Awtur: Patrick Sammut
Pubblikazzjoni: Horizons
Minn Fomm il-Kittieb
Patrick Sammut
Pubblikazzjoni: Horizons
Minn Fomm il-Kittieb huwa ktieb ġdid ta’ Patrick Sammut, pubblikazzjoni Horizons, fejn il-qarrejja jistgħu jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ ma’ diversi awturi u jaraw x’għandhom xi jgħidulna. It-Torċa wkoll tkellmet mal-awtur, propju mal-persuna li ħa ħsieb din il-biċċa xogħol kbira imma ta’ siwi kbir għal-Letteratura Maltija, li huwa Patrick Sammut.
- Patrick, naf li apparti li inti wkoll awtur, inti ddedikajt ħafna ħin biex toffri spazju għal awturi oħra. Fost oħrajn insemmi li għal xi żmien inti kont ukoll editur letterarju ta’ ġurnal lokali, bħalissa editur tar-rivista elettronika “il-Pont”, għal numru ta’ snin membru tal-kumitat u Viċi President tal-Għaqda Poeti Maltin fejn anke kont tieħu ħsieb ukoll il-ġurnal tal-istess għaqda u anke permezz tas-sit elettroniku pagnawarapagna.blogspot.com toffri spazju lil diversi awturi. X’wasslek biex ukoll toħroġ dan il-ktieb?
Iva, matul dawn it-tnejn u għoxrin sena li ili nikteb ktibt xi poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan (dehru anki f’ġabriet ko-awturati bħal ŻIFEF U RWIEFEN, 2008; TRAĠITTI, 2009; MIRAĠĠI LASALLJANI, 2009; BEYOND, 2009; SPONDE AMANTI, 2012; u TRIFOLJU TA’ LWIEN, 2014), rakkonti għat-tfal (ĦOLM QABEL L-IRQAD, 2009; AVVENTURA ŻGĦIRA F’TA’ QALI U STEJJER OĦRA, 2012; TOMMY U S-SABIĦ TAL-QARI, 2012), u xi esejs narrattivi (li mbagħad dehru maqluba għall-Ingliż minn Alfred Palma fil-ktieb tiegħi UNEASY RITUALS, 2011). Ta’ min ngħid li qabel ma kitbieti ppubblikajthom f’kotba differenti, dehru f’numru ta’ paġni letterarji f’ġurnali lokali u ta’ dan nirringrazzja lil nies bħal Mario Azzopardi, Charles Flores, Paul Saliba u Charles B. Spiteri.
Apparti dan tajt bosta ħin lil kittieba oħrajn, stabbiliti u mhux. Dan għamiltu permezz tal-paġna letterarja ta’ IL-ĠENS ILLUM li għal xi snin kont nieħu ħsiebha, imma anki permezz ta’ kotba bħal TIEQA FUQ KITTIEBA MALTIN (2003 u 2012) fejn ktibt dwar erbgħin kittieb differenti, kemm ħajjin kif ukoll mejtin, u anki permezz tal-blog tiegħi www.patrickjsammutblogspot.com fejn jidhru bosta studji ta’ natura kritika u poeżiji ta’ u intervisti ma’ numru kbir ta’ kittieba Maltin kif ukoll barranin.
Il-kontribut tiegħi tajtu wkoll permezz tas-sbatax-il sena li qattajt fil-kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin, l-ewwel bħala PRO u aktar tard bħala viċi-president u editur tal-organu tal-għaqda, ir-rivista VERSI, imma anki permezz tal-blog l-oħra www.pagnawarapagna.blogspot.com, fejn jidhru bosta studji dwar rumanzi u ġabriet ta’ poeżija ta’ kittieba lokali differenti, u minn Ottubru tal-2012 permezz tar-rivista letterarja online IL-PONT li noħroġha darba fix-xahar.
Xi ħbieb tiegħi kienu ilhom jgħiduli biex niġbor l-intervisti li kont għamilt ma’ għadd kbir ta’ kittieba lokali fi ktieb. Daqs ftit iktar minn sena ilu ltqajt mal-ħabib tiegħi David Bezzina tal-Horizons, waqt il-Festival tal-Ktieb, u kif għedtlu bil-ħsieb tiegħi mill-ewwel għoġbitu l-idea u mxejna minn hemmhekk biex b’hekk f’Ottubru 2014 ħareġ l-ewwel volum ta’ MINN FOMM IL-KITTIEB.
- Fil-ktieb qed naraw kittieba stabbiliti u oħrajn li jew kitbu inqas minn oħrajn jew għax għadhom żgħażagħ. Kemm tħoss li huwa importanti li jkun hemm din it-taħlita?
L-ewwel intervisti li jidhru f’MINN FOMM IL-KITTIEB VOL. 1 għamilthom fis-sena 2001. Fih issa hemm intervisti ma’ kittieba li m’għadhomx magħna bħal Ġużè Chetcuti, Pawlu Aquilina, ir-Rev. Mons. Amante Buontempo, Peter A. Caruana, Kelinu Vella Haber u Lino Grech; kittieba li ilhom jgħixu snin twal fl-Awstralja bħal Manwel Cassar, Lou Drofenik, Joe Axiaq, Rigu Bovingdon u Manuel Casha, kittieba minn Għawdex bħal Joe Camilleri, Ġanninu Cremona, Joe M. Attard, Anton F. Attard u Charles Bezzina; personalitajiet li għalkemm ma jiktbux, jintrabtu mal-qasam tal-kitba u l-kultura bħal Joe Bartolo (President tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti), Fr Paul Chetcuti (tar-rivista “Regina et Mater”) u Fr Anthony Chircop (tar-rivista “L-Art Imqaddsa”); imma anki ħemel ta’ kittieba Maltin oħrajn kemm stabbiliti kif ukoll inqas magħrufin, żgħażagħ u mhux. Taħlita bħal din tagħti stampa iktar realistika tas-sitwazzjoni letterarja lokali kif inhi. Din hija magħmula minn kittieba li jintrabtu ma’ ġeneri letterarji differenti, u li minkejja mhux kollha huma tal-istess livell letterarju, kollha juru mħabba u ġibda kbira lejn il-kitba tal-letteratura Maltija. Jien insejjaħ ktieb bħal dan demokratiku ladarba jipprova jagħti spazju lil bosta u mhux biss lil numru limitat ta’ kittieba li spiss jingħataw spazju permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni u jiġu ppreżentati daqslikieku huma biss jeżistu.
- F’dan l-ewwel volum qed niltaqgħu ma’ 52 kittieb. Kemm kien diffiċli sabiex tintervista lil dawn l-awturi kollha? Nifhem ukoll li hija biċċa xogħol impenjattiva. Kemm ħadlek ħin dan l-ewwel volum?
Fl-ewwel volum hemm 52 kittieba intervistati, imma numru ikbar ta’ intervisti ladarba numru ta’ kittieba intervistajthom iktar minn darba. Kif għedt diġà l-ewwel intervisti huma tal-2001 u l-iktar reċenti huma tal-2013. Mela dan ifisser li dan hu xogħol li ħadli mat-tnax-il sena. Hemm numru ta’ kittieba li intervistajthom wiċċ imb wiċċ, oħrajn ikkorrispondejt magħhom permezz tal-posta tradizzjonali u bosta oħrajn permezz tal-posta elettronika. Hemm min qalli li dan hu ktieb li ma jixħitx dawl biss fuq il-kittieba intervistati imma anki fuq l-intervistatur ladarba l-mistoqsijiet jirriflettu l-interess ġenwin tiegħi fil-qasam letterarju imma anki fl-element uman ta’ kull kittieb intervistat. Ħaġa oħra hija li biex wieħed jintervista kittieb partikolari jeħtieġ li jkollu ċerta familjarità mal-kitba ta’ dak li jkun biex b’hekk ikun jaf eżattament liema elementi se jikxef permezz tal-mistoqsijiet li joħloq. Ta’ min jgħid ukoll li matul is-snin sirt naf personalment għadd kbir mill-kittieba li intervistajt, tant li bosta minnhom għadni nikkorrispondi magħhom, u għaddewli u għadhom jgħadduli l-pubblikazzjonijiet tagħhom regolarment.
- Inti għandek esperjenza twila fil-qasam letterarju, imma naturalment diffiċli biex tkun taf lil daqstant numru ta’ awturi sew. Kemm tħoss li tgħallimt inti stess waqt li qed taħdem fuq dan il-ktieb, anke sabiex issir taf lill-awturi b’mod personali u forsi kif qatt ma kont rajthom qabel?
L-involviment tiegħi fl-Għaqda Poeti Maltin imma anki l-impenn tiegħi bħala għalliem tal-lingwa u tal-letteratura Maltija u Taljana u x-xogħol regolari tiegħi permezz tal-blogs tiegħi laqqagħni ma’ numru kbir ta’ kittieba differenti matul is-snin. MINN FOMM IL-KITTIEB ma jixħetx dawl biss fuq il-kitba u x-xogħlijiet letterarji tal-kittieba intervistati imma jikxef bosta elementi interessanti mill-ħajja personali tagħhom, jgħaddi tagħrif dwar il-ħajja Maltija fl-imgħoddi u anki dwar drawwiet u episodji storiċi interessanti ferm. Tgħallimt li wara kull isem hemm bniedem tad-demm u l-laħam bħalna lkoll imma b’sensittività speċjali. Tgħallimt li dik tal-kittieb mhix xi ħajja faċli. Bosta drabi hija l-muża li tiddetta u din ma tħallikx bi kwietek jekk ma taqbadx lapes, pinna, karta jew laptop u tikteb dak li jkun għaddej minn moħħok jew li tkun qed tħoss ġo qalbek. Jekk ma tagħmilx dan tibqa’ tturmentat u bla mistrieħ. Tgħallimt ukoll li dik tal-kittieb hija wkoll b’xi mod ħajja ta’ altruwiżmu, ladarba kull kittieb permezz tal-kitba tiegħu jipprova jaqsam tiġribu mal-bqija ta’ madwaru u b’hekk dak li hu personali jsir ta’ kulħadd biex jixtarru, jirreaġixxi b’modi differenti u anki jħossu aħjar ladarba jaqra u jassorbi l-kitbiet ta’ dak li jkun, kemm jekk ikunu rumanz storiku, kif ukoll jekk ikunu poeżija jew rakkont jew rumanz ta’ xejra iktar moderna.
- Xi ħaġa li personalment apprezzajt ħafna, hija mhux biss li qed ‘nisimgħu’ l-esperjenzi “Minn Fomm il-kittieb” kif propju jġib l-isem dan il-ktieb, imma anke nsibu wkoll ritratti ta’ xi poeżiji jew kitbiet oħra miktuba bl-idejn tal-istess awturi. X’tgħidilna dwar dan?
Iva, dik kienet idea tiegħi biex nagħti laqta iktar personali lil dan il-ktieb. Tlabt lil numru ta’ kittieba biex jiktbuli bil-kalligrafija tagħhom poeżija jew silta minn xi rumanz jew novella tagħhom u jiffirmawha wkoll. Hekk il-qarrejja ta’ MINN FOMM IL-KITTIEB ikollhom idea tal-kalligrafija ta’ dawn il-kittieba. Hekk min jemmen li l-kalligrafija tirrifletti l-karattru ta’ dak li jkun u naħseb li b’xi mod għandu raġun. Dawn il-poeżiji jagħtu wkoll laqta iktar preżentabbli u oriġinali lil dan il-volum.
- Inti wkoll għalliem. X’siwi taħseb li għandu dan il-ktieb għall-istudenti meta jersqu għall-eżamijiet taċ- ĊES, MATSEC u anke l-Università?
Ktieb bħal dan huwa mitqlu deheb għal dawk li jistudjaw il-Malti f’livelli differenti, inkluż l-istudenti tal-Università. Inħoss ukoll li kopja ta’ dan il-ktieb għandha tinxtara għallinqas minn kull librerija tal-iskejjel lokali u minn kull librerija pubblika lokali. MINN FOMM IL-KITTIEB għandu jinteressa fuq kollox lil dawk li jħobbu l-letteratura Maltija u lill-istudenti intelliġenti li ma jistudjawx biss għall-eżamijiet imma li jixtiequ joqorbu sewwa lejn il-kittieba intervistati u kitbiethom.
- Dan huwa l-ewwel volum. Xi pjani hemm għat-tieni volum?
Dan l-ewwel volum jiġbor fih 52 kittieb ippreżentati b’mod alfabetiku skont il-kunjom, eżattament mill-A sal-G. It-tieni volum se jkun fiha daqs 50 kittieb ieħor intervistat, wisq probabbli mill-L saż-Ż. Mela ż-żewġ volumi se jinkludu fihom intervisti ma’ mill-inqas mitt kittieb Malti kontemporanju. Bħall-ewwel volum se jkun fih ukoll bijografiji qosra ta’ kull kittieb u ritratti ta’ poeżiji jew kitbiet tagħhom. Bħall-ewwel volum (li għandu Introduzzjoni interessanti ħafna ta’ Tarcisio Zarb), it-tieni volum se jkollu Daħla miktuba minn studjuż tal-letteratura Maltija prominenti.
- Ktieb bħal dan jeħtieġ ħafna u ħafna xogħol, però r-riżultat ma joħroġx kif inhu xieraq kieku ma jkunx grazzi għall-pubblikatur li mhux biss jemmen f’dan ix-xogħol imma jippreżentah bi kwalità tajba. Kemm taħseb li hija importanti l-preżentazzjoni fi ktieb bħal dan u kif tirrifletti f’dan ix-xogħol?
Kif għedt qabel, David Bezzina tal-Horizons huwa ħabib tiegħi li mill-ewwel wera interess u emmen f’dan il-proġett. Kienet sorpriża li ħadt pjaċir biha immensament meta qalli li l-volum se joħorġu f’format hardbound, u sorpriża ikbar meta fl-aħħar rajt il-prodott finali. Minn hawn nirringrazzja wkoll lis-setter u lill-qarrej tal-provi li għenu biex dan il-ktieb ikollu preżentazzjoni xierqa tassew. David Bezzina huwa bniedem li qed juri dinamiċità kbira fil-qasam tal-pubblikazzjoni tal-ktieb u qed jagħti wkoll opportunità lil bosta kittieba differenti biex jaħdmu miegħu u l-prodott tad-ditta Horizons huwa preżentabbli tassew. Għal dan prosit u ħajr!
Paġna Letterarja 21 ta’ Diċembru 2014