L-Esperjenza tat-Tagħlim

Awtur: Terence Portelli; Pubblikazzjoni: Horizons

Dr Terence Portelli hu senior lecturer  fil-Fakulta’ tal-Edukazzjoni, l-Universita’ ta’ Malta, li qed jagħmel sforz kbir biex bi lsien pajjiżna jagħtina kotba tal-pedagoġija u bl-għodda li l-għalliema jeħtieġu.  Dan jista’ jagħmlu għaliex minbarra l-għarfien akkademiku tiegħu, Portelli għandu ħakma tajba tal-Malti. 

Ma ninsewx “L-ewwel passi fil-Malti”  Sensiela ta’ kotba u materjal edukattiv ieħor maħsuba minn Terence Portelli bil-għan li t-tfal ikollhom għodda siewja fit-tagħlim tal-Malti tal-bidu.  Pero’ dwar il-pedagoġija, riċenti Portelli kien ħareġ il-ktieb ‘Fuq il-Għatba tal-Professjoni’ flimkien ma’ Antoinette Camilleri.  Fuq l-Għatba tal-Professjoni hu ktieb għall-istudenti-għalliema bi tħejjija għall-prattika tat-tagħlim, kif ukoll għall-għalliema li se jkunu qed jiggwidawhom fl-ewwel passi tagħhom. F’dan il-ktieb l-istudenti-għalliema u l-għalliema għandhom gwida ċara li tinforma u twitti t-triq għas-suċċess professjonali tagħhom.

“L-Esperjenza tat-Tagħlim” huwa ktieb ġdid jagħti ħarsa strutturata u dettaljata lejn l-istadji ewlenin taċ-ċiklu tat-tagħlim: it-tħejjija, it-twettiq, u t-tgħarbil ta’ din l-esperjenza kumplessa.  Aktar minn qatt qabel, l-għalliema għandhom bżonn idea ċara tal-arti u x-xjenza tat-tagħlim f’kuntesti edukattivi varji.

Il-ktieb huwa maqsum fi tmien taqsimiet ewlenin. L-ewwel taqsima tħares lejn x’nifhmu b’tagħlim. Wara jsir stħarriġ fil-fond tal-identità tal-għalliema, il-kuntest tat-tagħlim, u l-istudenti fil-klassi. L-għalliema jridu jfasslu jew jimmedjaw programm tat-tagħlim – kurrikulu, qafas ta’ kisbiet, sillabu – li jilħaq abbiltajiet differenti, kompetenza essenzjali li hi mfissra fit-tielet taqsima. 

Ir-raba’ u l-ħames taqsima jagħtu ħarsa lejn dawk l-elementi ta’ suċċess f’lezzjonijiet differenti, fosthom riżorsi tradizzjonali bħall-ktieb tal-iskola u dawk aktar kontemporanji li jixorbu l-aktar mit-teknoloġija.

Is-sitt taqsima tħares lejn l-okkażjonijiet ta’ darba kultant jew ftit aktar… bħalma huma ħarġiet ma’ tal-iskola, il-kunċert tal-iskola, l-ewwel u l-aħħar lezzjoni, it-tiswir ta’ wirja u l-magażin tal-klassi.

It-tagħlim għandu bżonn bilanċ bejn istanzi ta’ evalwar u dawk ta’ assessjar, esperjenzi mfissra b’għadd ta’ eżempji fis-seba’ taqsima ta’ dan il-ktieb. Fl-aħħar, l-istudenti-għalliema u l-għalliema jsibu għadd ta’ għodod biex jagħrblu l-esperjenzi tat-tagħlim tagħhom.

Kull kapitlu qasir f’dan il-ktieb – 72 kapitlu b’kollox –  jiffoka l-attenzjoni fuq qasam dejjaq tal-esperjenza tat-tagħlim billi: jippreżenta u jfisser b’mod sempliċi t-termini ewlenin, jesplora l-argumenti u l-perspettivi differenti, u jipproponi għadd ta’ possibbiltajiet pedagoġiċi mnejn l-għalliema jistgħu jagħżlu. It-tabelli, il-formoli u ċ-ċekkjaturi f’dan il-ktieb tfasslu biex jiggwidaw il-ħsieb kritiku u kreattiv tal-għalliema fi stadji differenti tal-iżvilupp professjonali tagħhom, minn dak bikri sa wieħed mogħni bl-esperjenza.

L-idea wara dan il-ktieb hi li l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tkun waħda pożittiva skont kemm l-għalliema jagħrfu jinsġu flimkien komponenti differenti taċ-ċiklu tat-tagħlim tul il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti tagħhom.

Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mingħandi il-ħwienet ewlenin tal-kotba.

it-torca-2020-12-13_17-17

Irvin Vella: Il-Każ tal-Maħżen Mitluq!

Awtur: John A. Bonello; Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Għal dawn il-fans kollha, John A. Bonello, flimkien mal-Merlin Publishers, għadu kemm ħareġ il-ħames każ għal Irvin x’jinvestiga: Il-Każ tal-Maħżen Mitluq!

Irvin Vella: Il-Każ tal-Maħżen Mitluq huwa l-ħames ktieb fis-sensiela ta’ misteri investigattivi għat-tfal, wara Il-Każ Manduca (1), Il-Każ tas-Serqiet Strambi (2), Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (3) u Il-Każ Stella Maris (4).

Is-sensiela t’Irvin Vella hi l-ewwel sensiela ta’ investigazzjonijiet ta’ detective bil-Malti miktubin apposta għat-tfal.

Irvin kellu każ ġdid, dak ta’ MaryRose Marmara li ma kienetx taf fejn kien qed imur żewġha u għaldaqstant staqsiet lill-Irvin biex jinvestiga.

Irvin mar jara x’qed jagħmel żewġha (Wiġi Marmara) iżda  Irvin Vella sparixxa u ħadd ma kien jaf fejn jinsab.   Ma ħalla ebda nota, ebda messaġġ li jista’ jagħti ħjiel ta’ fejn seta’ mar. Mhux iwieġeb meta jċemplulu. U ma qal lil ħadd fuq xiex qed jaħdem. Irvin kien mistenni jmur lura d-dar għall-ikel, iżda ma tfaċċax.  Bdew jistaqsu lin-nies għalih, fosthom lil Mary Rose Marmara.   Marru fejn indikatilhom hi u sabuh mal-art.   Meta qam tilef il-memorja tal-aħħar sentejn.

Kienet biċċa xogħol kbira biex juruh x’għandu ħalli jiftakar fosthom il-blogg tiegħu.  Wara li fehem sewwa x’kien jagħmel huwa ried li jkompli bħala investigatur.  Meta raw x’seta’ ġara. 

U hawn daħal l-Ispettur Montebello.  Pprova jwassal x’kien qed jagħmel Wigi Marmara.  Waqt li qed jinvestigaw sabu żewġ ċrieket li għandhom in-numru u meta fittxuha sabu li għandu x’jaqsam mal-għasafar.  Meta bdew jistaqsu lin-nies fuq l-għasafar sabu lin-nies kellhom kopji ta’ dawn in-numri. 

Meta jibqa’ ma jmurx lura, il-ġenituri tiegħu jinkwetaw u jagħmlu rapport ’il-Pulizija. Hawn jidħlu fix-xena l-kuġini tal-investigatur, l-aħwa tewmin Luca u Laura, li jirnexxilhom jiskopru ħjiel li jwassalhom għal maħżen mitluq il-Ħamrun.

Il-kotba kollha ta’ Irvin Vella huma mżejna b’illustrazzjonijiet tal-artista magħrufa Lisa Falzon.   F’dawn ir-rumanzi, Falzon tuża stil retro li jkompli jenfasizza l-atmosfera ta’ misteru u investigazzjoni tal-istejjer.

Irvin Vella: Il-Każ tal-Maħżen Mitluq jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online direttament minn merlinpublishers.com

it-torca-2020-12-13_17-17

Imwejġiet

ġabra ta’ poeżiji ta’ Alfred Grech 

It-titlu prinċipali tal-Paġna Letterarja tal-lum huwa “Minn Għawdex”.   Meta ġejt biex nikteb dwar dan il-ktieb għidt liema aspett l-aktar li kelli nagħżel jekk hux bħala ktieb “minn Għawdex” billi l-awtur Alfred Grech huwa Għawdx, jew il-fatt li l-poeżiji qegħdin kollha f’ordni alfabetika li fakkarni wkoll fl-“Inventarju tal-kamra l-kaħla” ta’ Leanne Ellul li wkoll.

“Imwejġiet” huwa r-raba’ ktieb tal-poeta Alfred Grech.  Il-kotba l-oħrajn ippublikati kienu “Mix-Xefaq u lil Hinn” (2012), “Petali f’Wiċċ l-Ilma” (2014) u  “Erbatax -il Vers” (2016).  Li jolqotni f’dan il-poeta huwa l-mod kif joħroġ ċerta rabja taħt bixra ta’ mużikalita’ ħelwa.  Vrusu jpaxxu lill-widna daqs kemm jiskomodaw u jipprovokaw il-ħsieb.  

Il-ktieb huwa mimli emozzjonijiet jgħaddu bħal imwejġiet u qalb l-imwejġiet il-poeta huwa ħieles.  Huwa ħieles fil-ħsieb, jibża’ li xi ħadd jużah u ċertament ma jrid ebda obligazzjonijiet li jorbtulu xi tip ta’ mazzra jew ipoġġuh f’pożizzjoni li ma jixtieqx. 

“Jew tagħmel bħal ingassa
U tirkeb dahar l-ilsir.
Din hija dinja ħielsa, 
Ħallini nibqa’ ntir.”

(X’ridt aktar milli għandi?)

Jibża’ mill-konfini madwaru u l-ftuħ tal-kampanja f’dawn il-poeżiji mhuwiex biss marbut mal-imħabba li għandu l-poeta għall-ambjent imma wkoll mal-ftuħ li għandu bżonn f’ħajtu bħala individwu ħieles.   Ix-xewqa li jkun xi mkien `il bogħod, 

“Fejn ħadd ma jmur u lanqas fejn ħadd jgħaddi
Gremxul u nemel, dan il-friex tal-kwiet, 
Ma joħroġ ħadd għan-nofs li jista’ jdejjaq, 
Jew li jisraqli dal-waqtiet tas-skiet.”

(Dawn huma t-toroq)

Il-poeta jaħseb sal-punt li l-ħsieb tiegħu jista’ jkun kontra l-kurrent, jew forsi nuża l-liberta’ biex nadotta l-metafora “kontra r-riħ”, liema metafora hija użata għal diversi kuntesti differenti minn dan il-poeta.    Il-ħsieb jibda bil-mistoqsijiet dwar ir-realtajiet li ngħixu madwarna.  Numru ta’ poeżiji f’din il-ġabra għandhom it-titlu bħala mistoqsija, eżempju “Fejn sejjer?”, “Int min int?”, “Kif tista’ qatt tifhimni?”.  Oħrajn żvolġew mill-mistoqsija li tinħass fl-isfont tal-poeżija.  Huwa jgħidilna: 

“Bħal mistoqsija ġdida
Li qatt tkun staqsejt
Hekk tibda kull tqanqila
Tkun għadek lanqas bdejt”

(Bħal mistoqsija ġdida)

Dan huwa l-ħsieb li jista’ jinfed u huwa wkoll bħal sikkina li taqta’ minn żewġ naħat.  Bħala poeta Grech jorqom il-kelma sew, bħala avukat jartikola sew il-ħsieb tiegħu, pero’ xejn ma jżommu li jwassal dak li hu sew anke jekk ser jolqot fil-laħam il-ħaj.    

Fuq kollox huwa artist illi joħlom, u dwar dan jgħidilna:

“Titjira għal imkien 
Fil-vjaġġ ta’ mingħajr mira
Din qabża għal ġol-abbiss
Jew ħofra f’nofs għadira.”

(Vjaġġ tal-fantażija)

Forsi għax huwa artist, ir-rutina ddarsu.  Ma jibqax bniedem.  Meta l-istess rutna ssir bħal rota li jispiċċa jdur magħha ma jibqgħalux lok li jsir dak li huwa hu:

“Xħin jien u r-ritmu nsiru ħaġa waħda,
Xħin lanqas nibqa’ nara xejn madwari,
Xħin lanqas nibqa’ nisma’ l-melodija,
Insir ma ningħarafx minn dak ta’ dari”

(U meta jien għax niżfen)

Jiddarras bil-propoganda liberali li tidher attraenti u tappella għal popolin anke jekk tgħammixna biex minn wara jittieħdu deċiżjonijiet anti-soċjali u li jfaqqru l-kwalita’ tal-ħajja tagħna. “Tal-ħafna bżieżaq tas-sapun u drittijiet”  (Wara x-xalata)

Fejn jidħol iżda l-ħajja soċjali u l-ambjent, f’termini tal-lum, l-poeżija ta’ Grech tappella anke għal qarrejja progressivi tal-lum li qed jiddefendu dak li writna u b’xorti ħażina qed jinqered.  Għaliex ir-rota politika xxaqleb bejn il-ħtiġjiet ekonomiċi għal dawk soċjali u Grech jinfilsa sew ma’ dawn l-ilħna kontra l-isfreġju ambjentali.   Kif għidt aktar qabel, L-ambjent naturali huwa wisq għal qalb Grech, tant li għalih isir kważi l-maqdes fejn ifaħħar il-Ħallieq.

“M’għandix għalfejn il-Maqdes biex nitolbok,
U lanqas dawn il-kwadri ta’ mal-ħajt.”

Hekk jgħidilna fil-poeżija “Biżżejjed tkun il-mixja ġo l-għelieqi”.  

Saħansitra jistħajjel li l-istess Ħallieq ser jiddarras bl-ambjent illi qed noħolqu.  L-Ambjent hawn mhux biss fid-“dħaħen” imma anke bil-mod kif qed nimxu aħna ma’ xulxin.  Għaliex wara kollox, huwa l-egoiżmu li qed jirvina kollox.  L-egoiżmu li mbagħad iwassal għar-regħba.    Għaldaqstant huwa jgħidilna: 

“Issa li nżilt mill-għoli tal-quċċata,
Erġajt tħallatt mal-kotra tal-bnedmin;
Jilqagħna sibt id-dħaħen tal-vetturi, 
It-toroq kollha jaħbtu ġo xulxin.”

(Issa li rġajt inżilt fit-toroq tagħna).

Fejn tidħol il-poeżija ta’ mħabba personalment nara aktar profondita’.  L-imħabba għandha togħmiet differenti u xi drabi tweġġa’ wkoll.  

“Fis-skiet ta’ dawk xufftejk
Illum tlift ir-raġuni, 
Burdati bħall-oħrajn, 
Jinbidlu fi staġuni.”

(Fis-skiet ta’ dawk xufftejk)

L-indifferenza ma tibdiex minnu iżda tibda minn ħaddieħor (Xħin jien nitlaq minn hawn).  Il-firda ma tibdiex minnu għax huwa kien ilu jesperjenzha minn ħafna qabel. 

L-imħabba ma toffrix soluzzjonijiet faċli u Grech jitkellem fuq sitwazzjoni fejn il-ħajja ssir artifiċjali.  Minkejja li jkun hemm ir-rabta tkun nieqsa minn ċerta’ affinita’. 

“Bejn żewġt itruf tal-baħħ, 

Dan tejatrin.
Noħolqu l-logħob kuljum 
Biex jgħaddi l-ħin.”

(Bejn iż-żewġt itruf tal-baħħ)

L-imħabba fiha l-imrar pero’ mingħajr sserraħ il-qlub, kapaċi twennes meta fl-iebes tal-ħajja tħoss xi ħadd li jagħti każek. 

“Li kieku kelli għad jien nerġa’ nterraq
It-toroq sqaqien mgħawġin tad-dinja, 
Ma nittaqalx bit-toqol tal-imgħoddi, 
Niltaqa’ miegħek”

(Li kieku)

Dak li jiddistingwi dan il-poeta huwa l-użu tal-istil tradizzjonali mingħajr ma jnaqqas xejn mill-ingredjenti tal-poeżija kontemporanja; il-valuri konservattiv anti-liberali, b-qafas spiritwali-reliġjuż u fl-istess ħin voċiferu kontra l-qerda tal-ambjent u t-tnaqqs fil-kwalita’ tal-ħajja; x-xenqa għall-imħabba u fl-istess ħin kultant irid iżomm ‘il bogħod minnha.  Dawn il-paradossi jispikkaw f’dawn il-poeżiji li huma kollha riflessjoni ta’ kemm dan il-poeta jaħseb fil-fond.  U dan il-ħsieb kultant ftit iebes, iwasslu bħal għanja ħelwa li tpaxxi lill-qarrej. 

“Li kieku dakinhar kont naf x’ser jiġri
Ma kontx illum nitbekka dak li ġara. 
Li kieku dakinhar ilbist dil-lenti,
Li kieku ma nisħetx iċ-ċpar ta’ wara.”

(Lili nnifsi)

Minbarra l-ordni alafabetika tolqotni wkoll li dan il-poeta dejjem jagħmel id-data.  Onestament ma nafx hemmx xi raġuni partikolari, jew jekk din id-data sempliċiment isservix ta’ memorja għall-istess awtur u forsi għall-istudjużi li għada pit għada janalizzaw dawn il-poeżiji.  U ġaladarba qed insemmi l-istudji, nagħlaq billi nħeġġeġ li l-qarrejja jaqraw ukoll l-analiżi ta’ Tarcisio Zarb fil-bidu ta’ dan il-ktieb.  

Għal darb’oħra poeżiji li ħadt gost naqra. 

it-torca-2020-11-01_30-30

it-torca-2020-11-01_31-31

Kissirtu kullimkien

Ta’ Lara Calleja

Pubblikazzjoni:  Merlin Publishers 

Ilkoll niftakru l-kanzunetti taljaniIl ragazzo delle Via Gluck u Un albero di trenta piani tal-kbir Adriano Celentano fejn dan l-artist jilmenta fuq l-iżvilupp li beda jsir fl-ibliet.   Dan il-ktieb jibni fuq ir-rabja ta’ bosta għall-iżvilupp eċċessiv fi gżiritna.  Imma r-rabja mhijiex biss għall-qerda ambjentali.  Ma’ din ambjentali qed neqirdu wkoll il-karattru tal-irħula, is-serenita’ fid-djar tagħna u l-kwalita’ tal-ħajja li qed ngħixu.  Għaliex jekk ninsabu mirdumin minn binjiet għoljin ma bqajniex ingawdu l-istess veduti u arja li kellna qabel.   Telenka numru ta’ diffikultajiet li spiċċajna kontra kull għażla oħra tagħna ngħixu f’dik li Calleja tiddeskrivi bħala “geġwiġija” fit-tielet storja.   In-nies jisimgħu lil xulxin fl-appartamenti, mhux għax irridu imma kif insibu fl-ewwel storja l-prezzijiet m’għadhomx kif kienu dari (ara Rożi tax-Xgħajra).  Illum  il-prezz ta’ propjeta żgħira għola m’għola s-sema (Geġwiġja) 

X’inhuma l-konsegwenzi ta’ dan kollu?   Tifla tmut għaliex jaqa’ ganċ fuq rasha (Geġwiġija).  Ovvjament din hija fittizja pero’ mhux ‘il bogħod mir-realta’ fejn kellna l-mewt ta’ mara li spiċċat maqtula taħt it-tiġrif ta’ darha stess u inċidenti oħrajn fejn weġġgħu in-nies.  Biex ma nsemmgħux ukoll il-mewt ta’ ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni. Dwar dan il-fenomenu ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu f’pajjiżna Calleja wkoll għandha storja “Konkos griż. Jemal iswed”.  Sitwazzjoni kerha li tfakkrek fil-parabbola tal-Għalqa tad-Dwieli.  Minkejja iżda li l-konkos qed jgħajjex lil Jemal, dan xorta deskritt mill-kumplament tal-poplu b’ħafna aġġettivi koroh, saħansitra terrorist, pervertit u ikrah.   Ċertament li l-awtriċi hija infurmata mid-diskors stess tal-Maltin.  Stampa tat-taħdit tal-Maltin lejn ħutna bnedmin li narawhom ser jinvadewna, ser joħdulna pajjiżna u tant differenti minna minħabba l-kulur tal-ġilda tatihulna f’”Kieku jista’, isoddok”.  Hemmhekk tatina sitwazzjonijiet differenti, bosta minnhom jixhdu diskors ta’ mibegħda.  

L-iżvilupp sfrenat tal-bini għaldaqstant f’dan il-ktieb  joffru sfont u ppreżentati bħala l-kawża ta’ ħafna problemi oħra.  Kollha huma kawża tar-regħba tal-ftit.  Insemmu lil Rożi li tispiċċa f’dar tax-xjuħ mir-raħal pittoresk tax-Xgħajra.   Hemmhekk intilfet il-karatteristika ta’ dan ir-raħal biex tat lok għal numru kbir ta’ appartamenti.  Ta’ min nieqfu ftit u niftakru ftit dwar is-sbuħija ta’ djar li kien hafna f’pajjiżna.  Id-djar antiki flok il-gabubi li qed jinbnew illum.  Ġulja u n-narratriċi jiskopru dar antika u jdawruna ma’ dar antika.  Sakemm taqa’ l-mannara fuqha wkoll. 

Fil-ktieb ma jonqsux ir-rakkonti li jiddepoloraw l-attitudini maskilista ta’ xi wħud anke żgħażagħ u ‘l mod kif inħarsu lejn il-mara – kultant mhux bħala persuna imma bħala oġġett. 

Il-ktieb mhux kompletament negattiv.  Irrid negħid li hemm mumenti ta’ tama wkoll.  Insemmi fost oħrajn ix-xufier tal-135 li kien jistenna lil Fransina, anzjana.  

Kissirtu kullimkien ta’ Lara Calleja.   B’saħħtu intens u personali u affaċċja l-problema tal-iżvilupp sfrenat madwarna.    Calleja tikteb b’mod qawwi ħafna, kif ngħidu bil-Malti sbukkat.  Hija tingħaqad ukoll mal-vuċi dominanti ħafna fiċ-ċrieki letterarji kontra l-isfreġju ambjentali. Personalment nara wkoll maturita’ mill-ewwel wieħed ta’ din l-awtriċi “Lucy, min?”.  

L-iżvilupp qed iwassal għal djar aktar żgħar, qed nitilfu l-karattru fl-irħula tagħna u s-serenita’ fid-djar tagħna, nuqqas fil-kwalita’ tal-ħajja u xi drabi anke mwiet.  Tal-anqas il-ktieb iħallina ftit nostalġija għad-djar tal-imgħoddi, għar-riħa tat-te’ u l-larinġ maqtugħ frisk minn xi siġra ġo xi bitħa.  

Dan il-ktieb jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mis-sit elettroniku https://merlinpublishers.com/product/kissirtu-kullimkien

it-torca-2020-10-04-1_32

Fir-rutina tal-kwarantina

Kitba: Alfred Massa

Pubblikazzjoni:  BDL

it-torca-2020-09-20_30

it-torca-2020-09-20_31

Dan huwa rumanz bi storja ħelwa, kif jaf jagħtina dan l-awtur Alfred Massa, imma ambjentata fi żmien partikolari:  iż-żmien tal-pandemija.  Għaldaqstant hija storja ta’ kuraġġ u tama, mhux biss dwar il-marda fiha nfisha imma għal bosta ostakli fil-ħajja li niltaqgħu magħhom.  F’dan il-ktieb fost oħrajn insibu d-dimensja, il-firda ta’ xi membri tal-familja, l-argumenti jaħarqu u saħansitra l-mewt.  Il-ħajja trid tkompli, u għalhekk naħseb li dan il-ktieb jinqeda bis-sitwazzjoni attwali imma jista’ jservi ta’ kuraġġ għal bosta realtajiet oħra. 

L-istorja tlaqqgħana mal-familja ta’ Manwel u Karmena ġenituri ta’ Pawlu, Salvinu u Norma.  Imbagħad niltaqgħu ukoll ma’ karattri oħrajn fosthom Bernard, eks maħbub ta’ Norma u Romina l-ħabiba tagħha, u oħrajn.  

F’dan ir-rumanz insibu bilanċ bejn id-djalogar u anke r-rakkont.   It-taħdit idaħħalna fl-esperjenza, fl-emozzjonijiet u l-qarrej iġarrab l-istess sentimenti.  Għoġobni ħafna li l-ktieb jibda bir-rutina tal-ħajja permezz tad-djalogu u għalhekk il-qarrej jidħol mill-ewwel fl-atmosfera.  Mill-banda l-oħra mbagħad għandna l-vuċi narranti li mhix parti mill-ġrajja u għalhekk nistgħu mhux biss nifhmu aktar dwar il-karattri, dak kollu li għaddew u li għaddejjin minnu, u anke dwar il-kuntest tal-ġrajja iddominat mill-aħbarijiet dwar il-Covid-19.  Dawn huma ppreżentati b’mod kronoloġiku ta’ kif żviluppat il-marda f’Malta, mill-ewwel każ `il quddiem, għaliex il-ġrajja tagħna hija ambjentata f’dan iż-żmien tal-pandemija. 

Dan ir-rumanz jinqasam fi 17-il kapitlu u kull kapitlu jerġa’ jinqasam f’partijiet iċken.  Dan għaliex l-awtur joħodna f’xenarji differenti.  Kif wieħed jista’ jimmaġina allura, u min qara x-xogħlijiet ta’ dan l-awtur jista’ jikkonferma, il-ktieb huwa wieħed mexxej u tieħu gost taqrah.  Waqtiet tħoss l-istess sentimenti; jiena ngħid għalija laqtitni ħafna l-istorja ta’ Bernard, Norma, Romina u anke l-mod kif daħlet ukoll Elizabeth.  Ħassejt li din kienet parti movimentata ħafna u fl-istess ħin toħloq bilanċ mad-diqa li anke jien bħala qarrej ħassejt meta tmut omm Romina.  

Jidhirli li jispikkaw ħafna t-temi ta’ firda u biża’, mumenti ħelwin u t’għaqda u dawk ta’ ferħ u mrar u xtaqt nikkummenta ftit dwarhom. 

Firda u biża’ 

Il-firda toħroġ ċar bosta drabi.  Għandna l-firda tal-mewt.  Manwel ħalla din id-dinja.  Dettal imqanqal tat-tebut ta’ omm Romina nieżel fil-ħofra.   

Firda oħra hija dik tal-post.  Il-persuni għadhom magħna imma mifrudin minn xulxin għax f’pajjiżi differenti.  Pawlu u Jessie issetiljaw f’Sheffield.  Kemm hu qawwi tak il-mument li missieru jaċċetta li ibnu ser jitlaq lejn l-Ingilterra!  

Aktar `il quddiem, wara l-marda li ħakmet lil Jessie hija tħoss in-nuqqas ta’ binha Stephen u tgħid li mhux biżżejjed li semgħet leħnu imma trid tarah.   U dan iġibni wkoll għall-firda emozzjonali.   Kif ħassitha Norma meta ssir taf li ħabibtha Romina qed toħroġ mal-eks maħbub tagħha Bernard?  Mhux ta’ b’xejn ma qaltiliex bil-mewt ta’ ommha!    Ovvjament hemm ukoll in-niket meta tinfirex mill-qraba tiegħek li qegħdin l-isptar minħabba l-Coronavirus.  

Waqt li fil-ktieb għandna mumenti ta’ ferħ ukoll kif ser nikkummenta aktar ‘il quddiem, anke l-fatt li din l-istorja sseħħ fi żmien ta’ pandemija ma jonqosx fiha mumenti ta’ biża’.   Naqraw li fil-bidu tal-pandemija fejn fil-belt Valletta naqset it-tbissima tas-soltu.   Għandna l-biża’ mill-mard u l-biża’ mill-firda.  Naqraw ngħidu aħna li “Allaħares kellu jitlef lil ommu”.   

F’mumenti ta’ biża’, r-reliġjon hija ta’ konsolazzjoni.  Naqraw li jitolbu lill-“Madonna ta’ Caraffa”.   Jgħidu r-rużarju lil Santa Rożalja.  Biex inkun ċar l-awtur ma jibnix xi sterjotip reliġjuż-kattoliku tal-poplu Malti, imma jkun realistiku.  

Mumenti ħelwin u ta’ għaqda

Fil-ktieb insibu bosta mumenti ħelwin fosthom fejn ikun hemm l-għaqda bejn il-familji u anke ħbieb.  Il-ġrajja tibda propju meta Pawlu u Jessie jirritornaw lura mill-Ingilterra. 

Bħala qarrej ħassejt u esperjenzajt din l-affinita’ bejn il-membri tal-familja u ħbieb.   Għadna mumenti ħelwin oħra t’għaqda bħal ma ngħidu aħna l-familja kollha, fosthom Pawlu  u Salvinu u n-nisa tagħhom miġbura flimkien biex jawguraw lil ommhom Karmena f’għeluq is-sebgħin sena tagħha. 

Ir-reliġjon mhijiex biss ta’ konsolazzjoni imma parti mil-kultura u tradizzjoni tal-Maltin.  Jissemma “ix-xahar ta’ San Pawl”, il-ġirżirana eċċ.  Ir-reliġjon kienet ta’ importanza kemm fl-imgħoddi, eżempju Karmena tieħu l-fjuri quddiem il-Madonna u anke fil-preżent. 

Ferħ u mrar 

Sebgħin sena ta’ ferħ u mrar, iddeskriviet ħajjitha Karmena f’għeluq is-sebgħin sena tagħha.  U hekk hu.  Il-ħajja hija mimija ward u xewk.  Fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja tkompli anke fiż-żmien ta’ din il-pandemija.  Biex idaħħalna fil-kuntest il-ktieb ifakkarna meta  tifla taljana ta’ tnax -il sena u l-ġenituri tagħha li jgħixu f’Malta qegħdin jinżammu f’taqsima iżolata fl-Isptar Mater Dei wara li kienu ċertifikati pożittivi għall-Coronavirus.   Id-diffikulta’ anke biex tmur bl-isptar minħabba l-marda.  Barra l-pandemija,   Karmena bdiet tbati bid-dimensja.  Norma kienet tilfet ukoll lil missierha ħames snin qabel.   Hemm ukoll l-aċċident ikrah li kien involut Berard, l-ambizzjoni tiegħu u anke `l mod kif kien jipprova jimmanipula.  Kif diġa semmejna Romina tilfet lil ommha. 

Mill-banda l-oħra għandna kemm hu mument ta’ ferħ meta’ Jessie rritornat lura lejn id-dar wara l-mara li ħakmitha. 

Konklużjoni 

Il-ktieb huwa ta’ 150 paġna u ideali wkoll għal min ma jħobbx kotba twal ħafna. (Mhux kumment li nħobb ngħid dwar it-tul tal-kotba imma għal raġunijiet diversi jkun hemm qarreja li jispeċifikaw dan ukoll).   Laqtuni ħafna postijiet f’Malta bħal ngħidu aħna n-naħa magħrufa bħala “il-Munxar” fir-Ramla ta’ San Tumas f’Wied il-għajn.  Il-ktieb huwa ambjentat fi żmien tal-pandemija tal-Covid-19 pero’ mhuwiex dwar hekk imma dwar l-isfidi b’mod ġenerali tal-ħajja, fosthom f’dan iż-żmien partikolari.  Kif għidt fl-introduzzjoni huwa ktieb ta’ tama, grazzi wkoll għat-tobba u l-infermiera fil-ġlieda tagħhom kontra l-Covid-19.   Mhux ta’ b’xejn li l-ktieb huwa iddedikat “lill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna, lit-tobba, lill-infermiera u lill-ħaddiema għas-sehem li qegħdin jagħtu b’risq il-poplu tagħna waqt il-pandemija tal-Covid-19”.  

Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mis-sit https://bdlbooks.com/product/fir-rutina-tal-kwarantina/