Godfrey Pirotta: Il-Politika ta’ Ħajti

Awtur: Mario Thomas Vassallo

F’pajjiżna għandna numru sabiħ ta’ bijografiji u kif ngħidu, wara kull bniedem hemm storja.  Kull ktieb jiftaħ ġrajjiet fi żminijiet differenti.   Li jagħmel dan il-ktieb differenti huwa l-metodoloġija illi juża.  Kif jispjega l-awtur innifsu, Dr Mario Thomas Vassallo, metodoloġikament, “dan ix-xogħol ma jistrieħx fuq ordni kronoloġiku, kif normalment huma nfassla l-bijografiji, imma huwa mfassal fuq ordni tematiku” (p.9).   Għaldaqstant l-awtur għażel numru ta’ temi li minnhom jislet il-karattru tal-Professur Godfrey Pirotta.  It-temi għalhekk huma Biżà u kuraġġ, twemmin, indipendenza, sempliċità, fiduċja, ġustizzja, lealtà, impenn, umoriżmu, tagħlim, il-verita’, u imħabba għall-ħajja.    Vantaġġ ta’ dan l-istil huwa li l-qarrejja jistgħu jiddeċiedu li jaqraw kapitlu partikolari mingħajr ma jitħawdu jekk ma jkunux qraw ta’ qabel. Dan huwa tajjeb anke għal dawk il-qarrejja li forsi ktieb bħal dan, li minkejja li Mario Thomas Vassallo jikteb bi stil mexxej ħafna, xorta waħda jħossu li t-tul jaqtgħalhom qalbhom.  

L-akbar vantaġġ ta’ dawn it-temi huwa li taw l-possibilta’ li joħroġ aħjar il-kuntest u u fuq kollox il-personalita’.  Mill-banda l-oħra Vassallo jpoġġi dawn il-kapitli b’mod intelliġenti ħafna, b’tali mod li xorta waħda hemm sekwenza, anke jekk Vassallo ħaseb li fil-bidu tal-ktieb jagħmel kalendarju kronoloġiku.  

Kawtela iżda kuraġġ 

Minn tifel kontinwament imwerwer (p.22), Pirotta għeleb kull biża’ sabiex sar il-personalita’ li hu – persuna li ssielet għal bosta ideali, li għallem ħafna, u fuq kollox li rriċerka ħafna.   Persuni bħal Malcolm X u Martin Luther King influwenzawh  bil-kbir u l-ideal li jiġġieled kontra l-inġustizzji.  Il-ktieb joffri sfont taċ-ċirkostanzi ta’ dawk iż-żminijiet fosthom il-Gwerra tal-Vjetnam, il-Konċilju Vatikan II, il-Politika tal-apertheid u L-mużika rokk ta’ protesta ta’ dak iż-żmien (p.35).

Jidhirli li dan il-fatt ta’ l-possibilta’ lil Pirotta biex jitgħallem minn diversi esperjenzi u jagħrbel f’ħajtu.  Kapaċi jieħu deċiżjonijiet li jinfdu, pero’ mhux persuna li jemmen fil-ġlied.  Assertiv imma mhux agressiv.  Anke fl-interpretazzjoni tiegħu tat-twemmin nisrani, huwa jara f’Ġesu’ ta’ Nazaret (probabbli wkoll ispirat ħafna )  bħala l-bniedem il-ħanin, li ma ddejjaqx jagħmilha mal-foqra u dawk fil-periferija tas-soċjetà, li ma kienx elitista imma ta’ prinċipju.  Dan mhux dejjem kien il-każ fil-każ tal-Kattoliċi f’Malta u anke membri ta’ reliġjonijiet oħrajn madwar id-dinja.   Fil-fatt huwa qal li “meta jqabbel l-għemil ta’ kompassjoni u l-ħlewa ta’ Ġesù mar-rabja u l-isteriżmu li ra fost il-Kattoliċi f’Malta u minn membri ta’ reliġjonijiet oħrajn kontra kull min ma kienx jaqbel magħhom, ma kellux għalfejn jieħu ħafna ħin biex ikun jaf fuq liema naħa għandu jpoġġi lilu nnifsu” (p.60).  Tajjeb li niftakru li s-seperazzjoni bejn Knisja u Stat anke f’pajjiżna ma kinetx minn dejjem daqstant ċara, u grazzi għal nies bħal Pirotta u politiċi progressivi li ħadmu qatigħ biex dan isir.  Sa minn meta kien żagħżugħ, fi kliemu kien diġa ppożizzjona ruħu “kontra l-poter sekulari li kienet tgawdi l-Knisja” (p.61). 

Dan il-pass kien jeħtieġ kuraġġ imma, nikkwota l-ktieb u mhux dirett lill-protagonist, “ma tistax taspira li tkun indipendenti mingħajr ma tkun kuraġġuż” (p.88).   Awturi bħal Oscar Wilde, Albert Einstein kienu kruċjali fil-formazzjoni tal-ħsieb indipendenti.     Godfrey Pirotta minn dejjem kien favur il-welfare state  u skontu dawk li llum qed jitkellmu kontra dan il-kunċett soċjali “allaħares ma kienx il-welfare state biex setgħu jaslu fejn waslu” (p.71).   Il-Welfare state u l-ħsieb indipendenti mhumiex kontra xulxin.   Huwa jemmen bi ħsieb għaldaqstant li t-“tagħlim huwa l-ewwel pass biex il-bniedem tabilħaqq jibda jgawdi mill-mobiltà soċjali u hekk l-ulied jgħixu aħjar minn missirijiethom u ommijiethom u nanniethom” (p.139).  Dan fil-waqt li dejjem emmen bi sħiħ f’soċjeta solidali (p.143). 

Is-sempliċità hija valur ieħor importanti għaliex fi kliemu, ħafna nies ikollhom viżjoni jew aspirazzjonijiet li jkunu “aqwa jew aħjar minn ħaddieħor” (p.106) 

Il-bniedem riflessjoni tas-soċjetà ta’ madwaru

Xi ħaġa sabiħa li nsibu f’dan il-ktieb hija li joffri tagħrif dwar ġrajjiet oħra lil hinn mill-persuna.  Vassallo jgħaqqad dawn b’mod intelliġenti ħafna, fejn ngħidu aħna l-biża’ u l-kuraġġ li nsibu fl-ewwel kapitlu jgħoddu kemm għall-biża’ li kien iħoss Pirotta fi ċkunitu u affrontha b’kuraġġ kbir, kif ukoll għal dik tas-soċjetà ta’ dari li kienet timbotta l-biża’ fost oħrajn mill-infern sabiex iżżomm il-kotra kwieta.  

Ċertament biża’ reali li kien hawn kien dak tal-mard fosthom il-Polju u t-tuberkolożi (p.25).  Billi ħafna tfal kienu jmutu żgħar “It-twiebet il-bojod kienu xi ħaġa komuni” (p.25).   

Pirotta twieled fis-sena meta ngħata l-vot lill-mara f’Malta (p.160) u ma jistax jonqos li f’dan il-ktieb jagħti jitkellem dwar l-inġustizzja li n-nies sofrew matul is-snin.

Godfrey Pirotta kien chairman tal-bord editorjal tal-pubblikazzjoni “Il-Ħsieb” ta’ bejn l-1978 u l-1981.  Dan il-magażin bl-għan li jippromwovi ħsibijiet xellugin u indipendenti kien poplari mmens fil-fatt kien jinbiegħ “aktar mill-gwida” (p.101).   Għaldaqstant dan il-fatt qed nagħtih importanza f’dan il-artiklu.  F’intervista li kien ta lili Godfrey Pirotta kien qalli hekk: 

“Il-magazin il-Ħsieb kien l-idea tas-Sur Alfred Baldacchino, ex-MP Laburista li kien ġie elett f’isem il-Partit Nazzjonalista f’elezzjoni każwali imma kien qasam għan-naħa Laburista. Għalkemm il-magazin jista’ jiġi meqjus bħal tiegħu għaliex hu kien bdih u kien jiffinanzjah, imma għal xi raġuni ma sabx l-appoġġ ta’ Mintoff u wara ftit ħarġiet jiena kont ġejt avviċinat minn Alex Sceberras Trigona biex nieħu responsabilità għalih. Jiena kont avviċinajt nies bħal Evarist Bartolo, Victor Laiviera, Robert Cefai, Victor Cassar, Godwin Cini u oħrajn biex il-Ħsieb ikun jista jkompli jigi ppubblikat. Billi la jiena u lanqas Evarist ma stajna nkunu edituri kien sar qbil li Alex Sciberras Trigona jieħu dan l-irwol. Konna intfajna b’ruħna u ġisimna fix-xogħol. Għalkemm il-magażin kien identifikat mal-Partit Laburista fir-realtà qatt ma kellna indħil mill-Partit. Anzi meta waqt konferenza generali tal-Partit Laburista xi ħadd ħareg jistaqsi għaliex fil-Ħsieb konna ngħidu affarijiet li ma kinux idoqqu għal widnejn, Mintoff kien qam jiġi u qallu biex ma jindaħalx għaliex hekk ried il-magazin għaliex għalih kien qisu l-vuċi tal-element żagħżugħ.” 

U xi jgħidilna dwar il-Perit Mintoff?  Fi kliemu:

“L-aħjar mod ta’ kif kellek taġixxi miegħu kien li l-ewwel tagħtih iċ-ċnas kollu biex jgħid dak li għandu jgħid u turih li qed tifhmu sewwa, imbagħad tibda tgħarbel il-proposta tiegħu ma’ dak li diġa tkun taf.  Hu kien jibqa’ jisimgħek b’attenzjoni u jerġa’ jagħmillek patafjun mistoqsijiet biex ikompli jsaffi u jorqom miegħek l-argument li jkun beda” (p.101).  

Bħala Professur tax-xjenza politika, ma jistax jonqos li f’dan il-ktieb jitkellem fit-tul dwar il-politika u l-poter.  Huwa jikkwota mill-Vanġeli sa Machiavelli.  Fuq kollox huwa jemmen bi sħiħ li l-ġustizzja soċjali teħtieġ “bidla totali fil-qlub tan-nies” (p.178).   Dak li jiddefenixxi l-bniedem għalih mhuwiex is-suċċess ekonomiku, mihiex il-kompetizzjoni li rawmuna fiha.

Konklużjonijiet tiegħi 

Dawn il-ktieb huwa qabel xejn għodda essenzjali għal dawk kollha interessati fil-politika.  Mhumiex biss l-istudenti tal-istudji politiċi, imma anke kandidati, dawk midħla tax-xandir u l-poplu b’mod ġenerali li tajjeb li jaqraw dan il-ktieb.   Dan il-poplu Malti, li tant huwa “akkanit” fejn tidħol politika imma forsi jeħtieġ ukol li jinforma aktar lilu nnifsu dwar numru ta’ valuri. 

it-torca-2021-09-26-1_16-16

it-torca-2021-09-26-1_17-17

Confessions: The Middle years ta’ Alfred Sant

it-torca-2021-07-25_22-22-1

it-torca-2021-07-25_23-23-1

Dan tani esperjenza pjuttost wiesgħa tal-istrutturi ekonomiċi u anke politiċi f’Malta mill aħħar tas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor ’il-quddiem. Mill-1982 ‘il-quddiem kont attiv fil-PL u fil-ktieb nagħti rendikont tal-attivitajiet tiegħi hemm minn chairman tad-dipartiment tat-tagħrif, President tal-Partit u minn tmiem l-1987, deputat Laburista. 

Alfred Sant

Mystic Artist A study of Anthony Mahoney’s works 1968-2017

Anthony Mahoney  jissellef xi wħud mill-elementi kompożizzjonali minn dawk tal-impressjoniżmu.   Il-pitturi tiegħu huma kkaratterizzati b’kuntrast bejn id-dawl u d-dlam li joħolqu emozzjonijiet differenti u ħafna drabi dak espress fuq it-tila huwa xhud tal-fażijiet tal-ħajja tal-artist.   Skond il-kritiku tal-mużika Camille Mauclair, “Id-dawl jintuża fil-pitturi ta ‘l-Impressjonisti bl-istess mod li t-temi huma estiżi b’mod sinfoniku fil-mużika.”  Għandna wkoll taħlita ta’ figurazzjoni u l-astrazzjoni li għalkemm huma kunċetti totalment opposti, iżewwiġhom flimkien b’mod tassew tajjeb. 

Il-ktieb jimxi b’mod loġiku li jgħin il-qarrej jifhem sew l-artist u jimxi dan il-vjaġġ artistiku miegħu.  Għaldaqstant jibda bil-bijografija, ħsieb kif inhu xieraq ta’ Fr Norbert Ellul Vincenti u wara ħsibijiet ta’ bosta ħassieba fosthom Rose Lapira, Lina Brockdorff, Dominic Cutajar, Kenneth Wain, Tony Mahoney u bosta oħrajn.  Nikkwota minn J.Borg Galea dwar “Far from the Madding crowd”minn silta li deheret propju f’dan il-ġurnal, it-Torċa, fl-1974:  

“Bla dubju l-ħila artistika ta’ Mahoney qed tħalli riżultati sbieħ.  Nieħdu gost ninnutaw il-progress ta’ dan l-artist li deher ukoll li stabbilixxa ruħu fil-qasam tal-arti kontemporanja.  Bla dubbju l-aħjar kwadru mimli dawl spikkanti kif ukoll joffri ħemda assoluta, huwa ta’ Mahoney” (p.49).   

Minn dak iż-żmien ċertament li Mahoney sar wieħed mill-artisti ewlenin u stabbiliti.  U tabilħaqq din id-deskrizzjoni għadha tapplika għaliex id-dawl jispikka fix-xogħlijiet tiegħu u joffru dak il-mument għal riflessjoni.  Kull kwadru storja għalih imma dejjem jistiednek sabiex tieqaf u tapprofondixxi.  L-istess approfondiment tal-artist li jġgħalek tieqaf mill-ħajja ta’ kuljum u taħseb. 

Bosta kwadri jixhdu mument fil-ħajja u għalhekk nistgħu ngħidu li fihom infushom huma bħal vjaġġ spiritwali.  In-natura ukoll hija evidenti f’ħafna minn dawn il-kwadru. Qabel xejn il-bniedem fin-natura minn dejjem kien jarha bħala ħolqien li jmur lil hinn mill-ħiliet tiegħu.  Fin-natura dejjem għaraf kobor ogħla mill-għerf tiegħu.  Imma fl-istess ħn in-natura tagħti spazju wkoll għal esperjenza traxxendentali.  Mhux ta’ b’xejn li l-istess ritmu tal-baħar, tħaxwix tas-siġar u saħansitra l-istess kuluri ispiraw numru kbir ta’ artisti u stidnuhom biex jagħmlu din l-esperjenza spiritwali.  Mahoney jinqeda b’simboli, bħalma jagħmel ngħidu aħna fin-nattivita’.   U wara kollox is-simboli mhux ħtieġa oħra, kif anke jgħid Jung, għall-bniedem?  Is-simboli huma ta’ ħtieġa biex nifhmu dak li jmur lil hinn mill-limitazzjonijiet tal-bniedem.  Id-defenizzjoni ta’ kull realta’ metafiżika minn dejjem ġiet imfissra permezz ta’ simboli mill-famuża parabbola tal-għar fi Platun sal-parabboli ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret.  U hekk għamlu l-artisti tagħna meta b’ħafna figuri matul is-snin umanizzaw ir-realta’ tad-Divin. 

Ix-xogħlijiet ta’ Mahoney għaldaqstant iwasslu għal din l-ispiritwalita’ xi wħud taħt il-kappa Kristjana.  Ċertament iżda li r-riflessjoni li toħroġ titlaq mill-figuri reliġjużi u titwassal permezz tan-natura u elementi oħra.  Li kieku kienet poeżija kont ngħid li l-metafora li juża tmur lil hinn mill-binja tal-knisja imma aktarx li jissellifha mill-elementi naturali .  Hekk ngħidu aħna l-Ħniena Divina titwassal permezz ta’ maltempata li fiha wieħed jistaqsi u jitlob propju għall-ħniena.  Fil-kwadru “At Peace.  All is Accomplished” Ommna Marija tieħu sehem mill-istess imħabba ta’ binha fuq is-salib imfissra bħal nixxiegħa tal-ilma.  Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet huma mezzi li jgħinunna fid-dixxerniment u li nissieħbu mal-istess artist fil-proċess ta’ meditazzjoni.   

Wara sezzjoni twila li fiha l-qarrej huwa mgħejjun bl-opinjoni tal-kritiċi,  l-ktieb iwasslilna dawn il-pitturi wara xulxin u għaldaqstant nistgħu ingawdu dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ dan il-ktieb.  

Jiena nistieden lill-qarrejja tagħna:  Ejja napprezzaw ix-xogħlijiet lokali.  Imma aktar minn hekk, ejja nsibu ħin għall-approfondiment, għal meditazzjoni li wara kollox huwa rigal stess għalina nfusna.  Ktieb bħal dan jgħolli l-valur tal-librerija tagħna imma fuq kollox jgħolli l-valur kulturali tagħna.  

Dan huwa ktieb, pubblikazzjoni oħra ta’ Horizons huwa r-riżultat ta’ snin twal ta’ studju u meditazzjoni minn Mahoney f’tentattiv biex jimmaterjalizza t-timriħ spiritwali u poetiċi tiegħu, flimkien mal-ħolm permezz tat-tila.  U aktar minn hekk seta’ jwasslilna kwadri li fihom infushom huma għodda għalina għal serħan u kontemplazzjoni.  

it-torca-2021-07-11_18-18

it-torca-2021-07-11_19-19

Sanctuaries of the Soul ta’ Richard England

Jekk poeta juża l-karta u l-pinna, jekk pittur juża t-tila u l-pinzell, fl-arkitettura jintużaw l-ispazji biex jinħoloq ambjenti li joħolqu sens ta’ armonija fil-bniedem u joffrulu l-possibilta’ li jimraħ fid-dimensjoni spiritwali tiegħu.   Imma l-arkitettura mhijiex biss arti imma fuq kollox matematika.   U permezz tal-ġeometrija, Richard England joħloq distanzi għal dak li huwa infinit, joħloq spazji biex jgħinna dak li jmur lil hinn minn kull regola matematika li m’hemmx strumenti biex tkejjel dak li jmur lil hinn minn spazji materjali.  Nagħmilha ċara li dan mhux ktieb dwar il-knejjes:  Huwa ktieb dwar spazji sagri.  F’moħħ Richard England kien hemm kull pajsaġġ, kull spazju li l-bniedem jagħraf id-dimensjoni tiegħu.    Dan jidhirli huwa l-qofol ta’ dan l-ktieb li jiddokumenta x-xogħol ta’ Richard England f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazji sagri.  Il-bniedem sa mill-qedem kien affaxxinat biss-sagru, għaliex minn banda ħass li huwa dipendenti minn elementi naturali oħra, ix-xemx, l-ilma, l-ħxejjex u fl-istess ħin għaraf li hemm qawwiet ikbar minnu.  It-tempji neolitiċi tagħhna huma xhieda ta’ arkitettura sagra , fejn missirijietna għarfu dak li kienu qed jaraw `il fuq mill-esperjenza umana, ibda mix-xemx sal-istess twelid,  ħajja u mewt.  

Dokumentazzjoni tax-xogħol ta’ Richard England fi ktieb hija ċertament ta’ valur fiha nfisha.  Imma l-aktar ħaġa li tispikka f’dan il-ktieb huma ċertament in-numru ta’ disinji, pitturi u pjani oħra tal-arkitett Richard England li qatt ma ġew immaterjalizzati.   Dawn ikomplu jikkonsolidaw l-istess ħsieb u jibnu ma’ xogħlijiet li twettqu u ovvjament fl-istess ħin jagħtuna dan it-tagħrif li qajla kien ikollna u forsi kellna kurżita’ dwarhom.   

Il-ktieb jibda’ b’tagħrif dwar ix-xogħlijiet ta’ dan l-arkitett u anke jfisser ir-rabta ta’ postijiet spiritwali u kif inhuma mfissra fil-ħsieb u l-ħila ta’ dan l-arkitett kbir ta’ fama internazzjonali.   Huma bosta dawk li jafu lil dan l-arktiett mix-xogħlijiet tiegħu fosthom ta’ lukandi fit-tmeninijiet fejn l-industrija tat-turista kompliet tikber.  Ix-xogħlijiet tiegħu ġew rikonoxxuti bosta drabi internazzjonalment, fosthom permezz ta’ 11-il għaqda interenazzjonali tal-arkitettura prestiġjużi u żewġ assoċjazzjonijiet tal-arkitettura fi ħdan il-Commonwealth.  Biss, li jagħmel dan il-ktieb differenti huwa li nidħlu b’mod aktar intimu mal-ħsieb ta’ dan l-artist u perit.

Sezzjoni oħra importanti hija dwar dak dak li sawwar l-ħsieb ta’ Richard England. Dan sabiex juri kif ix-xogħol ta’ England huwa riviżitazzjoni tal-passat b’dawk ta’ antiċipazzjoni tal-futur.  Irridu ngħidu li l-għerf ta’ dan il-bniedem, ġenju u informat bl-istudju u l-esperjenza, daħħal f’pajjiżna kunċetti innovattivi fl-arkitettura. Imma fl-istess ħin kien ukoll prodott Malti, jaf sew il-kultura, d-drawwiet, u fuq kollox l-arkitettura tagħna l-Maltin.   F’din is-sezzjoni naqraw dwar l-għeruq neolitiċi tagħna.  It-tempji, bħal numru ta’ poeti (jiġuni f’moħħi Marlene Saliba) affaxxinaw lill-artisti tagħna.  Epoka oħra bla dubju ta’ xejn kienet dik barokka u hawn fil-ktieb insibu dsinn tal-Knisja tax-xagħra minn Richard England, fost oħrajn;  xempju ħaj ta’ din l-epoka.   Ġaladarba qed insemmu x-Xagħra ta’ min wieħed isemmi, għalkemm mhux relatata ma’ dan il-ktieb u t-tema, li hija magħrufa bħala l-villaġġ tal-mara talfertilità u tal-mara li għall-Insara, Binha huwa l-ħajja.  

Imbagħad għandna sessjoni twila dwar ix-xogħlijiet tiegħu, l-ewwel taqsima hija dwar spazji fejn b’mod metaforiku ngħid jien, is-skiet ikellmek.  Kif inhu xieraq jibda propju bil-ġnien dedikat lis-sinjura tiegħu stess, segwit bl- Aquasun Lido, ir-razzett ta’ Sandrina fl-Imġarr, il-ġnien ta’ Apollo San Ġiljan, Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera u ħafna oħrajn.   Imbagħad għandna sezzjoni sezzjoni dwar spazji sagri.  Dawn huma magħrufa ħafna mal-qarrejja tagħna u fost oħrajn insibu l-Knisja ta’ San Ġuzepp, il-Manikata, il-Knisja ta’ San Franġisk t’Assisi, fil-Qawra, kappella ta’ Sant Andrija Pembroke, Il-Millennium Chapel, kappella tal-mużew fil-Blata l-Bajda u fergħat oħra, kappella privata f’daru u ħafna oħrajn.   Bosta drabi mas-sagru nsibu marbut mal-vjaġġ tagħna lejn ħajja oħra u lejn l-eternita’.   U f’dan il-ktieb insibu wkoll numru ta’ kappelli tal-mejtin fiċ-Ċimiterju  ta‘ Santa Marija Addolorata.    Richard England kien  responsabbli wkoll fl-armar tal-Palk meta ġie l-Papa fostna, espisodji li bosta minnha lkoll niftakru.  Anke hawn, xejn ma sar kumbinazzjoni u f’kollox kien hemm tifsira.   

Interessanti ħafna, kif elenkajt fil-bidu ta’ dan l-artiklu, hija s-sezzjoni dwar numru ta’ proġetti li qatt ma raw id-dawl.  Fost dawn insibu l-Knisja f’Ħad-Dingli, l-Kappella tal-Ġiżwiti fil-Qawra, 

Disinn tal-kappella għall-isptar Mater Dei (dak iż-żmien kien għadu bil-ħsieb San Raffaele), knisja f’ Ħal Farruġ u saħansitra anke barra minn xtutna fosthom fi Krakova u anke f’Bari.   F’din is-sezzjoni nsibu saħansitra pjan għal knisja inter-reliġjuża. 

Ta’ min wieħed jgħid li fl-2019 ġewwa Sofija, dan il-ktieb ġie ppremjat midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni internazzjonali tal-Ktieb.   Dan il-ktieb kien kofinanzjat minn APS Bank u pubblikat minn Kite Group. 

it-torca-2021-07-11_18-18

it-torca-2021-07-11_19-19

Traduzzjoni ta’ poeżiji ta’ Knut Ødegård minn Oliver Friggieri

Il-Professur Oliver Friggieri kien afdani (u fl-istess ħin inħoss din ir-responsabilta’) li nippublikalu fuq din il-paġna, traduzzjonijiet tal-poeżiji tal-awtur kbir Norveġiż Knut Ødegård.

it-torca-2021-06-20_22-22

it-torca-2021-06-20_23-23

Meta nixjieħu, qalbi,
u l-kokka tiġi biex taqbadna
(kaw-kaw, imbagħad nitilqu b’ċaqliqa waħda ta’ ġwenħajhom, fl-arja),
fej’ imbagħad se tkun imħabbitna?

Dan kollu

Nota: Minħabba n-natura ta’ dan l-artiklu u l-importanza ta’ din it-traduzzjoni, qed naqsam magħkom il-fajl bil-poeżiji tradotti u kif qegħdin ippreżentati hawnhekk. Dan sabiex jista’ jerġa’ jkun hemm aktar ħtieġa ta’ qari tal-provi u b’hekk dan ix-xogħol isir parti mil-librerija vasta ta’ xogħlijiet li tana l-Professur Friggieri.
Il-Poeżiji

40 paġna mid-djarju ta’ Sandra

Awturi : Kris Dimech
Pubblikazzjoni: Horizons

Tfajla li għadha qed tlesti l-eżamijiet tal-Matsec, mimlija ħolm u aspirazzjonijiet, mhux inqas dawk mal-maħbub tagħha Mikas.  Min jaf kemm ħolm dwar il-futur tagħha!  U imbagħad bħal sajjetta fil-bnazzi li taħsad il-ħajja ta’ Mikas u minn hemm jibda kollox. Mikas intlaqat b’tiri ta’ arma tan-nar waqt li kien ix-xogħol.  U minn hemm jibdew ħafna mistoqsijiet, li bdew għaddejjin minn moħħha.  X’kien qed jaħbi minnha Mikas matul dawn is-sitt xhur li kienu ilhom flimkien?  Possibli li Mikas ma kienx il-ġuvni li kienet taf hi? 

Ma’ dawn il-mistoqsijiet imbagħad hemm ukoll dawk fl-għassa tal-pulizija, post li qatt ma kienet resqet lejh u sfortunatament issa kellha tagħmel dan għal bosta drabi.  Mistoqsijiet li għalihom ma kellha ebda risposta.   L-istorja tiżvolġi meta nsiru nafu li Mikas kellu jagħti mitt elf ewro.  Insiru nafu lill-familja tagħha, fosthom lil oħtu Ramona.  U imbagħad għandna r-relazzjoni tagħha ma’ Julian.  

Dan il-ktieb jikkonisti f’40 paġna mid-djarju ta’ Sandra, imqassma f’40 kapitlu.  L-istorja tibda fis-17 ta’ Mejju u toħodna f’40 jum ta’ tensjoni, suspans, mistoqsijiet, u fuq kollox ħafna emozzjonijiet.  Il-binja tal-istorja hija waħda eċċezzjonali, kull kapitlu jibni fuq ta’ qablu b’aktar mistoqsijiet jew skoperti ġodda.  Kif wieħed jistenna, waqt li qed taqra bħal donnu tibda tixtieq li tinstab soluzzjoni għal dan il-każ.  U fuq kollox li ssir ġustizzja.  Hija storja realistika ħafna, fejn Kris Dimech jiddeskrivi b’ċerta dettal l-esperjenza ta’ dawn iż-żewġ familji.  L-istorja hija rakkontata fit-tielet persuna, bħal ħafna kotba barranin ta’ dan il-ġeneru.  Biss kull kapitlu jibda b’silta mid-djarju, u allura l-awtur inqeda b’din il-parti biex ikun jista’ jidħol aktar fil-personali u jagħtina l-istorja wkoll minn perspettiva.  Id-djarju fil-fatt iġgħalna nħossu aktar l-emozzjoni u l-ħsus ta’ Sandra.  Għoġobni ħafna l-fatt li l-awtur ma jippruvax ikun dommatiku, ma jagħmilx ġudizzju fuq il-ħajja tan-nies jew jagħti xi spjegazzjoni razzjonali għal kull ma jseħħ.   

Il-ktieb huwa ibbażat fuq dak li Sandra tirrakkonta lill-akbar ħabib tagħha; Id-Djarju.   Imma l-qofol ta’ dan il-ktieb huwa l-istorja mimlija intriċċi, tensjoni u emozzjonijiet.  Fuq kollox ħafna imħabba.  

Kotba oħra ta’ dan l-awtur huma Ix-xirka tal-klieb, Braziliant, Elena u Imħabba u tradiment, l-aħħar tnejn bħad-djarju ta’ Sandra huma l-aktar riċenti.  

it-torca-2021-06-13_18-18

it-torca-2021-06-13_19-19