Fid-9 t’April li gej il-Klabb Kotba Maltin jagħlaq 50 sena mill-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb tiegħu – Il-Gaġġa. Fil-fehma tiegħi dan ir-rumanz kien wieħed revoluzzjonarju, kellu bixra ġdida, u jassoċja mal-ħsieb progressiv. Ir-revoluzzjoni iżda hija waħda li ma tweġġax, li tgħallem u li teduka. Għaliex dan huwa rumanz li jixtieq ibiddel is-soċjeta’ Maltija, mingħajr iżda, ngħid jien, ma jinqata’ minna.
Il-Gaġġa huwa meqjus minn kritiċi ewlenin bħala l-ewwel rumanz tassew psikoloġiku fil-letteratura Maltija.Kellu suċċess kbir u stabilixxa r-reputazzjoni ta’ Sammut bħala wieħed mill-awturi stabbiliti li b’dan ir-rumanz u kotba oħrajn kbar bħal Samuraj ħalla timbru kemm fis-soċjeta’ u fil-letteratura Maltija. Jibqa’ wkoll jiġi studjat għal numru ta’ snin. Dwar dan il-ktieb kien sar ukoll film li rrappreżenta lil Malta fil-European film festiva fi Brussels. Għal dan il-għan f’din il-Paġna nħoss li għandi nagħti ħarsa lejn dan ir-rumanz kbir u l-legat tiegħu.
L-awtur Frans Sammut
Frans Sammut twieled Ħaż-Żebbuġ fid-19 ta’ Novembru 1945. Studja l-Kulleġġ San Alwiġi u wara l-Università ta’ Malta, imnejn kiseb Baċellerat fl-Għarbi u l-Malti, Diploma fit-Teoloġija, u M.Ed. fl-Istorja, u l-Università ta’ Peruġja, l-Italja, imnejn kiseb Diploma fit-Taljan. Kien għalliem u surmast ta’ skola, u kien imdaħħal fil-politika, billi ħadem fis-Segretarjat Privat ta’ Ministri Laburisti u tal-Prim Ministru Alfred Sant u kien wieħed mill-fundaturi u membri attivi tad-Dipartiment tat-Tagħrif tal-Partit tal-Ħaddiema.
Fil-fatt, is-Sensiela Kotba Soċjalisti bdiet proprju bi ktieb tiegħu.
Iżda ktieb tiegħu kien ukoll l-ewwel pubblikazzjoni ta’ dar oħra Maltija tal-pubblikazzjonijiet, il-Klabb Kotba Maltin, li bdiet proprju b’Il-Gaġġa, mitbugħ għall-ewwel darba fl-1971.
Frans Sammut kiteb 22 ktieb, fosthom ir-rumanzi Samuraj, Paceville u Il-Ħolma Maltija u edizzjonijiet annotati ta’ xogħlijiet ta’ Vassalli, fosthom il-ġabra magħmula minn Vassalli tal-qwiel Maltin. Kiteb ukoll opri bl-għana, teledrammi, u oratorji.
Wara mewtu nħarġu 3 kotba li ma laħaqx ħareġ f’ħajtu: Ġrajjet it-Tagħlim f’Malta, I Giovanniti: Storia dei Cavalieri di Malta (maħruġ l-Italja) u Le Due Vite di Cagliostro (ukoll maħruġ l-Italja).
It-Torċa kienet ippubblikat l-ewwel 3 kapitli tar-rumanz mhux mitmum ta’ Frans Sammut dwar l-impostura tal-qassis Malti l-Abbati Vella.
Frans Sammut kien miżżewweġ lil Catherine, u kellhom żewġ ulied, Mark u Jean-Pierre. Miet fl-4 ta’ Mejju 2011, fl-età ta’ 65 sena.
Tkellimt ma’ iben l-awtur, Dr Mark A. Sammut Sassi
Kien ta’ pjaċir kbir għalija li għal din l-okkażjoni tkellimt ma’ iben l-awtur, Dr Mark A. Sammut Sassi.
Għaliex ir-rumanz Il-Gaġġa għandna nfakkru l-ħamsin anniversarju minn meta ħareġ?
Qabel xejn, irrid nirringrazzja lil It-Torċa u lilek b’mod partikolari talli qegħdin tfakkru dal-anniversarju mhux traskurabbli fil-Letteratura Maltija.
Il-letteratura ta’ pajjiż tirrifletti r-ruħ tan-nazzjon. Pajjiż li ma jiktibx dwaru nnifsu u dwaru ġensu hu pajjiż mejjet. Spiritwalment mejjet.
Il-ħajja mhix biss il-flus u l-għana. Dawk huma importanti, m’għandniex xi ngħidu, għax bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. Imma ħajja mingħajr tiftix ġewwieni, mingħajr tiftix ta’ x’hemm lil hinn mill-ġid materjal, hi ħajja-mewt. X’jiswa li tkun tfur bil-flus jekk imbagħad ma tifhimx lilek innifsek? Tiġi qisek zombie, mejjet-ħaj.
Għalhekk il-Letteratura hi importanti għal nazzjon, għax il-ħajja mingħajr rakkonti li jfittxu t-tifsir wara l-ġrajjiet, hi ħajja-mewt. Il-kittieba għandhom dar-rwol tant prezzjuż fl-eżistenza tan-nazzjon.
Il-Gaġġa hu rumanz li jokkupa – mhux fil-fehma tiegħi, imma fil-fehma ta’ dawk li jifhmu aktar minni – post ewlieni u fundamentali fil-Letteratura ta’ pajjiżna. Ngħidu aħna, għaxar snin ilu, ftit jiem wara li missieri għalaq għajnejh, Dr Mario Vella kiteb fit-Times li Il-Gaġġa kien‘certainly a milestone event in Maltese literature’. Fost raġunijiet oħra, għax dar-rumanz hu l-ewwel rumanz tabilħaqq psikoloġiku bil-Malti. Hu vjaġġ intern fil-moħħ tal-protagonist, l-ewwel u qabel kollox.
X’tista’ tgħidilna dwaru dal-vjaġġ?
Il-protagonist, Fredu Gambin, hu żagħżugħ Malti li qed jipprova jsib saqajh fid-dinja. Qed jgħix fis-snin meta pajjiżu qed jikseb l-indipendenza mill-ħakkiem kolonjali, u allura pajjiżu wkoll qed jipprova jsib saqajh fid-dinja.
Dawn iż-żewġ binarji jgħaddu matul il-firxa tar-rumanz. Malta li qed tikber f’pajjiż indipendenti; Fredu li qed jikber f’individwu indipendenti. Jew, tal-anqas, qed jippruvaw.
Imma mhix faċli, la għal Fredu u lanqas għal Malta.
L-istorja ta’ Fredu hi storja ta’ żagħżugħ li – bħal tista’ tgħid iż-żgħażagħ kollha – qed iħabbat wiċċu mal-ewwel esperjenzi tal-imħabba u tad-dinja tax-xogħol.
Iżda Fredu jidħol fi sqaq wieħed wara l-ieħor u ma jistax isib it-triq li jħoss li hi tiegħu u li twasslu għall-fażi li jmiss f’ħajtu.
U allura jħoss li ħajtu qed issir gaġġa u jrid jaħrab minnha, billi jitlaq minn Malta u jittanta xortih barra.
Nibqgħu bit-togħma, imma, li l-gaġġa hi waħda ġewwiena. Ma tinstabx barra Fredu, imma ġo fih.
Qatt tkellimt mal-papà tiegħek dwar dar-rumanz?
Il-papà kien pjuttost kburi b’dar-rumanz, il-għaliex kien qala’ ħafna kritika pożittiva. Naħseb nista’ ngħid bla tlaqliq li kien meqjus bħala l-aqwa rumanz li kien inkiteb bil-Malti sa dak iż-żmien. It-tifħir kien kbir u kienu bosta li bassru li Frans Sammut se jkun wieħed mill-akbar ismijiet fil-Letteratura Maltija. Fil-fatt, matul is-snin ħarġu ħames edizzjonijiet tiegħu dar-rumanz, u saħansitra ssejjes film fuqu.
Jekk nista’ nesprimi opinjoni dwar dal-film, inħoss li filwaqt li fih interpretazzjonijiet tajbin ħafna ta’ reċtar, id-direzzjoni tiegħu l-lum tista’ titqies skaduta, hemm wisq teknika tas-snin ’70 li l-lum tinħass li ma tgħaddix mit-test taż-żmien. Tkun ħaġa sabiħa likieku xi ħadd mid-diretturi l-ġodda li pajjiżna qed jistagħna bihom jidħol għal remake ta’ dal-film, u jkun skont l-istandards ta’ żminijietna. L-istorja għadha rilevanti għal-lum.
Però, ma weġibthiex il-mistoqsija tiegħek. Darba l-papà qalli li dak ir-rumanz fasslu b’lura, fis-sens li t-tfassil tiegħu bdieh mill-aħħar u ħadmu b’lura. L-idea kienet li Fredu Gambin jitlaq minn Malta u jittanta xortih barra. Biex lil Fredu jwasslu għal did-deċiżjoni u jikkonvinċi lill-qarrej li l-għażla ta’ Fredu kienet waħda ta’ bilfors (fis-sens li ma kellux għażla oħra), il-papà bena r-rumanz b’lura, u kull triq li jsib quddiemu Fredu, l-istorja ddawwarha fi sqaq. Kważi determiniżmu, biex ingħid hekk. Dan għaliex il-filosofija wara Il-Gaġġa hi li t-tmiem jagħti t-tifsira lill-vjaġġ. U fl-aħħar tal-vjaġġ, il-qarrej jikkonvinċi ruħu li kollox kellu bilfors ikun hekk, li l-għażliet ma humiex verament għażliet imma huma, fil-verità, l-imkien waħdani mnejn il-protagonist seta’ jgħaddi meta nqisu ċ-ċirkostanzi kollha.
Il-papà ma daħalx f’dad-dettall kollu. Kulma qalli kienu ftit kelmiet: li fasslu b’lura biex kull triq tiġi skartata għax m’hemmx għażla oħra. Ma nafx jekk l-istudjużi tkellmux dwarha din.
Xi tgħidli dwar l-użu tal-Malti f’dar-rumanz?
Naħseb wieħed mill-aktar elementi tar-rumanz li impressjonaw lill-kritiċi, u lill-qarrejja, kien proprju l-użu tal-Malti.
Il-papà mhux biss inqeda b’Malti sabiħ – kif wara kollox kien jaf jagħmel bil-ħila ta’ mgħallem – imma bexxex il-ktieb b’riferenzi letterarji għal awturi oħrajn. Allura min qara l-awturi klassiċi li ġew qabel il-papà, seta’ jintebaħ li Frans Sammut kien qiegħed il-ħin kollu jirreferi għalihom. Din jgħidulha intertestwalità u għandi nifhem li dal-aspett ġie studjat fl-Università.
Filfatt, dar-rumanz jiġi studjat l-Università ta’ Malta, hux tassew?
Iva, mill-anqas fil-korsijiet tad-Dipartiment tal-Malti. Jien inħoss li għandu jiġi studjat f’Dipartimenti oħrajn ukoll.
Xi 6 snin ilu, l-istudentessa Stephanie Farrugia qalbet siltiet minnu għall-Ingliż u naħseb għamlet biċċa xogħol sabiħa ħafna. Inħeġġiġha titħajjar tkomplih ix-xogħol.
Li jdejjaqni – biex nitkellem ċar – hu li jsiru l-fotokopji, b’nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet dwar il-jeddijiet tal-awtur, tal-copyright biex niftehmu. L-Università jmissha tgħallem lill-istudenti kif jobduha l-liġi, mhux kif iduru madwarha. Inkella l-istudenti jkunu qed jitgħallmu tagħlim mejjet, maqtugħ mill-valuri t-tajbin u mill-ħajja taċ-ċittadin rett u bil-għaqal.
Tkellimt mal-Professur Arnold Cassola
Il-Professur Arnold Cassola huwa lettur u riċerkatur u għadu jgħallem dan ir-rumanz u għaldaqstant qasam ukoll xi ftit ħsibijiet magħna.
Fost oħrajn qalilna:
“”Il-Gaġġa huwa għalija wieħed mill-kapolavuri tal-letteratura Maltija moderna, rumanz li fih l-awtur kellu l-kuraġġ jisfida d-drawwiet tipiċi li kienu jikkaratteriżżaw il-ħajja tradizzjonali Maltija u jesponi l-ipokrisija ta’ soċjeta’ li kienet qed tgħix priġuniera ta’ drawwiet foloż li ġew imposti fuqha minn min fil-ħajja kien aktar medhi mill-apparenza milli mis-sustanza. Rumanz li jiena nqis bħala klassiku modern.”
Studju essenzjali dwar dan il-ktieb huwa ċertament “Migration in contemporary Maltese fiction”, propju tal-istess Professur Cassola.
F’dan l-artiklu Cassola jqabbel il-karattru ta’ Fredu Gambin, il-karattru ewlieni f’dan ir-rumanz ma’ dak ta’ Raymond f’L-Ewwel Weraq tal-Bajtar ta’ Alfred Sant.
Għall-kungress dwar l-Identita’ Maltija, organizzat mill-AZAD fl-1994, il-Professur Cassola reġa’ għamel dan il-paragun u qal hekk:
“Fredu Gambin, fil-Gaġġa ta’ Frans Sammut, l-ewwel jaħrab minn raħaltu għal Tas-Sliema. Iżda għalxejn. Imbagħad, bħal Raymond, jiddeciedi li jemigra. Mhux qabel, iżda, rna jkun għadda minn moħħu l-ħsieb tas-suwicidju , il-ħarba estrema mid-djuq tal-ambjent Malti.”
L-aħħar ħsibijiet
Ippreżentajtilkom intervista qasira ma’ Dr Mark Sammut, kumment ta’ Prof Arnold Cassola u anke l-istudji tiegħu. Forsi magħhom inżid ukoll l-analiżi tal-Professur Peter Serracino Inglott li wieħed jista’ jsibha wkoll f’xi verżjonijiet ta’ dan il-ktieb. Ovvjament ftit li xejn hemm xi nżid, pero’ xtaqt naqsam magħkom kumment għal riflessjoni (u għal dan ħadt il-liberta’ biex nagħmel hekk). X’nitgħallmu mir-realta’ tal-immigranti fostna? Kemm huwa diffiċli li ma jibqgħux “fir-raħal” tagħhom anke waqt li jkunu fostna? Waqt li jaspiraw li jfittxu ħajja aħjar u jafu li hija aħjar, xorta hemm xenqa għal pajjiżhom minkejja t-tbatija? Qed nagħmlu biżżejjed biex niffaċilitaw din it-tranżizzjoni u aħna, l-poplu, konxji ta’ dan il-proċess?
Ktieb bħal dan ċertament mhux biss jibqa’ jwassal għal diversi studji u analiżi, imma l-qarrejja bħali, jħallilna spunt għal ħafna riflessjonijiet fuq temi oħrajn madwarna.