
Preżenża Michael Cini Pubblikazzjoni: Horizons
Smajna bosta stejjer ta’ iħirsa li jkexkxu, li jagħmlu l-ħsara lill-bniedem jew biex jivvendikaw ruħhom minn xi tbatija li jkunu sofrew jew sabiex jintimidaw lill-bniedem. Madankollu hemm ukoll stejjer dwar iħirsa li lesti li jgħinnu lill-bniedem. Kif jgħid l-awtur stess fid-daħla ta’ dan il-ktieb, jagħmlu vera xogħolhom għax propja “jħarsu” lil xi ħadd li jkunu għażlu (p.14). Dawn l-istejjer ġew popolarizzati permezz tac-cinema permezz ta’ films bħal The Ghost li kien ħareġ fl-1990, li l-atturi prinċipali tiegħu kienu Patrick Swayze, Demi Moore, Tony Goldwyn, and Whoopi Goldberg. Bħala kotba klassiċi lkoll niftakru A Christmas Carol ta’ Charles Dickens li min jaf kemm –il darba qrajniha u għadna naraw varjazzjonijiet tagħha fuq il-palk jew mezzi tax-xandir. Imbagħad hemm diversi kotba dwar tfittxija għal iħirsa, forsi l-aktar li jiġuni f’moħħi huma tal-karattru fittizju Thomas Carnacki miġbura fil-ktieb Carnacki the Ghost-Finder. Illum din it-tfittxija għall-iħirsa qed tqanqal entużjażmu ġdid grazzi għat-teknoloġija u gadgets ġodda li jeżistu fosthom dawk li jaqraw l-electromagnetic fields u li jkejklu l-infrasound. Naturalment hemm diversi argumenti xettiċi li jagħtu spejagazzjonijiet xjentifiċi u oħrajn li minkejja li m’hemmx spjegazzjoni jiġu mfissra bħala koinċidenza. Imma dawn l-esperjenzi jibqgħu jekk xejn interessanti, u mfittxija għas-sens ta’ biża’ u anke kurżita’. Il-ktieb li għandna llum, naħseb fih dawn l-ingredjenti, bid-differenza li ma joffrix komplikazzjoni kif semmejt hawn fuq fl-introduzzjoni tiegħi imma storja mexxejja li tagħti gost lil dak li jkun jaqrah. Lanqas f’dan il-ktieb mhu se nsibu l-makabrita’ dmija jew qtil normalment assoċjati mal-waħx, imma storja mħawra bis-sorprża, kurżità u misteru. Interessanti wkoll li l-ġrajja hija ambjentata f’Malta u b’hekk il-qarrejja aktar faċli jassoċjaw mal-karattri u jħossuhom parti mil-istorja. Naraw fost orajn lin-nanna, li żżebbeġ il-kuruna tar-rużarju (p.19) u xxappap il-ħobż tal-Malti fiż-żalza tal-kappar (p.17). Naturalment dan wassal biex aktar nistħajjlu d-dar imsaħħra, u nistgħu bħal narawha quddiem għajnejna; dik id-dar mimlija misteri. Timmi, tifel ta’ 12 –il sena mar jgħix man-nanna tiegħu, f’dar qadima mimlija kmamar mudlama, taraġ dejjaq, għamara żżaqżaq, xelters tal-gwerra u ġiebja li jinfdu minn wieħed għall-ieħor. Ma damx wisq ma beda jesperjenza ħwejjeġ strambi u beda jintebah li fid-dar ma kienx waħdu. Għall-ewwel kien jisma’ xi ħsejjes strabi, u jiġru ħwejeġ inspjegabbli bħaċ-ċekċik taċ-ċwievet tal-karozza (p.64). Minkejja dan, kif għidna qabel iżda, donnu li din il-‘preżenza’ ma kellha beda intenzjoni li tagħmillu i ħsara, anzi, minn kull esperjenza li beda jgħaddi minnha beda jintebah li l-ħares beda tabilħaq “iħarsu”. Dan wara inċident li seta’ kellu konsegwenzi gravi imma qisu bħal xi ħadd refgħu minn xagħru (p.65). U tgħid in-nanna kienet taf xi ħaġa u żammitha mistura? Wara dn l-inċident kellu jwassalha r-redentur tal-Isla, darba kull ħmistax għal sitt xhur. Hu min-naħa tiegħu kien iħossu skomdu li jitkellem magħha dwar dak li kien qed jesperjenza. Din il-preżenza kellha tidher lil Caroline, tfajla nieqsa mis-smiegħ, li sar iħobb. Waqt li din niżlet bil-mod il-garigor tal-bejt “dak li rat quddiemha kessaha”. In-nanna, għalkemm qatt ma tkellmet dwar dawn l-esperjenzi strambi u forsi jkexkxu, donnha kienet qed tostor xi ħaġa u dan aktar kompla ħawdu u fixklu. Meta jikber, Timmy jiskopri li f’din il-familja, u proprju fid-dar tan-nanna, ħafna snin qabel kienet seħħet traġedja li ħalliet konsegwenzi koroh. Fil-ġrajja joħroġ dan l-element ta’ ruħ maqbuda, li skont it-twemmin popolari dawn l-erwieħ ma jkunux jistgħu jsibu l-mistrieħ. Imma bid-differenza għal dak li soltu naqraw jew nisimgħu din il-preżenza ma kinetx marbuta mad-dar, imma riedet b’xi mod tipproteġi lil Timmy. Għaliex għażet propja lilu? U min hija din il-preżenza? Dawn il-mistoqsijiet aktar komplew ħawduh. U hawn m’inix se nagħtikom risposta, sabiex ma ntellifx il-gost tal-qari. Li nistgħu ngħidu imma huwa li aktar ma beda jgħaddi minn esperjenzi aktar beda jikkonferma li l-ħares jeżisti. U fuq kollox jaqbillek tibda temmen fil-ħares! (p.208).
Michael Cini, li jokkupa l-kariga ta’ Senior Principal, studja fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fl-Amministrazzjoni Pubblika kif ukoll bħala Qarrej tal-Provi bil-Malti. Bħalissa qed jistudja l-lingwa Għarbija biex jifhem aħjar l-għeruq Semitiċi ta’ lsien art twelidu. L-imħabba għal ilsien pajjiżna u l-istudju tiegħu fil-Malti u anke fl-Għarbi ġew imsarrfa fl-għaqal fit-tiftix ta’ l-aħjar kelma Maltija, u fit-tiswir tal-frażoloġija. Il-kitba tiegħu tixhed l-għaqal fit-tħaddim tal-kelma, u mizgħuda b’bosta idjomi u espressjonijiet Maltin. Għaldaqstant dan il-ktieb jagħti gost lil min qed jaqrah. Il-ktieb huwa wkoll immirat biex jolqot lil udjenzi differenza. Il-qligħ kollu tal-awtur ser imur għad-Dar tal-Providenza. (Paġna Letterara, It-Torċa, 8 ta’ Frar 2015) — with Michael Cini.