda għax mingħajr qoxra. Ftit kienu jkunu dawk l-individwi, li wara li jgħaqqdu l-faxxikli, jillegawhom
3. L-ammont ta’ kotba li ħriġt inti huma xi ħaġa tal-għaġeb. Volumi twal ta’ kotba li xtaqt insemmihom biex anke l-qarrejja jieħdu idea mhux biss tal-kotba imma anke tal-biċċa xogħol li għamilt inti: Il-Misteri tal-Wardija (permezz ta’ 3 kotba); Indrì s-Sajjied Malti (6 kotba); Katina Eterna (2 kotba); Drawwiet u Tifkiriet Maltin; Marta Bint id-deffien tal-pesta (4 kotba); Adelaide; il-Bravu ta’ Venezja,il-Ħaddied tal-kunvent (2 kotba); East Lynne (2 kotba) u Il-Kappella taċ-Ċimiterju. Il-mistoqsija tiġi waħidha: Kif jirnexxielek tagħmel dan ix-xogħol kollu, dawn l-ammont ta’ kotba, meta nafu li għalkemm l-istejjer f’ħafna minnhom huma t’awturi oħrajn, jinvolvu ċerta reqqa wkoll?
T. Meta nibda b’rumanz, nidħol f’ruħu, tant li ġieli, kif għedtlek inqum f’xi l-erbgħa ta’ filgħodu u nibqa’ għaddej. Issa, li jien pensjonant, għandi ferm aktar ħin…. iżda ma fadallix kotba! Tajjeb ngħid li jien trabbejt maz-zijiet t’ommi, li kienu fil-militar u milli jidher, id-dixxiplina tagħhom tħalltitli ma’ demmi. Għalhekk, li nitwebbel li nagħmel irrid nagħmlu u fl-iqsar ħin possibbli. M’hemmx tnikkir.
4. Ir-rumanzi t’Arturo Caruana għandhom sfond storiku, u huma ambjentati fi żmien il-kavallieri fejn is-sistema kienet waħda fewdali. Fil-‘Misteri tal-Wardija’ niltaqgħu ma’ Miju Mekkek tal-Gran Mastru, bniedem xejn ħelu li l-kavallieri kienu jirreferu għalih bħala l-Aħrax li kien jobgħod lill-Kontessa d’Alarcon u wisq aktar lil Ġann Nikol Dikler. F’’Adelaide’ niltaqgħu mat-twajjeb Milord, Enrico ta’ Surley li wara li jitlef lill-għażiża ommu jitlaq għal vjaġġ mas-seftur fidil tiegħu Giacbubiex iderri ftit. Forsi nsemmi wkolI ‘Il-Ħaddied tal-Kunvent’ li hu ambjentat fi Franza, fi żmien ir-Renju Franċiż meta l-kunflitt bejn l-aristokrazija u l-poplu kien fl-aqwa tiegħu. Hawnhekk naraw kif kavallier jitfaċċa quddiem il-kunvent ta’ Cour Dieu b’tifla ltima sabiħa u peress li fil-kunvent ma setgħux jidħlu nisa, il-Patri Gwardjan ħalla t-trobbija ta’ Ġovanna f’idejn il-ħaddied Dagoberto. Qabelxejn kemm ifittxuhom il-Maltin dawn it-tip ta’ rumanzi, anke mill-esperjenza tiegħek taqra r-rumanzi fuq ir-radju?
T. Prosit Omar; tidher li qrajthom sew dawn ir-rumanzi. Nassigurak li l-maġġoranza tal-Maltin għadhom ifittxu dawn l-istejjer tal-kavallieri, tal-imħabba u l-mibegħda fil-klassijiet soċjali u tat-tpattija. Dawn ir-rumanzi fihom l-ingredjenti kollha mistennija minnhom. Bla ma nonqos lil ħadd ngħid li hu għalhekk li għadhom popolari aktar mir-rumanzi tal-lum. Fihom ferm aktar deskrizzjoni u bla kliem vulgari. Biex inżid xi ħaġa oħra ngħidlek li l-Maltin mhux biss iħobbu jisimgħu dawn ir-rumanzi fuq ir-radjijiet, iżda anki jixtruhom. U l-popolarità tagħhom tidher mill-ħlasijiet li joħroġ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fejn fil-qasam tar-rumanzi ili żmien twil inkun fl-ewwel post.
5. Jien vera napprezza dawn ir-rumanzi għaliex jitfgħu dawl fuq intriċċi, nepotiżmu, klijentaliżmu fi żmien l-Ordni li qajla nisimgħu bih fil-Kotba storiċi. Anke jekk dawn huma frott il-fantasija, xorta joħolqu xenarju u lok għal diskussjoni anke storja dwar ir-realta’ kif kienu jgħixuha n-nies, u mhux l-istorja kif naqrawha fil-kotba storiċi. X’taħseb dwar dan?
T. In-nepotiżmu u l-klijentaliżmu huma punt ta’ diskussjoni kif għedt int, iżda nemmen li kienu minn dejjem u mhux żieda għall-ktieb. F’intervisti li kelli ma’ ħaddiema li m’għadhomx magħna u kienu jaħdmu t-Tarzna, kienu jirrakkuntawli li biex jimxu ’l quddiem kien ikollhom jagħmlu xi favuri, inkella jkollhom xi ħabib, ġeneralment Ingliż, membru tal-Mażunerija. Il-pjaċiri kienu minn dejjem u jibqgħu; hekk li fil-ktieb ta’ Manwel Dimech insibu, li biex il-kap tal-ħabs kien jippermetti lill-mara ta’ ħabsi tmur tarah, ried li qabel ikollu x’jaqsam magħha hu fl-uffiċċju tiegħu. Għalhekk nemmen li dawn l-affarijiet kienu, għadhom u jibqgħu, tant li għadna nisimgħu b’ċerti praspar sal-lum. Segwi l-aħbarijiet Amerikani u ara kemm ‘il attriċi qed tfittex lid-diretturi tal-films fuq dak li jsejħu harassment.
6. Niltaqgħu ukoll ma’ numru ta’ drawwiet li fis-soċjeta’ moderna spiċċaw. Eżempju, fil-Misteru tal-Wardija,Elena tiġġiegħel tiżżewweġ lill-bniedem li jagħżlilha missierha, għalkemm biex ngħidu kollox issib raġel ieħor, kavallier. Fl-istess ħin ukoll naraw li r-rwol tal-mara ma kellu ebda importanza fis-soċjeta u saħansitra jispiċċaw fastidjati mill-kavallieri bħal Marija u Dorotea fit-Tradiment Infami. Kif tarah ir-rwol tal-Mara f’dan ir-rigward?
T. Hawn għandek raġun, iżda ma ninsewx li fiż-żmien li nkitbu dawn ir-rumanzi, il-kultura tan-nies kienet differenti. Kif ngħidu, il-ħajja hi rota u nemmen li għad nerġgħu niġu fl-istess qagħda, ladarba Malta ma tibqax tal-Maltin. Nafu li d-drawwa fost il-poplu Musulman għadha li mhux biss missier jagħżel raġel għal bintu, iżda jista’ jagħtihielu sa minn meta jkollha 12-il sena. Din inħossha ftit agħar u nemmen li m’għandhiex tkun. Forsi fl-antik, il-ħsieb kien li l-ġenituri jkunu jafu minn qabel x’tip ta’ raġel tkun se tieħu binthom. Illum, bil-libertà li spiċċat f’libertinaġġ, qed naraw bosta żwiġijiet…. li jirriżultaw f’falliment totali.
7. Il-karattru forsi naqra mqareb, li huwa fil-periferija tan-norma soċjali nsibuh spiss f’dawn ir-rumanzi. Jiġuni f’moħħi Josè, ġuvni li aktar qabel kien mibgħut bħala qaddief fuq ix-xwieni, għax ikun ħabb lil Elena, Josè jintefa’ l-ħabs għax ikollu xi jgħid ma’ dak li jkun irid joħodlu lill-maħbuba tiegħu u li jlissen kliem ta’ disprezz għalih u għaliha. Fil-ħabs, Josè jwettaq affarijiet li ma kinux mistennija minnu. Imbagħad hemm ukoll Indri’ s-sajjied għalkemm kif jiddeskrivih ix-xwejjaħ Baldassare “liebes ta’ sajjied” għax ftit li xejn mess ħut b’idejh u jitkellem mal-kbarat b’ċerta kunfidenza u awtorita’. X’tgħidilna dwar dawn il-karattri?
T. Irriferejtni għal tnejn mill-isbaħ rumanzi li ħriġna, Il-Misteri tal-Wardija u Indrì s-Sajjied Malti. Kull storja ta’ Arturo Caruana għandek issib lill-viljakk, li minkejja kollox ikollu l-qalb tad-deheb. L-għira bejn in-namrati għall-istess xbejba, kienet u għadha, sakemm xi ħadd mill-ġuvintur jilħaq jiżżewwiġha qabel l-ieħor.
Fil-każ ta’ Indrì nsiru nafu li fir-realtà ma kien xejn sajjied iżda raġel nobbli li minħabba dak li għadda minnu, kellu jibdel l-identità tiegħu u miegħu batiet martu u uliedu. Dawn baqgħu sal-aħħar ma jafux min kienu, iżda t-tbatija li għaddew minnha minħabba l-ħbieb taparsi ta’ missierhom, kienet xi ħaġa indeskrivibbli.
Madankollu, minkejja dak kollu li għadda minnu, Indrì baqa’ l-bniedem kalm li jħobb lil familtu u lil ħbiebu u li b’għerfu rnexxielu jressaq il-likk lejn il-boċċa.
8. Awtur ieħor li inti laqqajtna miegħu huwa Paolo Olmi, li jidhirli fl-1854 kien tana r-rumanz Adelaide di Brunswick. Dejjem insemmi d-data biex nuri ż-żmien meta nkitbu dawn il-kotba u x’teżor għandna f’idejna. Dan il-ktieb jitratta dwar kif wara sitwazzjoni xejn sabiħa li kien għaddej minnha Enrico Millord dan iltaqa’ mas-sbejħa Adelaide. X’kien jinvolvi x-xogħol fuq dan il-ktieb, u x’influwenza ħalla fuqek Olmi?
T. Iva Omar, tagħmel sew, għax jien bħalek nifhimha. Dawn il-kotba tant għandhom żmien li nemmen li li kieku ma editjajthomx mill-ġdid, jew kienu jintrifsu għal kollox mal-mogħdija taż-żmien, jittieklu jew jitmermru u ma jaqrahom ħadd iżjed, inkella biex issib xi rumanz tal-faxxikli trid tmur f’xi car boot sale, tħallas mill-inqas €10 għalih u jaf ma jkunx komplut.
L-aħħar rumanz li ħariġli l-BDL, jiġifieri Il-Kappella taċ-Ċimiterju, kien hemm min qal li hu ftit għoli fil-prezz, għax qrib it-€18, iżda meta tara li fih 445 paġna u li jekk issibu sfuljat u nieqes minn sale, jiswielek xi €10, mhux konvenjenti li tieħu l-qadim, bis-susa u bil-paġni neqsin. Apparti dan, minn kif qed nara fuq facebook,Il-Kappella taċ-Ċimiterju qed jingħoġob bis-sħiħ.
9. Charles inti wkoll ġurnalist. Bdejt mal-‘Allied Malta Newspapers’, komplejt għall-‘Ħajja’, naturalment fil-ġurnali ‘In-Nazzjon’ u ‘il-Mument’ u issa qed tikteb b’mod regolari fil-‘Kullħadd’. X’tgħidilna dwar dawn l-esperjenzi ? Nimmaġina li kull waħda anke jekk mhux neċessarjament kienet skaluna ‘l fuq kienet esperjenza differenti li inti dejjem ġarrejt miegħek. Xi jfissru għalik dawn l-esperjenzi?
T. Kull gazzetta li missejt magħha offrietli xogħol u sfidi differenti għax bdejt minn proofreader, għaddejt għad-dipartiment tal-features, kont ġurnalist tal-Qorti; imbagħad, b’aneddotu tat-tbissim u fi prova tal-azzar, spiċċajt maniġer tar-reklami mal-Ħajja meta ħadd ma ried jirriklama mal-gazzetta tal-Knisja, u biex inqassar spiċċajt fil-kariga ta’ Deputat Editur. Naċċertak li għalija, minkejja t-tfixkil li sibt min uħud suppost kollegi tiegħi, f’kull esperjenza ġurnalistika rajt tarġa oħra ta’ suċċess, l-aktar meta ma niktibx fuq politika
10. Ir-radju. Niftakruk għal numru ta’ snin taqra r-rumanzi. U kont ukoll produttur ta’ diversi sensiliet, bħal ‘Mad-Daqq tas-Sirena’; ‘Mis-Swar ’il Ġewwa’; ‘Timbri Maltin’ u oħrajn. Xi jfisser għalik ir-radju?
Ir-radju jagħtini sodisfazzjon kbir u hu l-pulmun ta’ ġismi. Jien insibu ferm aqwa mill-gazzetti u mit-televiżjoni, għax tieħdu miegħek fejn trid u fil-karozza tista’ ssegwih waqt li ssuq jew waqt li tkun wieqaf. Għalija, ir-radju joffri seħer. Mad-Daqq tas-Sirena kien kisibli suċċess kbir, l-istess bħall-programm Xrar Letterarju, fejn intervistajt lill-awturi ewlenin Maltin. Barra minn dan, għamilt snin xandar tal-mejtin u l-qraba u l-kummissjonanti kienu jfittxuni, għax skont huma, kont nagħmel leħen adattat
11. Charles inti wkoll poeta. U safejn naf jien ippubblikajt ukoll hux hekk? Jew tippreferi l-aktar li tikteb bħala serħan tal-qalb?
T. Poeżiji għandi u ġieli ppubblikajt fil-gazzetti wkoll, iżda qatt ma ħsibt li noħroġ ktieb. Dan għar-raġuni li nħoss li l-poeżiji mhumiex apprezzati mill-ħafna. Niftakar li l-ewwel poeżija li ktibt u għadha għandi, tmur lura għall-1964, meta mietet nannti. Dak iż-żmien kelli 13-il sena. Għalhekk tista’ timmaġina x’poeżija hi. Iżda napprezzaha. Apparti minn dan, kull sena nitqabbad nikteb poeżija għal bniedem li ħalla dan il-wied tad-dmugħ, li ma kontx nafu u li llum qisu twaħħad miegħi. Immur għall-quddiesa tiegħu, naqra l-poeżija fil-preżenza ta’ familtu u l-qraba u l-grazzi u l-apprezzament naqrahom fid-dmugħ li jġelbilhom ma’ ħaddejhom.
12. Nirringrazzjak tal-ħin tiegħek imma ma nistax nagħlaq din l-intervista u ma nistaqsikx xi proġetti għandek għall-futur.
T. Fadalli numru sew ta’ rumanzi oħra lesti, jistennew it-turn tagħhom. Ir-rabta ta’ ħbiberija u lealtà mal-BDL ma tħallinix kwiet. Mhux għax minn ktieb illum iddaħħal xi somma tajba ta’ flus, għax riċentement, kulħadd qed jitħajjar jiftaħ il-publishing houses biex inaqqar mill-qligħ ta’ ħaddieħor. Iżda jien nemmen li fuq il-vapur li mbarkajt jien u bl-għajnuna tal-erwieħ tal-kittieba missirijietna, li lilhom nemmen li qed nagħti ġieħ u qed inservi bħala forċina għalihom, it-triq ta’ suċċess hi invinċibbli. Barra minn hekk nirringrazzja wkoll lil ġurnalisti bħalek, li tagħtuni spazju għall-ħidma tiegħi u lill-bosta ħbieb tal-facebook li appena joħroġ ktieb ġdid, jaqrawh f’jumejn u jibagħtu jgħiduli kemm għoġobhom. F’isem Arturo Caruana, Giuseppe Cumbo u Alfredo E. Borg, nirringrazzjakom mill-fond ta’ qalbi għall-appoġġ kontinwu tagħkom.
Fil-paġna Letterarja ta’ 30 t’Ottubru 2016 kont analizzajt il-ktieb “Fid-Dell tal-Pellikan” ta’ Salv Sammut. Dan il-ktieb fil-fatt kien l-ewwel wieħed ta’ dan l-awtur imma d-Dar tal-Pubblikazzjoni Horizons reġgħu ħarġuh fl-2017. Salv huwa awtur versatili ħafna u din tinħass ħafna mhux biss fl-istejjer li joħloq u l-varjeta’ ta’ karattri imma wkoll fl-istil letterarju u fil-ġeneru għax fil-fatt l-awtur huwa wkoll poeta. Iżda bejn dawn iż-żewġ kotba, jiġifieri Fid-dell tal-Pellikan u r-Raġel Stramb nara elementi komuni, fis-sens li min għoġbu ktieb għandu żgur jogħġbu dan. Għalkemm irrid nenfasizza li din hija storja kompletament differenti, f’ambjent li jmur lil hinn minn dak Malti u anke sti ta’ kitba differenti. Ix-xebh li nara f’dawn iż-żewġ kotba huwa li minn dak li mhux mistenni tinbet ġrajja … imma din mhux neċessarjament tkun waħda ta’ mħabba. Mela l-qarrej hawn mhux se jsib għallinqas fil-wiċċ xi storja ta’ mħabba li ma tistax isseħħ, imma wara r-raġel u mara tal-istorja hemm imgħoddi mħawwar bi stejjer ta’ mħabba, intimita’ bejn raġel u mara u intriċċi. Il-karattru prinċipali huwa r-raġel stramb. Għaliex huwa daqshekk stramb? Il-qarrej ser jirrabja bil-mod kif kellem lit-tfajla li talbitu l-għajnuna u jibqa’ sorpriż għall-aġir tieqgħu quddiem din it-tfajla. Mhux talli ma ħarisx lejha bħala stedina imma beda jara kif jagħmel biex ifittex jeħles minnha. Iżda din it-tfajla mhijiex sa ċerta punt l-aktar karattru prinċipali, minbarra ovjament ir-raġel stramb. Waqtiet l-istorja tfakkrek fil-kaxxi ċiniżi b’paralelliżmu mal-imgħoddi li wara l-qarrej jibda jifhem għaliex ir-raġel kien daqshekk stramb u beżgħan li qatt ma jerġa’ jsir. Ix-xebh bejn l-imgħoddu u l-preżent huwa kbir imma wkoll ifakkrek fil-qawl li l-kelb il-mismut kull ilma jibda jaħsbu misħun. Il-karattru prinċipali huwa ħadd ħlief, il-professur tal-mużika Fyodor Kamarovsky (ir-raġel stramb), komunist Pollakk konvint li effetivament jiltaqa’ ma’ tfajla kattolika u bħalu konvinta. L-opposti f’dan ir-rumanz huma tabilħaqq evidenti. Għadna karattri opposti minn xulxin. L-istil ta’ Sammut mhux biss huwa wieħed realistiku ħafna, imma wkoll jitbiegħed minn dak li l-qarrej ikun qed jistenna u joħroġ b’xi sorpriża. Fil-bidu wieħed ser jistenna li r-raġel stramb ser ikun milgħub mit-tfajla li tmur “tiffittah” u titolbu l-għajnuna. Imbagħad fil-qari tad-djarju wieħed forsi jistenna li kien daħal f’xi saram minħabba r-relazzjoni tiegħu ma’ tfajla kattolika f’pajjiż komunista. Imma le… ikun hemm ħafna u ħafna x’nistennew. Ir-rumanz jitbiegħed minn sensazzjonaliżmu bla bażi. Għakemm mingħajr ma nagħti ħjiel tal-istorja, lejn l-aħħar naraw li din ir-relazzjoni ma’ tfajla kattolika żgur ma kinetx tidher daqstant sabiħa f’għajnejn l-awtoritajiet. Il-laqgħa tiegħu ma’ dik li ntroduċiet ruħha bħala Berta Abramowicz (wara fil-fatt insiru nafu l-identita’ vera tagħha) bidlitlu ħajtu. Din it-tfajla xtaqet lezzjonijiet tal-mużika, propju fl-appartament tagħha. Iżda din il-laqgħa li spiċċat f’avventura mhux mitluba jew forsi mixtieqa, kellha tieħu żvolta kompletament differenti. Ninnutaw li fl-istorja tal-preżent, it-tfajla wkoll tistaqsih tkun trid titħaddet miegħu dwar il-mużika meta semgħetu jdoqq il-vjolinċell. Huwa fl-aħħar tal-ktieb li nifhmu l-attitudini ostili ta’ dan ir-raġel. Sammut iżewweġ l-imgħoddi mal-preżent b’mod tassew tajjeb u jgħaddi minn waħda għall-oħra mingħajr ħotob, grazzi għad-djaru li Kamarovsky dejjem kien iżomm. I-żewġ stejjer, dik tal-imgħoddi u l-ġrajja tal-preżent jimxu flimkien b’mod tant tajjeb u fl-aħħar bħal jingħaqdu flimkien. Id-deskrizzjoni tal-Polonja komunista hija waħda ta’ min ifaħħarha. Hemm esperjenza kulturali meta taqra dan il-ktieb, mill-mod kif jintroduċu lil xulxin bħala kumpann, mill-mużika klassika li kienet mogħtija importanza mmens, u mill-banda l-oħra naraw ukoll l-użu tal-isptarijiet mentali bħala ħabsijiet għal persuni li b’xi mod jiżgarraw. Li jolqotni f’dan il-ktieb, bħal “Fid-dell tal-Pellikan” huwa kif toħroġ qawwija s-senswalita’, d-deskrizzjonijiet u fl-istess ħin Sammut qatt ma’ jaqa’ fil-vulgarita’ jew fil-populiżmu. Kollox huwa mqiegħed f’postu u f’dan il-lat iħabbatha mal-klassiċi Ingliżi li kissru l-ħitan taċ-ċensura bil-qawwa tal-pinna. Il-ktieb iżommok taħt tensjoni, u donnu qatt ma jiġri dak li tkun qed tistenna. Waqtiet iġiblek emozzjonijiet ta’ rabja, oħrajn ta’ ħasra u mbagħad hemm is-serħan għall-qarrej bil-mumenti ħelwin ta’ mħabba, u oħrajn aktar intimi. L-għarfien ta’ pajjiż komunista jagħti preġju lil dan ir-rumanz. Imma fil-fehma tiegħi il-qofol huwa l-bniedem u dan huwa niddeskrivih bħala rumanz soċjo-psikoloġiku fejn naraw kif is-soċjeta’ tibni u t-tkisser il-bniedem, u kif ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna jafu jieħdu xejriet differenti. Ninnutaw ukoll l-aspett tal-bniedem li b’xi mod ikollu jikkonforma fi strutturi soċjali differenti. Nirrakommanda dan ir-rumanz, li jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mingħand horizons.com.mt.
(Paġna Letterarja 4 ta’ Frar 2018) — with Salv Sammut.
Mhux l-ewwel darba ġibna kotba ta’ Maltin li jgħixu fl-Awstralja. Insemmi fost oħrajn lill-awtur Joe Axiaq li fil-paġna tas-17 ta’ Ġunju 2016 konna ġibna artiklu dwar il-ktieb “Il-bogħod li jifred”, imma ġibna wkoll numru ta’ poeżiji ta’ dan l-istess awtur. Insemmi wkoll lil Roderick Bovingdon (Rigu) li huwa wkoll riċerkatur, li fost oħrajn kiteb id-dokument akkademiku “From Language to Ethnolect: Maltese to Maltraljan”. Ġaladarba qed nitkellmu fuq il-mara-awtriċi, ma nistgħux ma nsemmux lil Josephine Cassar fost l-ewwel kittieba flimkien ma’ żewġha Manwel Cassar kienu minn dejjem minn ta quddiem biex jitkellmu dwar il-kultura tagħna l-Maltin.
Lou Drofenik tatna numru kbir ta’ kotba fosthom “Birds of Passage” (l-ewwel wieħed tagħha), “Bushfire Summer”, “Cast a Long Shadow”, “In search of Carmen Caruana”, “Cloves and Bitter Almonds” u oħrajn. Bosta minn dawn il-kotba jitkellmu dwar l-immigrazzjoni bl-isfidi li ġġib magħha, iżda dan huwa l-ewwel ktieb pubblikazzjoni Maltija.
Hemm diversi temi li nista’ noħroġ minn dan il-ktieb li żgur jeħtieġu analiżi, aktar milli dan il-ħsieb qasir tiegħi.
(a) Ktieb bl-Ingliż dwar temi Maltin. Hawnhekk għandna ktieb bil-lingwa Ingliża u għaldaqstant jista’ jinqara kemm mill-immigranti li saru jippreferi jaqraw bil-lingwa Ingliża, l-familji tagħhom u anki turisti li jżuru pajjiżna. L-istorja toħodna għand furnar fil-Belt Valletta u twassalna fil-Bliet Awtraljanai ta’ Melbourne u Sidney.
(b) Mill-bogħod …mill-qrib. Il-ktieb jagħti stampa ta’ parti mis-soċjeta’ Maltija. Għandna dettal. Fl-istess ħin qed iħares mill-bogħod. Din tagħta perspettiva importanti għax filwaqt li kellha informazzjoni sew tal-kultura Maltija fl-imgħoddi setgħet tarha mill-bogħod. Dan huwa vantaġġ li offra lill-kittieba imparzjalita’ u ta ċerta’ liberta’ u indipendenza li ma baqgħetx imwaħda fl-istess soċjeta’ li qed tikteb dwarha.
(c) Jiċċelebra lill-mara. Dan il-ktieb jitfa’ dawl fuq ix-xogħol tan-nisa xi ħaġa li b’mod akkademiku għamlu Prof Yosanne Vella. Dan huwa importanti ħafna għaliex dwar il-mara ftit li xejn inkiteb u nsibu fl-istorja tagħna. Huwa minnu li għal ħafna snin is-soċjeta’ Matija kienet waħda patrijarkali (kif ser naraw ‘il quddiem) u li dan kien jimplika allura li r-raġel kien jaħdem bħala l-kap tal-familja. Madankollu, kif insibu f’diversi kotba ta’ Prof Yosanne Vella il-mara kienet tagħti kontribut enormi f’diversi oqsma, għalkemm forsi mhux daqstant fid-deher.
L-istorja tagħna tlaqqagħna ma’ Ġuditta Falzon li tiret il-forn mingħand missierha wara li dan safa nieqes. Hija timpjega magħha lil ċerta Alfio Cisconti, Sqalli li beda jgħinnha. Sa mill-bidu nett Alfio Visconti xtaq jibdel il-furnat f’dolċerija, xi ħaġa li qatt ma seħħet sakemm dam ħaj. Ta’ min ngħidu li waqt li Ġuditta kienet tieħu ħsieb il-forn hija kienet ukoll omm. Dawn l-isfidi ma kissruhiex anzi kienet aktar determianta.
Il-ktieb jitratta erba’ ġenerazzjonijiet ta’ nisa. Min-nanna sal-persuna li tieħu ħsieb furnar u rnexxielha permezz tax-xogħol ta’ jdejha u l-għaraq ta’ xbinha ddawwar lira. Frances it-tifla tat-tifla emigrat lejn Sydney. Hemm sabet aktar liberta’ imma ma jfissirx li kollox ikun ward u zahar. Bħal nannitha ssir mara ta’ suċċess .
d) Mibni fuq soċjeta’ patrijarkali. L-istorja hija bbażata f’Malta fejn il-patrijarkiżmu kien prevalenti u post il-mara kien id-dar u siekta. Wieħed jistenna li persuna bħal Ġuditta li kienet titbiegħed min-normi tas-soċjeta’ kienet issib oppożizzjoni kemm mill-forzi konservattivi kif ukoll mill-popolin mingħajr edukazzjoni li tixprunah jimxi ‘l quddiem. Għalkemm fil-ktieb naraw ukoll li xi wħud kienu jirrispettawha waqt li oħrajn jgħiru għaliha. Fil-fatt ta’ min ngħidu li Ġuditta sabet l-għajnuna minn bosta ħbieb u anki barranin meta kienet għaddejja fi żmien diffiċli.
Jekk li timxi ‘l quddiem kien meqjus li qed toħroġ barra min-normi soċjali, li jkollok wild qabel iż-żwieġ kien sagrileġġ. Naraw kif xaħħmu saċerdot biex iżewwiġhom qabel iż-żwieġ. Żewġha iżda safa maqtul u dan wassal biex tibqa’ tieħu ħsieb in-negozju waqt li taqdi dmirha bħala omm.
e) Karattri b’saħħithom u oħrajn dgħajfin. Fil-ktieb wieħed jinnota karattri b’saħħithom aktar minn oħrajn. Ġuditta hija karattru b’saħħtu. Licia m’hijiex. Għalkemm anke din tisspoprendi għx fil-fatt kienet hi li ħalliet din il-gżira sabiex tipprova ssib ġejjieni aħjar.
f) Klassijiet soċjali. Tema oħra li wieħed jista joħroġ minn dan il-ktieb hija dik tal-klassi soċjali. Naturalment l-idea ta’ mara li toħroġ mit-tbatija bl-għaraq ta’ ġbina ser tqanqal ftit interess fost il-qarrejja u hemm ukoll dak l-element sensazzjonali. Madankollu wieħed jista’ wkoll janalizza l-idea soċjali kif kienet tidher fis-soċjeta’ Maltija anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mobilta’ – jiġifieri li wieħed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu.
f) Malta kif konna nafuha. Ikollna nammettu li fit-tajjeb u fil-ħażin is-soċjeta’ Maltija kif insibuha f’dan il-ktieb hija xi ħaġa tal-imgħoddi. Il-karita’ kbira tal-Maltin tixhed li dan baqa’ poplu b’qalb kbira u hekk kien minn dejjem. Fl-istorja naraw ngħidu aħna kif Ġuditta mhux biss sabet għajnuna minn ħbieb imma saħansitra minn barranin. Jien ngħid li dal-poplu huwa kburi li llum mhux biss kiber ekonomikament imma jinsab quddiem nett f’dawk li huma drittijiet ċivili. Għall-grazzja t’Alla dal-poplu m’għadux maħkum mill-injoranza,
Dan huwa ktieb li jiċċelebra l-ugwaljanza u l-mara b’mod ġenerali. Jiċċelebra l-ħajja tal-mara li libset kpiepel differenti. Waqt li jagħmel dan iżda jħares lejn id-diskriminazzjoni imma fl-istess ħin.
F’dan il-ħsieb qasir ppruvajt nelenka ftit it-temi prinċipali li żgur jeħtieġu studju aktar profond. Ċert li minn dan il-ktieb wieħed jista’ joħloq diskussjoni, ngħid jien anke fuq livelli aktar akkademiċi.
Dan huwa ktieb Malti u l-punt tat-tluq tiegħu huwa wkoll f’Malta. Waqt li għandna stejjer oħra li jixhdu l-faqar li kien hawn f’Malta u r-realta’ soċjo-ekonomika ta’ qabel u wara l-gwerra, dan il-ktieb joffri aspett ieħor għaliex jitkellem dwar l-imigrazzjoni b’dak kollu li kienet timplika.
Fuq kollox hija wkoll storja movimentata ħafna, fejn id-determinazzjoni u l-imħabba jirbħu l-isfidi. Hija storja ta’ qlubija kbira ta’ nisa li jiċċelebraw il-mara.
“The Confectioner’s Daughter” rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-ktieb fil-kategorija tar-rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż.