Ir-Raġel li ġie mal-lejl

Awturi : Alfred Massa
Pubblikazzjoni: Horizons

Alfred Massa m’għandu bżonn ebda introduzzjoni dwar kitba ta’ rumanzi (barra li huwa wkoll poeta).  Dan l-aħħar għadu kif tana l-ktieb “Ir-rutina tal-kwarantina” u qablu “Rebbiegħa kollha lwien”.  Issa reġa’ għandna dan il-ktieb, ġdid fjamant “Ir-raġel li ġie mal-lejl”.   Minkejja li dan huwa rumanz, l-awtur ma jinħeliex f’dewmien u kif ngħidu, tidwir mal-lewża.  Fih innifsu anke l-ktieb mhux wieħed volumuż.  Hija storja ħelwa, pero’ fl-istess ħin imħawra b’elementi ta’ misteru u emozzjoni. 

Fiċ-ċentru tal-istorja hemm il-familja ta’ Bettina, armla ta’ Victor li nsiru nafuh fl-ewwel kapitlu.  Trid tadatta għar-realta’ ġdida u b’xi mod timla l-vojt li ħalla żewġha.  Kollox jinbidel meta darba waħda bil-lejl iħabbat il-bieb raġel misterjuż li jitkarrab għall-għajnuna mqar għal dak il-lejl.  Bettina traqqdu f’darha u aktar tard tiddeċiedi li lil dan ir-raġel, li ntroduċa ruħu bħala Konrad, iżżommu f’darha sabiex jgħin fl-għelieqi.  Dan għall-ewwel kien kontra x-xewqa taż-żewġ uliedha għaliex ma setgħux jaċċettaw il-fatt li ommhom tinsa daqshekk malajr il-memorja ta’ missierhom.  Imma b’xi mod hija tipperswadihom dwar il-ħtieġa li l-familja jkollha l-għajnuna.  

Il-misteru dwar Konrad kompla jikber meta darba fost l-oħrajn jiġu żewġt irġiel u huwa mar jistaħba waqt li deher beżgħan.  Aktar tard fl-istorja tpoġġa envelopp fil-kamra ta’ Kristina li fih instabu tliet ritratti tagħha waqt li kienet f’mument ftit intimu u personali.  Dawn ir-ritratti faċilment setgħu jiġu użati bħala xi forma ta’ rikatt u għaldaqstant dan qanqal aktar ħsibijiet.   Ta’ min wieħed jgħid li Konrad kien diġa ġibed l-attenzjoni ta’ Bettina dwar il-fatt li bejn Kristina u Simone, it-tifla ta’ Girgor u Saverja li kienu ħbieb u ġirien, seta’ kien hemm rabta li tmur lil hinn minn sempliċiment ħbiberija normali.    L-istil ta’ ħajja tagħhom u l-fatt li bdew jgħixu flimkien iwassal ukoll għal nuqqas ta’ qbil bejn Girgor u Saverja dwar jekk dawn kinux affarijiet normali li qed isiru issa jew jekk hux nuqqas ta’ attenzjoni.  Saverja b’xorti ħażina iżda ħalliet din id-dinja.  Kollox jinbidel hekk kif xi pulizija ġew jistaqsu għal Konrad, li kien ilu ma jidher ftit.  U hawn insiru nafu min huwa dan Konrad li wara kollox jgħidulu l-Ġermaniż u mhu Ġermaniż xejn.  U x’rabta hemm bejn Konrad u Victor?  U x’ma kinetx taf Bettina dwar Victor?  

Dwar dan iżda ser inħalli f’idejkom il-qarrejja. Fuq kollox, kif insibu fil-kopertina ta’ dan il-ktieb, li dan ir-rumanz “iħalli lill-qarrej kurjuż biex jara xi jkun se jiġri wara – tipiku tar-rumanzi ta’ dan l-awtur tant popolari fost il-qarrejja lokali”.   Kif wieħed jistenna, Alfred Massa għandu ħakma tajba tal-ilsien Malti u din fiha nfisha tgħin biex il-kitba fiha nfisha tagħti gost lill-qarrejja.  Ma’ dawn wieħed isemmi wkoll l-aspett lokali li joħroġ ukoll kemm mill-lokalitajiet u kemm mid-drawwiet.  Dan huwa rumanz, li kif ngħidu, ma titilqux minn idejk sakemm tasal fl-aħħar paġna. 

it-torca-2021-06-13_18-18

it-torca-2021-06-13_19-19

Jien – Noti – Jien

Awturi : Immanuel Mifsud u Toni Sant
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin.

M’inix sorpriż li Toni Sant u Immanuel Mifsud jikkollaboraw flimkien fuq dan il-proġett.  It-tnejn li huma ħarġu b’ideat friski, esperimentaw fl-oqsma tagħhom.  It-tnejn li huma studjaw, qraw ħafna u daħħlu f’pajjiżna ideat ġodda u innovattivi xprunati mil-letteratura li qraw u mill-esperjenza tagħhom barra minn xtutna wkoll. 

Dan il-ktieb huwa forma ta’ djarju, mitkub waqt il-perjodu tal-pandemija, b’tapep mużikali li jixprunaw il-ħsieb u l-memorji lura għas-snin sebgħin il hawn.  Li ġara kien li matul dan il-perjodu li fih konna magħluqin fid-djar tagħna sabiex nipproteġu ruħna mill-marda ġdida li ġabet bosta tensjoni, kemm Immanuel u kemm Toni (f’dan l-artiklu nippreferi nuża l-ewwel isem kif imdorrijin bih), kienu jtellgħu permezz ta’ facebook numru ta’ memorji li lkoll niftakru u magħhom kienu jinkludu wkoll xi biċċa mużika.    Forsi ta’ min insemmu wkoll li f’dawk iż-żminijiet Immanuel kien joffrielna wkoll qari minn xogħlijiet tiegħu, kollox online,  li kienu jkunu segwiti ferm.  

Għalhekk dan il-ktieb huwa maqsum fi tnejn:  Ir-rakkonti ta’ Immanuel u dawk ta’ Toni.  Fih insibu erba’ u tletin rakkont kull wieħed, simili bħal dawk li ttellgħu permezz ta’ Facebook.  Isfel naraw liema mużika kienu semmgħu dak in-nhar.   Pero’ mbagħad fil-kontenut tal-istejjer jissemmgħu ukoll numru ta’ kanzuneti oħrajn popolari – mużika li tant influwenzat nies u mhux inqas lil dawn l-awturi. 

Naturalment kif bosta jafu, (Toni huwa espert dwar hekk), kitba fuq Facebook trid tkun qasira biex tkun effettiva.  Niftiehmu li dawn l-istejjer ukoll huma konċiżi, iwasslu l-messaġġ b’mod dirett, imma għalkemm ma niftarx dak kollu li kitbu Immanuel u Toni fuq Facebook, nifhem li permezz ta’ ktieb aktar setgħu jartikolaw il-ħsieb u jwasslu aħjar dak li kellhom xi jgħidu. 

Lil Toni Sant niftakruh ukoll bil-programm Noti Memorabbli fuq Campus FM, programm li l-għan tiegħu kien propju storjografija tal-mużika.  U allura meta rajt dan il-ktieb Jien Noti Jien ma setax ma jfakkarnix fdan il-programm, li naħseb li influwenza mhux ftit l-iżvilupp ta’ dan ix-xogħol. 

Li l-qarrej isib xi storja li jiftakar hija xi ħaġa ħelwa u mistennija meta jaqra dan il-ktieb.  Fil-ktieb ser insibu dwar meta konna nużaw it-TDK, meta miet Elvis, meta bdejna nerġgħu nieħdu sehem fil-Eurovision u ħafna oħrajn.   Irrid ngħid li personalment Toni Sant fakkarni ftit ukoll fiż-żmien tal-MaltaMedia, flimkien ma’ Martin Debattista, għaliex dak iż-żmien kont insegwi sew dan is-sit u ngħatajt permess biex inxandar l-aħbarijiet ta’ din il-paġna fuq radju tal-komunita’.  Għall-qarrejja tagħna, xi stejjer jistgħu ikunu nostalġiċi.  Imma dawn l-istejjer imorru lil hinn minn hekk. Id-differenza minn djarju normali, hija li l-verita’ f’dan il-ktieb tista tkun mistħajla u żviluppata matul is-snin.  Dan ifisser li mhux importanti daqstant il-lealta’ lejn il-fatti kif ġraw, imma għalkemm il-memorja tkun veritiera xorta tista’ tkun selettiva mingħajr ma tkun mistħajla. Għaldaqstant il-fatti li għandna huma magħġuna mill-esperjenza li nġemgħu matul is-snin, għaliex sadanittant u fil-mument li l-awturi qed jirrakontaw dawn il-ġrajjiet, huma laħqu qraw aktar, ġemgħu aktar esperjenzi f’ħajjithom.   Tant hu hekk li fil-ktieb stess insibu referenzi aktar riċenti, bħal dik għall-ktieb ta’ Immanuel, Jutta Heim, sabiex tinħoloq referenza għal xi ħaġa li tmur lura aktar fi żmien. 

Li laqatni f’dan il-ktieb huwa l-fatt li ma ma jeħilx mal-era lokali ta’ Mintoff u Fenech Adami.  Ma’ dawn il-memorji jispikkaw avvenimenti oħra li ġraw madwar id-dinja.  Mhumiex neqsin esperjenzi f’Malta, bħar-refernza ta’ meta in-Nazzjon dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-“In_Tagħna” u ħafna oħrajn.  Imma mbagħad insibu bosta referenzi għal dak li kien qed jiġri madwar id-dinja.  U jekk xejn dan juri kemm dawn il-kittieba kienu dejem attenti, u għandhom x’joffru.  

Insibu wkoll referenzi li forsi jekk irid, b’għażla personali, l-qarrej jista’ jgħarrex ftit iżjed fil-ħsieb.  U hawn jiġini f’moħħi r-referenza għal ktieb ta’ Paul Willis, Learning to labour u l-famuża frażi li t-tfal tal-ħaddiema jibqgħu fil-qafas tal-klassi tal-ħaddiema.  

Forsi l-mistoqsija li tiġi wara li taqra dan il-ktieb hija:  Liema huma dawk il-memorji li ma ġewx inklużi f’dan l-ktieb?  Hemm xi esperjenzi oħra li tiftakru min għex fdawn iż-żminijiet?  Il- mistoqsijiet l-oħrajn huma għall-qarrejja:  tiftakru xi eposodji milli nsibu f’dan il-ktieb?  

U l-kanzunetti msemmija f’dan il-ktieb, iwasslulkom xi messaġġi?  

it-torca-2021-05-30_24-24

it-torca-2021-05-30_25-25

Il-Gaġġa: Ħamsin Anniversarju

it-torca-2021-04-04-1_28-28

it-torca-2021-04-04-1_29-29

Fid-9 t’April li gej il-Klabb Kotba Maltin jagħlaq 50 sena mill-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb tiegħu – Il-Gaġġa.  Fil-fehma tiegħi dan ir-rumanz kien wieħed revoluzzjonarju, kellu bixra ġdida, u jassoċja mal-ħsieb progressiv.  Ir-revoluzzjoni iżda hija waħda li ma tweġġax, li tgħallem u li teduka.  Għaliex dan huwa rumanz li jixtieq ibiddel is-soċjeta’ Maltija, mingħajr iżda, ngħid jien, ma jinqata’ minna.  

Il-Gaġġa huwa meqjus minn kritiċi ewlenin bħala l-ewwel rumanz tassew psikoloġiku fil-letteratura Maltija.Kellu suċċess kbir u stabilixxa r-reputazzjoni ta’ Sammut bħala wieħed mill-awturi stabbiliti li b’dan ir-rumanz u kotba oħrajn kbar bħal Samuraj ħalla timbru kemm fis-soċjeta’ u fil-letteratura Maltija.  Jibqa’ wkoll jiġi studjat għal numru ta’ snin.  Dwar dan il-ktieb kien sar ukoll film li rrappreżenta lil Malta fil-European film festiva fi Brussels.   Għal dan il-għan f’din il-Paġna nħoss li għandi nagħti ħarsa lejn dan ir-rumanz kbir u l-legat tiegħu. 

L-awtur Frans Sammut 

Frans Sammut twieled Ħaż-Żebbuġ fid-19 ta’ Novembru 1945. Studja l-Kulleġġ San Alwiġi u wara l-Università ta’ Malta, imnejn kiseb Baċellerat fl-Għarbi u l-Malti, Diploma fit-Teoloġija, u M.Ed. fl-Istorja, u l-Università ta’ Peruġja, l-Italja, imnejn kiseb Diploma fit-Taljan. Kien għalliem u surmast ta’ skola, u kien imdaħħal fil-politika, billi ħadem fis-Segretarjat Privat ta’ Ministri Laburisti u tal-Prim Ministru Alfred Sant u kien wieħed mill-fundaturi u membri attivi tad-Dipartiment tat-Tagħrif tal-Partit tal-Ħaddiema.

Fil-fatt, is-Sensiela Kotba Soċjalisti bdiet proprju bi ktieb tiegħu.

Iżda ktieb tiegħu kien ukoll l-ewwel pubblikazzjoni ta’ dar oħra Maltija tal-pubblikazzjonijiet, il-Klabb Kotba Maltin, li bdiet proprju b’Il-Gaġġa, mitbugħ għall-ewwel darba fl-1971.

Frans Sammut kiteb 22 ktieb, fosthom ir-rumanzi SamurajPaceville u Il-Ħolma Maltija u edizzjonijiet annotati ta’ xogħlijiet ta’ Vassalli, fosthom il-ġabra magħmula minn Vassalli tal-qwiel Maltin. Kiteb ukoll opri bl-għana, teledrammi, u oratorji.

Wara mewtu nħarġu 3 kotba li ma laħaqx ħareġ f’ħajtu: Ġrajjet it-Tagħlim f’MaltaI Giovanniti: Storia dei Cavalieri di Malta (maħruġ l-Italja) u Le Due Vite di Cagliostro (ukoll maħruġ l-Italja).

It-Torċa kienet ippubblikat l-ewwel 3 kapitli tar-rumanz mhux mitmum ta’ Frans Sammut dwar l-impostura tal-qassis Malti l-Abbati Vella.

Frans Sammut kien miżżewweġ lil Catherine, u kellhom żewġ ulied, Mark u Jean-Pierre. Miet fl-4 ta’ Mejju 2011, fl-età ta’ 65 sena.

Tkellimt ma’ iben l-awtur, Dr Mark A. Sammut Sassi

Kien ta’ pjaċir kbir għalija li għal din l-okkażjoni tkellimt ma’ iben l-awtur, Dr Mark A. Sammut Sassi. 

Għaliex ir-rumanz Il-Gaġġa għandna nfakkru l-ħamsin anniversarju minn meta ħareġ?

Qabel xejn, irrid nirringrazzja lil It-Torċa u lilek b’mod partikolari talli qegħdin tfakkru dal-anniversarju  mhux traskurabbli fil-Letteratura Maltija.

Il-letteratura ta’ pajjiż tirrifletti r-ruħ tan-nazzjon. Pajjiż li ma jiktibx dwaru nnifsu u dwaru ġensu hu pajjiż mejjet. Spiritwalment mejjet.

Il-ħajja mhix biss il-flus u l-għana. Dawk huma importanti, m’għandniex xi ngħidu, għax bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. Imma ħajja mingħajr tiftix ġewwieni, mingħajr tiftix ta’ x’hemm lil hinn mill-ġid materjal, hi ħajja-mewt. X’jiswa li tkun tfur bil-flus jekk imbagħad ma tifhimx lilek innifsek? Tiġi qisek zombie, mejjet-ħaj.

Għalhekk il-Letteratura hi importanti għal nazzjon, għax il-ħajja mingħajr rakkonti li jfittxu t-tifsir wara l-ġrajjiet, hi ħajja-mewt. Il-kittieba għandhom dar-rwol tant prezzjuż fl-eżistenza tan-nazzjon.

Il-Gaġġa hu rumanz li jokkupa – mhux fil-fehma tiegħi, imma fil-fehma ta’ dawk li jifhmu aktar minni – post ewlieni u fundamentali fil-Letteratura ta’ pajjiżna. Ngħidu aħna, għaxar snin ilu, ftit jiem wara li missieri għalaq għajnejh, Dr Mario Vella kiteb fit-Times li Il-Gaġġa kien‘certainly a milestone event in Maltese literature. Fost raġunijiet oħra, għax dar-rumanz hu l-ewwel rumanz tabilħaqq psikoloġiku bil-Malti. Hu vjaġġ intern fil-moħħ tal-protagonist, l-ewwel u qabel kollox.

X’tista’ tgħidilna dwaru dal-vjaġġ?

Il-protagonist, Fredu Gambin, hu żagħżugħ Malti li qed jipprova jsib saqajh fid-dinja. Qed jgħix fis-snin meta pajjiżu qed jikseb l-indipendenza mill-ħakkiem kolonjali, u allura pajjiżu wkoll qed jipprova jsib saqajh fid-dinja.

Dawn iż-żewġ binarji jgħaddu matul il-firxa tar-rumanz. Malta li qed tikber f’pajjiż indipendenti; Fredu li qed jikber f’individwu indipendenti. Jew, tal-anqas, qed jippruvaw.

Imma mhix faċli, la għal Fredu u lanqas għal Malta.

L-istorja ta’ Fredu hi storja ta’ żagħżugħ li – bħal tista’ tgħid iż-żgħażagħ kollha – qed iħabbat wiċċu mal-ewwel esperjenzi tal-imħabba u tad-dinja tax-xogħol.

Iżda Fredu jidħol fi sqaq wieħed wara l-ieħor u ma jistax isib it-triq li jħoss li hi tiegħu u li twasslu għall-fażi li jmiss f’ħajtu.

U allura jħoss li ħajtu qed issir gaġġa u jrid jaħrab minnha, billi jitlaq minn Malta u jittanta xortih barra.

Nibqgħu bit-togħma, imma, li l-gaġġa hi waħda ġewwiena. Ma tinstabx barra Fredu, imma ġo fih.

Qatt tkellimt mal-papà tiegħek dwar dar-rumanz?

Il-papà kien pjuttost kburi b’dar-rumanz, il-għaliex kien qala’ ħafna kritika pożittiva. Naħseb nista’ ngħid bla tlaqliq li kien meqjus bħala l-aqwa rumanz li kien inkiteb bil-Malti sa dak iż-żmien. It-tifħir kien kbir u kienu bosta li bassru li Frans Sammut se jkun wieħed mill-akbar ismijiet fil-Letteratura Maltija. Fil-fatt, matul is-snin ħarġu ħames edizzjonijiet tiegħu dar-rumanz, u saħansitra ssejjes film fuqu.

Jekk nista’ nesprimi opinjoni dwar dal-film, inħoss li filwaqt li fih interpretazzjonijiet tajbin ħafna ta’ reċtar, id-direzzjoni tiegħu l-lum tista’ titqies skaduta, hemm wisq teknika tas-snin ’70 li l-lum tinħass li ma tgħaddix mit-test taż-żmien. Tkun ħaġa sabiħa likieku xi ħadd mid-diretturi l-ġodda li pajjiżna qed jistagħna bihom jidħol għal remake ta’ dal-film, u jkun skont l-istandards ta’ żminijietna. L-istorja għadha rilevanti għal-lum.

Però, ma weġibthiex il-mistoqsija tiegħek. Darba l-papà qalli li dak ir-rumanz fasslu b’lura, fis-sens li t-tfassil tiegħu bdieh mill-aħħar u ħadmu b’lura. L-idea kienet li Fredu Gambin jitlaq minn Malta u jittanta xortih barra. Biex lil Fredu jwasslu għal did-deċiżjoni u jikkonvinċi lill-qarrej li l-għażla ta’ Fredu kienet waħda ta’ bilfors (fis-sens li ma kellux għażla oħra), il-papà bena r-rumanz b’lura, u kull triq li jsib quddiemu Fredu, l-istorja ddawwarha fi sqaq. Kważi determiniżmu, biex ingħid hekk. Dan għaliex il-filosofija wara Il-Gaġġa hi li t-tmiem jagħti t-tifsira lill-vjaġġ. U fl-aħħar tal-vjaġġ, il-qarrej jikkonvinċi ruħu li kollox kellu bilfors ikun hekk, li l-għażliet ma humiex verament għażliet imma huma, fil-verità, l-imkien waħdani mnejn il-protagonist seta’ jgħaddi meta nqisu ċ-ċirkostanzi kollha.

Il-papà ma daħalx f’dad-dettall kollu. Kulma qalli kienu ftit kelmiet: li fasslu b’lura biex kull triq tiġi skartata għax m’hemmx għażla oħra. Ma nafx jekk l-istudjużi tkellmux dwarha din.

Xi tgħidli dwar l-użu tal-Malti f’dar-rumanz?

Naħseb wieħed mill-aktar elementi tar-rumanz li impressjonaw lill-kritiċi, u lill-qarrejja, kien proprju l-użu tal-Malti.

Il-papà mhux biss inqeda b’Malti sabiħ – kif wara kollox kien jaf jagħmel bil-ħila ta’ mgħallem – imma bexxex il-ktieb b’riferenzi letterarji għal awturi oħrajn. Allura min qara l-awturi klassiċi li ġew qabel il-papà, seta’ jintebaħ li Frans Sammut kien qiegħed il-ħin kollu jirreferi għalihom. Din jgħidulha intertestwalità u għandi nifhem li dal-aspett ġie studjat fl-Università.

Filfatt, dar-rumanz jiġi studjat l-Università ta’ Malta, hux tassew?

Iva, mill-anqas fil-korsijiet tad-Dipartiment tal-Malti. Jien inħoss li għandu jiġi studjat f’Dipartimenti oħrajn ukoll.

Xi 6 snin ilu, l-istudentessa Stephanie Farrugia qalbet siltiet minnu għall-Ingliż u naħseb għamlet biċċa xogħol sabiħa ħafna. Inħeġġiġha titħajjar tkomplih ix-xogħol.

Li jdejjaqni – biex nitkellem ċar – hu li jsiru l-fotokopji, b’nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet dwar il-jeddijiet tal-awtur, tal-copyright biex niftehmu. L-Università jmissha tgħallem lill-istudenti kif jobduha l-liġi, mhux kif iduru madwarha. Inkella l-istudenti jkunu qed jitgħallmu tagħlim mejjet, maqtugħ mill-valuri t-tajbin u mill-ħajja taċ-ċittadin rett u bil-għaqal.

Tkellimt mal-Professur Arnold Cassola

Il-Professur Arnold Cassola huwa lettur u riċerkatur u għadu jgħallem dan ir-rumanz u għaldaqstant qasam ukoll xi ftit ħsibijiet magħna. 

Fost oħrajn qalilna:  

“”Il-Gaġġa huwa għalija wieħed mill-kapolavuri tal-letteratura Maltija moderna, rumanz li fih l-awtur kellu l-kuraġġ jisfida d-drawwiet tipiċi li kienu jikkaratteriżżaw il-ħajja tradizzjonali Maltija u jesponi l-ipokrisija ta’ soċjeta’ li kienet qed tgħix priġuniera ta’ drawwiet foloż li ġew imposti fuqha minn min fil-ħajja kien aktar medhi mill-apparenza milli mis-sustanza.  Rumanz li jiena nqis bħala klassiku modern.”  

Studju essenzjali dwar dan il-ktieb huwa ċertament “Migration in contemporary Maltese fiction”, propju tal-istess Professur Cassola. 

F’dan l-artiklu Cassola jqabbel il-karattru ta’ Fredu Gambin, il-karattru ewlieni f’dan ir-rumanz ma’ dak ta’ Raymond f’L-Ewwel Weraq tal-Bajtar ta’ Alfred Sant. 

Għall-kungress dwar l-Identita’ Maltija, organizzat mill-AZAD fl-1994, il-Professur Cassola reġa’ għamel dan il-paragun u qal hekk:   

“Fredu Gambin, fil-Gaġġa ta’ Frans Sammut, l-ewwel jaħrab minn raħaltu għal Tas-Sliema. Iżda għalxejn. Imbagħad, bħal Raymond, jiddeciedi li jemigra. Mhux qabel, iżda, rna jkun għadda minn moħħu l-ħsieb tas-suwicidju , il-ħarba estrema mid-djuq tal-ambjent Malti.”  

L-aħħar ħsibijiet 

Ippreżentajtilkom intervista qasira ma’ Dr Mark Sammut, kumment ta’ Prof Arnold Cassola u anke l-istudji tiegħu.  Forsi magħhom inżid ukoll l-analiżi tal-Professur Peter Serracino Inglott li wieħed jista’ jsibha wkoll f’xi verżjonijiet ta’ dan il-ktieb.   Ovvjament ftit li xejn hemm xi nżid, pero’ xtaqt naqsam magħkom kumment għal riflessjoni (u għal dan ħadt il-liberta’ biex nagħmel hekk).  X’nitgħallmu mir-realta’ tal-immigranti fostna?  Kemm huwa diffiċli li ma jibqgħux “fir-raħal” tagħhom anke waqt li jkunu fostna?  Waqt li jaspiraw li jfittxu ħajja aħjar u jafu li hija aħjar, xorta hemm xenqa għal pajjiżhom minkejja t-tbatija?  Qed nagħmlu biżżejjed biex niffaċilitaw din it-tranżizzjoni u aħna, l-poplu, konxji ta’ dan il-proċess?  

Ktieb bħal dan ċertament mhux biss jibqa’ jwassal għal diversi studji u analiżi, imma l-qarrejja bħali, jħallilna spunt għal ħafna riflessjonijiet fuq temi oħrajn madwarna. 

Il-Professur Għasfur fl-Ispazju

Awtur: Ġorġ Mallia

Pubblikazzjoni: Merlin

Wieħed mis-suċċessi l-aktar mhux tas-soltu tal-aħħar snin f’dan il-ġeneru kien Il-Professur Għasfur ta’ Ġorġ Mallia.   Dan il-karattru ukoll ingħaqad m’oħrajn u sar wieħed mill-favoriti mat-tfal Maltin.  Wara ħafna talbiet u mistoqsijiet mingħand il-qarrejja, Mallia ħareġ b’sequel, Il-Professur Għasfur fl-Ispazju, li għadhom kemm ippubblikaw il-Merlin Publishers.

Il-karattru prinċipali f’dan il-ktieb huwa Pawlu.  Pawlu kien iħobb jaqra kotba tal-fantaxjenza.  Darba fost l-oħrajn kien fuq ir-rota fil-wied u jara vettura spazjali li kienet fuq dar. Wara, lura fid-dar jiltaqa’ mal-Professur Għasfur li spjegalu li l-vettura spazjali kien jużha għax l-aljeni kienu ser jattakkaw id-dinja u hu ried ikun jaf aktar.  Pawlu staqsih kif kien jaf dan kollu u urih il-fekruna maġika lli kienet tisma’ dak li jiġri fl-ispazju.  Il-fekruna ltqajna magħha fl-ewwel ktieb fejn bħala narratriċi lil Katrina, tifla li ssalva s-sitwazzjoni wara li hi, flimkien mal-Professur u mal-fekruna maġika li kapaċi titkellem, jaqsmu għal ġo dimensjonijiet strambi u differenti abbord il-pjattaforma trans-dimensjonali tal-Professur inventur. 

Il-professur Għasfur qallu dwar il-ħabiba tiegħu, il-Professur Gremxula li kienet esperta fil-bijoloġija u l-antropoloġija, u l-irwol tagħha hu kruċjali biex sħabna jifhmu n-natura ta’ dawn l-aljeni.  Peress li kien jaf b’dan kollu issa Pawlu daħal fis-sitwazzjoni u kellu bżonn li jibqa’ jaħdem magħhom.   U meta kienu preparati biex imorru fl-ispazju qabdu spaceship.  Hemm jiltaqgħu ma ‘ dehra mhux tas-soltu għax jiltaqgħu ma’ vettura stellari tal-aljeni.  Huma riedu jsibu l-aljeni biex iġibu mqar farka tal-ġilda tagħhom sabiex jakkwistaw id-DNA.  Biex jagħmlu dan kellhom diversi għodda fosthom biex isiru inviżibbli.   Huma sabu tliet aljeni li rnexxielhom jaħtfu taħt idejhom, ħadulhom id-DNA u skoprew ħafna informazzjoni dwarhom.  Huma ħadmu qatigħ dwar dan u reġgħu telgħu fl-ispazju u ordnaw lil aljeni biex imorru lura minn fejn ġew.  

Ċertament azzardajt ngħid iktar milli jmissni, pero’ nistqarr li nieħu gost nirrakonta dan il-ktieb daqs kemm ħadt gost naqrah.  Ovvjament issa nħalli lit-tfal  biex jiskopru meta jaqraw il-ktieb.

Il-Professur Għasfur fl-Ispazju jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew online minn merlinpublishers.com 

it-torca-2021-03-07_18-18

Ix-Xwejjaħ tal-Ġugarelli u stejjer oħra

Awtur: Patrick Sammut

Pubblikazzjoni: Horizons

Din hija l-ħames ġabra ta’ stejjer għat-tfal ta’ Sammut.   il-fatt fl-2010 fost oħrajn ħareġ il-ktieb “Avventura żgħira f’ta’ qali u stejjer oħra” u fl-2012 “Tommy u s-sabiħ tal-qari u rakkonti oħra għat-tfal”, “Ħolm qabel l-irqad” u “Stejjer mill-Bosk”.   Hawn insibu 17-il storja ġdida li fl-imgħoddi l-awtur irrakkonta lil uliedu tard filgħaxija, u li wara għaddiehom minn proċess ta’ tirqim li għamilhom tajbin biex jinqraw kemm miż-żgħar kif ukoll minn min ħalla warajh l-età tal-ħolm u tal-innoċenza. 

Fil-ktieb naraw kemm lit-tfal bħala karattri protagonisti kif ukoll bhejjem differenti u personaġġi oħra u għalhekk dan il-ktieb joffri ambjent fejn it-tfal jistgħu jimirħu fl-immaġinazzjoni.  

L-istejjer huma qosra u ħelwin.  Fl-istorja li ġġib it-titlu prinċipali ngħidu aħba, Bastjan ix-xwejjaħ li kien imur minn raħal sa raħal jferraħ lit-tfal u  jagħmel il-ġugarelli.  Darba waħda iżda daħal f’raħal minnhom u ma reġax ħareġ għax sab kenn taħt ħarruba fejn bena ferrovija kbira.  F’ “Il-ġurdien tal-Imramma Makakk” għandna personifikazzjoni.  Fi żmien fejn ma kienx hemm kumditajiet moderni Iz-zija Żarena kienet poġġi l-ikel f’kamra fejn la kien hemm sħana u lanqas umdita’.  Il-kamra kienet magħluqa b’bieb oħxon.  Iżda dan ma kienx biżżejed għal ġurdien makakk li kien jistenna lil Żarena tmur fil-kamra ta’ fuq, joħroġ mit-toqba tiegħu.  Kull ma jmur dejjem kien igerrem ftit aktar il-bieb u rnexxielu jidħol fil-kamra.  Li ma kinetx taf Żarena kien bit-toqba li kien għamel.   Lanqas in-nases ma ħadmu u għalhekk ġabet qattus.   Il-ġurdien iżda kien makakk biżżejjed u ħadem ġurdien-pupazz.  L-aħjar soluzzjoni għaz-zija Żarena kienet li ssir ħabiba mal-ġurdien tal-Imramma. Fl-istorja ‘Ir-Rota maħruba”, il-ġenituri ta’ Pawlu li kien tifel xtrawlu rota sabiħa.  Kien juża ż-żewġ roti żgħar biex iżomm il-bilanċ, minkejja l-insistenza ta’ missieru.  Jum fost l-oħrajn kien qed juża r-rota u ġrew il-klieb warajh. Tant ġera li r-roti ta’ wara nqalgħu u bla ma nduna beda jaqdef mingħajr ir-roti ta’ wara.    Anke r-Raġel tal-Milied sab postu f’dawn l-istejjer.   Kien qed joqrob il-Milied u r-raġel tal-Milied beda jipprepara biex iqassam ir-rigali.  Fit-tramuntana tad-dinja jew kien dejjem xemx jew inkella dlam.   Tant kien imħabbat jaqra l-ittri fost oħrajn u tant kien jaħseb fuq ħaddieħor li spiċċa saħansitra jinsa lilu nnifsu.   Induna li kien hemm bżonn jieħu ħsieb saħħtu meta kien ser jidħol jorqod u ra lilu nnifsu fil-mera.  Hemm ra l-ħwejjeġ ta’ taħt imsewwijin malajr, imma kien impossibli li jmur jixtri xi mkien għalih.  Ġara iżda li fi gżira fil-Mediterran kien hemm tifel jismu Bernardinu li ried ikun ftit differenti.  Meta ġie biex jikteb lil Father Christmas, ħaseb biex jagħtih xi ħaġa hu, u kitiblu biex jixtrilu xi ħwejjeġ.   Father Christmas ħaseb mal-ewwel li Bernardinu kien tifel speċjali u għalhekk tah rigal speċjali:  Vażett li minnu kienet toħroġ riħa tfuħ u tagħtik ferħ u hena. 

Sammut juża lingwa u stil mexxejja, flimkien ma’ Malti idjomatiku, biex b’hekk l-esperjenza tinbidel f’waħda li tagħti pjaċir u tgħaddi wkoll messaġġ pożittiv. Kunfidenza fost it-tfal, imħabba lejn in-natura, u mħabba lejn l-annimali    L-ispazji fejn isseħħ lazzjoni tal-istejjer huma familjari, u oħrajn li jmorru lil hinn mir-realtà li mdorrijin inġarrbu kuljum. Dawn huma stejjer li joffru waqtiet ta’ mistrieħ u ta’ riflessjoni lill-qarrejja minn għaxar snin ’il fuq.

Dan il-ktieb jinkiseb mis-sit elettroniku https://horizons.com.mt/ jew mill-ħwienet ewlenin. 

it-torca-2021-03-07_18-18