Tliet poeti tajbin fi ktieb wieħed. Din kienet l-ewwel ħaġa li ġietni f’moħħi meta rajt dan il-ktieb. It-tliet poeti għamlu kemm –il darba ġieh għalihom infushom u għal pajjiżna. Il-Professur Oliver Friġġieri, li kiteb id-daħla għal dan il-ktieb, qassam l-analiżi tiegħu fi tlieta: il-ħsibijiet li joħorġu minn kull poeta. Il-poeżiji tat-tliet awturi iddeskrivihom bħala (a) Kwadretti Riflessivi, b’referenza għall-poeżiji ta’ Mario Attard (b) il-poezija bħala djalogu għall-poeżiji ta’ Patrick Sammut u (c) ir-rabta bejn it-tradizzjoni u l-preżent b’referenza għall-poeżiji ta’ Frank Zammit. Sabiex nagħtu ħarsa aktar ħafifa se nħares hawnhekk lejn it-temi prinċipali li joħorġu mill-ktieb, u dan mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn kull poeta individwali, għaliex kull f’kull wieħed minn dawn it-tliet kapitli prinċipali toħroġ ċar l-individwalita’ tal-poeta differenti. B’hekk il-qarrej ser ikun preżentat ktieb bi tliet togħmiet differenti li kull poeta li għandna jippreżenta għalih. Mill-banda l-oħra f’dan il-ktieb hemm ħafna elementi li huma komuni, u dan huwa dak li jsawwar it-tliet poeti. It-tliet poeti huma ispirati mit-twemmin Nisrani li ħaddnu, it-tlieta g fil-kulleġġ De La Salle. Fuq kollox it-tlieta huma attivi f’diversi għaqdiet Letterarji.
Il-punt tat-tluq u t-twemmin
Mario Attard iħares b’nostalġija lejn tfulitu u t-trobbija tiegħu. Ix-xbiehat reliġjużi partikularment dawk Kattoliċi li kienu tant għal qalb ommu u trawwem fihom baqa’ jgħożżhom ma’ qalbu u huma ta’ ispirazzjoni kbira għalih f’dawn il-poeżiji (p.29). Attard jixxennaq għall-ambjent fejn trabba u għex. “Fil-pjazza tar-raħal spiċċaw in-Nardijiet u l-Gorijiet” jgħidilna fil-poeżija Fi Pjazza Santa Margerita (p.15) u li “Kullbank fil-pjazza tar-raħal illum huwa battal. Għal Frank Zammit dak kollu li hu tipikament Malti joħroġ b’ħafna aktar qawwi, forsi anke għall-fatt li l-poeta ilu emigrat għal numru ta’ snin, għalkemm iżur bosta drabi pajjiżna. L-elementi Malti nsibuhom fil-Gardjola (p.67), Fil-Ġonna ta’Sant Anton (p.67), Lix-Xale’ mġarraf (p. 78), L-aħħar salut (p.75), F’ta’ Xbiex (p.90), fost oħrajn. Dawn il-postijiet Maltin jipprovdu l-kuntest għall-bosta poeżiji ta’ Zammit u minnhom joħroġ il-messaġġ tiegħu, waqtiet tagħlima morali u oħrajn bħala metafora.
Il-ħajja hija kif jgħid il-Professur Friġġieri bħal vjaġġ u dan il-vjaġġ qed iwassal lejn it-tmiem. Forsi tinstema’ ftit pessimista imma hija viżjoni realista ħafna dik li kull sekonda hija sekonda lejn il-mewt. Iżda għall-Patrick Sammut il-ħajja iżda hija mgħaġġla wkoll għaliex mimlija u qasira wisq sabiex inwettqu fiha dak li nkunu nixtiequ. Kull ftit ħin il-poeta jara “kif se jimla kull waqt ħieles Bil-qari u l-poeżija” (F’siegħa bikrija, p.40).
L-għejja hija l-għadu tiegħu f’dan kollu u fuq kollox tmiem il-jum li jkun seraqlu l-ħin sabiex jikteb il-poeżija. Dan l-element tal-għaġla tal-ħin, jinħass ukoll fil-poeżija Jien u l-ħin (p.42). Waqt li l-ħajja hija mgħaġġla, ikun hemm mumenti fejn tieqaf u taħseb. U dawn il-mumenti x’aktarx ikunu Għad-dell ta’ sġajra mġennba (p.39) fejn donnu kollox jieqaf. Il-poeta iżda joħroġ minn dan kollu wkoll tifsira eżistenzjali: “Għad-dell ta’ sġarja mġennba Nara l-ħajja tinfirex quddiemi U niftakar li xi darba anke dil-wirja Għax tiżżarma u tagħlaq.”
Mario Attard isostni li: għad irridu nagħrfu li “iktar ma joktor fina t-tiġrib Dakinhar ibdew nagħrfu Xi pjan Alla welled magħna” (Driegħ id-Destin, p.16)
Il-fidi hija f’Marija Adollorata f’Alla fuq is-Salib li “ma jarax min aħna għaliex il-bnedmin kollha xorta”(Quddiem Marija Addolorata, p.17). Poeżija oħra hija “Taħt il-Kurċifiss ta’ Kamarti” (p.28). Mill-banda l-oħra quddiem is-salib iħossu mtaqqal meta jara dik it-tbatija kollha għad-dnubiet tagħna. Quddiem is-salib jistqarr li qalbu “sogħbiena tinsab Għatxana għall-indiema” (Illejla ġejt imtaqqal, p.21)
Interessanti ħafna ir-rabta li għandhom it-tliet poeti mal-Kulleġġ De La Salle. Jekk li tkun għalliem hija vokazzjoni, li tkun għalliem Iasalljan hija sejħa. Mhijiex kumbinazzjoni. Kif jgħid Mario Attard, hija sejħa li tikber bħal “ħmira” metafora Bibblika ispirata mit-twemmin nisrani li jħaddan il-poeta (Lil Ġwann Battista De La Salle , p.13).
Aspett soċjali
Kif ngħidu bosta drabi l-progress mhux dejjem iwassal għal żvilupp. L-iżvilupp tal-armamenti jwassal għal qerda, imma mhux biss, għax minkejja passi ta’ ġgant li qed nagħmlu f’oqsma bħat-teknoloġija naraw bosta tifrik fil-familji, fost ħbieb. Il-Ħajt ta’ Berlin (p.19) twaqqa’ fl-1989, u naturalment miegħu inkixfu bosta stejjer ta’ terrur li kienu moħbija u ngħaqdu bosta familji li għal numru ta’ snin kienu mifrudin. Iżda għal Mario Attard, illum
“hawn ħitan li ma jidhrux, misturin fil-qalb tal-bnedmin, ħadran f’qalbu”
Il-poeta huwa bniedem sensittiv għal dak li qed jiġri madwaru u jesprimi fi kliem il-ħsus li jkunu ilhom ikidduh għal numru ta’ snin. Iweġġa’ meta jara l-umanita’ li kważi ma tiswa xejn. Donnu meta Josef Stalin kien qal li l-mewt ta’ persuna waħda hija traġedja waqt li l-mewt ta’ miljuni hija statistika kien tabilħaqq immarka dan is-seklu kiefer fejn mhux biss miljuni baqgħu jinqatlu imma bilkemm ninnutawhom. Minkejja li l-media soċjali tista’ forsi tgħin biex tinħoloq konoxxenza, din l-amplifikazzjoni ma tilħaqx il-bnadi kollha tad-dinja. In-natura, is-suldati u l-bnedmin infushom huma mmarkati fil-poeżija Bla identita’ ta’ Mario Attard fejn il-poeta saħansitra jħoss li huwa stess m’għandux identita’; “Wiċċi biss kien jonqos inqasqas Imma għalkemm fittixtu ma sibtu mkien.”
Is-sensittivita’ t’Attard għal dak li qed jiġri madwaru toħroġ ukoll għal numru ta’ persuni li b’xorti ħażina jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu futur aħjar. Għal dawn in-nies il-kalvarju huwa kbir. “Mhux biżżejjed tqatta’ vjaġġ qalb sema u ilma”. “Dan kollu mhux biżżejjed! Għad baqagħlek! Trid tgħaddi mill-għeriebel tas-sogru li lura jafu jibagħtuk U jekk iżommuk f’għajnejn in-nies int tibqa’ maqful, detenut.” (Jien mhux klandestin, p. 31)
Zammit, mill-banda l-oħra, jitkellem dwar is-Sirjani fil-poeżija Jien iben is-Sirja (p.92), u dwar It-tallaba (p.84)
Malta u l-Maltin.
Il-patrijottiżmu jinħass sew fit-tliet poeti, għalkemm dan mhux neċessarjament kif nifhmu bih fil-poeti tradizzjonali bħal Dun Karm. Joħroġ aktarx fil-kuntest tal-poeżija, fil-mod kif iħarsu lejn l-imgħoddi tagħhom b’nostalġija. Il-poeta jagħtu tislima wkoll lil diversi poeti kbar li żejnu lil-Letteratura Maltija b’xogħlijiet mill-isbaħ. F’Apoloġija li Rużar Briffa, Attard jinqeda bil-patrijottiżmu ta’ Briffa, partikularment fil-poeżija Jum ir-Rebħ fejn Briffa b’referenza għal meta l-Maltin qamu u kantaw l-Innu Malti; U l-Kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija! Miskin min ikasbarni, – miskin min jidħak bija!” Attard huwa mweġġa’ li llum jisħaq li llum hawn min għadu “ma ntebaħx li għadu mitluf ġo sodda mhux aktar barranija.”
Mario Attard issellem lil poeta Bormliż Ġuże’ Chetcuti (p.24) f’għeluq is-sebgħin sena mill-poeżija tiegħu Bormla u lil Rużar Briffa (p.32)
Laqtitni ferm il-poeżija ta’ Patrick Sammut dedikata lil Mario F Bezzina, poeta kbir ieħor. Din l-poeżija ġġib l-isem ta’ Min-naħa l-oħra tal-linja (p.52).
Bezzina, ““bħal kesba feġġa Li taqsam l-ispazji għammieqa Ħuġġieġa ħafifa bla lġiem… Bħal leħen li jmelles bi kliemu għaqlija … Bħal tila li thenni bi lwienha … Bħal xarxira bi dmugħha mbierka Taħji l-ibgħad irkejjen tar-ruħ.” u jkompli “biex issa għad-destin baxxejt rasek u tiegħek ix-xija ħallejt tiftel u tnin u leħnek setgħan siket ħesren”.
Il-ħajja iżda kiefra wisq. Forsi dawn huma żminijiet fejn “bla ma rridu taħkem in-nixfa anke jekk fina jnixxu u jgelglu l-ilmijiet u dan ikiddna mhux ftit.” (Hemm żminijiet, p.59)
Frank Zammit isellem lil poeta Anton Buttiġieġ (F’dawl in-niċċa ta’ ħsiebi, p.68) u b’referenza diretta għall-poeżija “Il-Kebbes tal-fanali”, jkun jixtieq li dan id-dawl “jibqa’ jwenens” lil qalbu. Forsi tislima oħra lil Malta xieraq noħduha mill-pinna stess ta’ Zammit, fil-poeżija L-aħħar salut, p. 75, fejn jiddeskrivi lil pajjiżna bħala “Malta Fjur tad-dinja!”
Konklużjonijiet
Kull poeżija hija tajba għaliex toħroġ mill-qalb. Imma Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit jafu jagħġnu tajjeb l-aktar ħsibijiet ġewwiena mal-metafora. M’hemmx dubju li dan il-ktieb huwa eżempju ta’ poeżija tajba. Fl-istess ħin, il-poeżija tat-tliet awturi tagħna hija waħda li tista’ tifhimha faċli, tiggustha, u xi waqtiet ukoll iġġagħlek tirrifletti. Il-poeżiji huma wkoll bħal kwadri b’pitturi differenti fuq aspetti differenti ħafna minnhom marbutin ma’ pajjiżna. Għal min qed ifittex li jaqra ġabra ta’ poeżija, huwa ktieb li nħossni komdu ħafna li nissuġġerixxi.(Paġna Letterara, It-Torċa, 18 ta’ Jannar 2015) — with Patrick J Sammut.