Stampakelma

L-iżvilupp tal-lingwa ma jibdiex mill-iskola. U ma jispiċċax mal-iskola obligatorja. Xi wħud illum jgħidu li saħansitra l-fetu jibda’ jagħraf il-ħsejjes ta’ leħen l-omm. It-tfal jibdew jitkellmu meta jridu jikkomunikaw. Wara kollox aħna l-kbar ukoll nitgħallmu kliem li jkollna bżonn. Il-ktieb StampaKelma huwa msawwar fuq dak li għandhom bżonn isiru jafu t-tfal. Jitlaq minn dak li għandu x’jaqsam ma’ “Ġisimna”, “il-familja”, “ħwejjeġ”, imbagħad jgħaddi għall-kmamar. Bi ħsieb jibda mill-kamra tas-sodda, is-salott, il-kċina u l-kamra tal-ħasil. Imbagħad taqsima oħra hija dwar kliem għal tfal ikbar. Kull taqsima għandha kulur li jidentifikha: Oranġjo għall-ewwel livell u Blu għal livell ieħor. Din tal-aħħar fiha aktar dettalji u kliem. Ngħidu aħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ partijiet tal-ġisem insibu “minkeb” u “għarqub”. Insibu numru ta’ fjuri bħal “ġiżi”, “papoċċi” u fjuri tal-kampanja bħal “ħubbejża” u “narċis” u “ġarġir”. Waqtiet, mal-kliem li nsibu l-awtur joffrilna wkoll xi tagħrif bħal ngħidu aħna li widnet il-baħar hija l-pjanta nazzjonali, li l-merill huwa l-għasfur nazzjonali fil-kategorija tal-għasafar, liema huma s-sensi eċċ. Qed nitkellem fuq livelli u mhux etajiet għaliex naturalment jiddependi skont il-ħila tat-tifel jew tifla. Għaldaqstant Stampa Kelma huwa ktieb li jibqa’ jitgawda u jintuża għal numru ta’ snin.
Il-bżonn li jkollna dizzjunarju bħal dan bl-istampi u bi stampi sbieħ m’huwiex biss sabiex ikollna dizzjunarju b’ilsien pajjiżna. Imma huwa wkoll importanti li jkun ukoll lokalizzat għall-ambjent, kultura, u drawwiet tagħna l-Maltin. Ma tagħmilx sens, ngħidu aħna li fi ktieb Malti t-tfal jaraw stampa ta’ djar qalb il-muntanji, bil-Karozza tal-linja ta’ Londra, l-pont ta’ Londra. F’dan il-ktieb għall-kuntrarju t-tfal faċli jidentifikaw ma’ dak li qed jaqraw: Il-pont huwa dak tal-port il-kbir, razzett Malti, villa kif insibu f’Malta, sqaq tipikament Malti eċċ. Mhux biss, imma Trevor Zahra ħa ħsieb li t-tfal jitgħallmu, waqt li qed jaraw l-istampi dak kollu li jsawwar il-kultura Maltija. Għaldaqstant naraw kliem marbutin mal-festa Maltija, fosthom il-marċ, il-bandalora, tal-qubbajt, il-kaxxa infernali. Insibu kliem marbutin mal-Milied, u mal-Ġimgħa l-Kbira.
Dan il-ktieb huwa maħsub għat-tfal, imma jista’ jkun t’għajnuna kbira kemm għall-għalliema u kemm għall-ġenituri. Għal dan l-awtur ħaseb ukoll, u fl-aħħar tal-ktieb insibu wkoll ftit tagħrif dwar xi kliem li jistgħu jkunu ta’ diffikulta’ għall-adulti, ngħidu aħna, għonella, ħorġa u ċuqlana. Dan sabiex aħna, l-kbar, inkunu nistgħu nispjegaw sew lit-tfal, u nistgħu nagħmlu hekk billi aħna stess inkunu infurmati sew. Hekk ukoll insibu tagħrif dwar festi nazzjonali u xi drawwiet oħra. Fl-aħħar tad-dizzjunarju nsibu indiċi Malti-Ingliż. Dan mhux biss jista’ jservi ta’ referenza b’mod alfabetiku imma wkoll għandna t-tifsira bil-lingwa Ingliża.
Stampakelma huwa ġabra ta’ ’l fuq minn 1,000 stampa u 1,000 kelma, kollox miġbur skont is-suġġett. Wieħed jifhem li sabiex sar dan kien jeħtieġ numru kbir ta’ snin sabiex jinġabru l-kliem l-aktar li jistgħu jintużaw mit-tfal. Dan ix-xogħol waħdu iżda kien jisfaxxa fix-xejn kieku ma jkunx għall-pubblikaturi, f’dan il-każ Merlin Publishers li jagħtuna f’idejna ktieb bi preżentazzjoni hekk sabiħa, karta ta’ kwalita’ għolja u stampi mill-isbaħ. It-tfal, kif ġieli għidna drabi oħra f’din il-paġna, llum imdorrijin bi kwalita’ għolja, kemm f’dak li huwa divertiment
Ktieb bħal dan, jiena nqisu bħala investiment: investiment f’uliedna. Bħala edukatur nieħu gost b’kotba bħal dawn u jalla ktieb bħal dan isib ruħu fil-librerija tat-tfal. Naturalment, għalkemm dan huwa ktieb ta’ referenza, ma nixtieqx li jispiċċa fuq xi xkaffa imma nippreferi narah f’idejh it-tfal. U dan jista’ jsir għaliex permezz tal-istampa, it-tfal jistgħu jaqraw, jitgħallmu jaqraw, jitħarrġu kif jiktbu tajjeb u jwessgħu il-vokabolarju tagħhom.
Waqt it-tnedija tal-ktieb, li saret f’Palazzo De La Salle, il-Belt Valletta, tkellmu dwar dan id-dizzjunarju u l-użi kollha tiegħu fil-klassi u fid-dar, il-kittieba Leanne Ellul u l-President tal-Akkademja tal-Malti Dr Olvin Vella.
Stampakelma jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew direttament online minn www.merlinpublishers.com (Paġna Letterarja, It-Torċa, 4 ta’ Jannar 2015) — with Trevor Zahra and Chris Gruppetta.

Leave a Comment