ŻWELI, l-bidwi ta’ Ħ’Attard

Ta’ Joseph Busuttil

it-torca-2021-12-12-1_28-28

it-torca-2021-12-12-1_29-29

Daqs xahar ilu attendejt tnedija ta’ ktieb ftit differenti mis-soltu, imżewqa bl-għana Malti. Żweli jirrapreżenta l-imgħoddi differenti ħafna, ħajja li llum qajla nimmaġinawha. U għalhekk kien f’waqtu li Joseph Busuttil iddeċieda li jiddokumenta l-ħajja ta’ zijuh li llum għandu 90 sena. Kif jgħid tajjeb Paul P. Borg li kiteb id-daħla ta’ dan il-ktieb, huwa importanti li jiġu d-dokumentati l-ħajjiet tax-xjuħ tagħna għaliex ma’ kull xiħ u kull xiħa li jitilqu mis-soċjetà tagħna, jieħdu magħhom esperjenzi u tifkiriet li huma imprezzabbli. Żweli huwa persuna li b’xorti ħażina ġarrab ħafna wkoll fosthom il-mewt tal-mara tiegħu u għex armel għal ħafna snin. L-aħħar weġgħa għal Żweli kienet it-teħid tal-art għall-iżvilupp, u għalkemm dan il-bini baqa’ qatt ma’ sar, ir-razzett ta’ żweli u l-għelieqi tiegħu żgur li m’għadhomx kif kienu qabel. Għajr għal-kenn tal-għorfiet li baqa’ u li fihom Żweli għadu jsib il-mistrieħ. 

L-intervista għandha valur kbir ħafna fir-riċerka.  Din hija l-ħajja ordinarja tan-nies li x’aktarx mhux ser ssibha dokumentata f’sorsi sekondarji u lanqas b’mod żbaljat mibdula f’ħafna eloġji li jwasslu biex noħolqu miti bħal fil-każ ta’ nies popolari.  Ħa nkun realistiku, bla ma nkun qed nonqos lill-familja Gatt:  Kieku Joseph Busuttil ma kitibx dan il-ktieb ħadd ma kien ser jikteb dwar Żweli.  Imma ma Żweli konna nitilfu wkoll l-evidenza, id-dokumentazzjoni primarja li tagħtina ħafna informazzjoni ta’ valur li titfa’ dawl kbir fuq bosta’ użanzi, 

Min hu Żweli?

“Qatt ma mar skola, iżda gradwa bl-unuri bil-għaraq ta’ xbinu fuq medda ta’ ħafna snin mill-ogħla għajn ta’ tagħlim, l-Universita’ tal-ħajja. 

Ma jafx jaqra, iżda jekk toqgħod tisimgħu tajjeb, jaqsam miegħek kliem li fih x’tomgħod.   Ħsibijietu gelgul safi ta’ ilma ġieri li jaqtagħlek l-għatx fl-eqqel sħana tas-sajf.  Ma jafx jikteb, l-anqas ismu – jiffirma l-karti tal-bżonn billi jħarbex salib fil-kaxxa jew fuq il-linja.  U slaleb ra, u refa’, għax daq sewwa mill-morr tal-ħajja. 

Iżda kull darba li xortih sabbtitu mal-art, Żweli ġġieled lura midrub iżda mgħonni b’armar ta’ saħħa minn ġewwa li jrid ikompli miexi ‘l quddiem, li għada jisbaħ jum ieħor ġdid.” (p.23)

Dan il-ktieb joffrielna ħafna tagħrif interessanti tal-ħajja fl-imgħoddi.  Fi żmien ta’ qabel il-gwerra meta kien hawn l-għaks, il-Fenek tal-Indja ma kienx jitrabba biss għall-gost imma kienu jagħmlu bormla stuffat tajba bihom ukoll (p.43).  Nifhmu li l-Gwerra m’affetwatx Ħ’Attard daqs kemm kienu taħt in-nar ngħidu aħna l-inħawi ta’ madwar il-port il-kbir.  Biss,  jiftakar tajjeb kif fuq naħa tar-razzett, lejn l-isptar bdew jitħaffru xi xelters.  Żweli jiftkar tajjeb ħafna wkoll meta kienu jistkennu fix-xelters u l-bombi li kienu jinżlu.  Minbarra l-bombi jiftakar ukoll li kienu jitfgħu “termosijiet bl-isplussivi u hand grenades” (p.53).  Billi xi wħud ma kinux jieħdu fuq ħamrija mxarrba, huwa jiftakar tajjeb meta żewġt aħwa kienu qed iżarmaw dawn il-bombi u ħadu f’idejhom.  Sfotunatament mietu, waħda mill-esperjenza kiefra tal-gwerra. 

Fost l-aktar episodji ta’ niket huma bla dubju ta’ xejn dawk familjari fosthom il-mewt ta’ martu Konza (p.142). Imma ta’ tħassib għalina huwa t-teħid tal-għelieqi għall-iżvilupp għaliex b’xorti ħażina din hija realta’ li qed ngħixu.  U l-flus qed jagħmuna pero’ mhux nirrealizzaw li fl-aħħar mill-aħħar irridu x-xogħol tal-bdiewa u r-raħħala tagħna biex nieklu.  

Dan il-ktieb għalhekk hu xhieda ta’ ħajja Maltija fl-imgħoddi riċenti  li l-qarrej adult sa jintebaħ li spiċċat għalkollox mill-irħula tagħna għax f’lokha daħal il-moderniżmu  li bidel mhux biss il-mod ta’ għajxien imma wkoll it-taħdit tagħna, ix-xogħol tagħna u saħansitra l-mod kif inħarsu lejn l-ambjent.

Joseph Busuttil iwassal għadd kbir ta’ avventuri u azzjonijiet b’Malti  mirqum u mexxej. Żweli hu x-xiħ li jirrifletti dwar l-esperjenzi ta’ ħajtu, jitkellem u jwiddeb, jitlobna li nżommu fi kliemu bħala xiħ u niftakru f’art li kienet u issa tbiddlet għalkollox.  Żweli jitkellem fuq l-antenati tiegħu u ħajjithom, kull  paġna tirrakkonta l-ħidma tiegħu fir-raba’ bħala bidwi u raħħal, il-ħidma bil-baqqun  iħaffer it-trinek fit-toroq, bħala biċċier il-biċċrija, u għadd ta’ attivitajiet oħrajn li jirriflettu ħajja sempliċi imma mimlija tbatijiet.  Jistedinna bħalma jafu jagħmlu x-xjuħ kollha, li nidħlu fil-ġrajja nostalġika tal-ħajja madwar iz-zuntier u waqt gwerra qalila wiċċ imb wiċċ mal-mewt. Żweli jaf li l-ħajja trid tibqa’ għaddejja – imma mogħnija b’żieda ta’ għerf u valuri mġedda. 

Joseph Busuttil ipinġi lix-xwejjaħ Żweli bħala bniedem elokwenti li juri li jekk aħna ma napprezzawx dak li Alla tana, u ma nkunux nafu  mnejn tlaqna, ma nkunu nistgħu qatt insibu fejn irridu naslu bħala ġens. Żweli hu wieħed mill-aħħar bdiewa ta’ Ħ’Attard u jitfa’ dawl qawwi fuq il-ġrajja soċjali u t-tibdiliet kbar li ġarrab dan ir-raħal.

Il-ktieb fih 214 paġna jinkludi ritratti nostalġiċi ta’ soċjetà mgoddija, għandu kumment kritiku ta’ Paul P. Borg, hu pubblikazzjoni tal-Awtur u mitbugħ Progress Press u illustrat. Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mis-sit: https://bdlbooks.com/product/zweli/          

L-ambjent li qeridna

ta’ Carmel Scicluna

it-torca-2021-12-05_24-24

Għal xi wħud l-ambjent qed nifhmu dwar l-ambjent rurali u bosta awturi kitbu kontra din il-qerda.  Iżda l-ambjent huwa fejn qed ngħixu, dak li mdawrin bih; fi kliem ieħor id-dinja ċkejkna ta’ madwarna.  Tajjeb allura noqogħdu attenti li l-ktieb jismu l-ambjent li qeridna (mhux li qridna). 

Dan huwa ktieb b’tlieta u ħamsin poeżija oriġinali. Dan hu l-erbatax-il ktieb u t-tieni ġabra ta’ poeżiji bil-Malti li ssawru fuq medda ta’ erba’ snin. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ Carmel Scicluna kienet “Il-kalċi qiegħed ifur” diġa tindika l-lehma poeta ta’ dan il-poeta.  Dwar dan il-ktieb jien kont ktibt hekk fil-Paġna letterarja ta nhar il-Ħadd 29 ta’ Lulju 2018:

“Il-poeżija ta’ Scilcuna hija bħal warda ġdida fil-poeżija kontemporanja u tinfatam minn temi progressivi u liberali li ddominaw dan l-aħħar snin u għaldaqstant tiftaħ beraħ kurrent ieħor ta’ ħsieb.  Jidhirli li l-ħsieb tal-poeta jimxi mal-liġi naturali u jixxennaq għall-qafas soċjali li jikkonserva l-valuri tradizzjonali.  Madankollu f’dawn il-poeżiji wieħed ser jistenna wkoll il-protesta u protesta ħarxa kontra kull min jitbiegħed minn dawn il-valuri u juża l-liċenzja artistika tiegħu li jfisser dan l-għadab tiegħu (u frustrazzjoni fl-istess ħin) bl-aktar mod qawwi.”

Jidirli li dan il-ktieb ikompli mal-ewwel ġabra bid-differenza li jwessa’ l-ħsibijiet tiegħu u jifrex fuq aktar temi.   F’din il-ġabra fil-fatt Scicluna tbiegħed ferm mill-ermetiżmu u l-oskurita’ tal-versi bikrija. Scicluna f’din l-antoloġija jagħfas fuq il-vers sempliċi u profond. Hemm, fl-aħħar mill-aħħar, evolviment fl-iżvilupp tat-temi u l-kontenut, u maturita’ ikbar fl-immaġinarju poetiku tiegħu.

L-influwenza t’ bosta awturi klassiċi f’din il-ġabra hija evidenti għaliex b’mod intelliġenti Carmel jirreferi għal dawn il-poeżiji u jintegrhom fil-ħsieb tiegħu.   Naraw kemm hu infurmat dan il-poeta għax anke fejn m’hemmx dawn ir-referenzi, jagħraf bħalma għamel fil-każijiet li diġa semmejt jibni b’mod tassew kreattiv il-metafora unika tiegħu u jwassal il-viżjoni tiegħu. 

Bħala prinċipji minn banda naraw li l-awtur huwa indipendenti, ma jinġarrx bl-ispag tas-soċjeta’ moderna liberali kapitalista u sekulari.   B’saħħtu biżżejjed li waħdu lest li joħodha “kontr’għedewwa

Daqs torrijiet falliċi

Magħqudin annuna…” (L-ambjent li qeridna, p.72)

L-istess ħsieb u din l-istess determinazzjoni jesprimihom fil-poeżija “Dritta triqti”:

“Avolja nitlef il-ħbieb

Li jriduni nserrep

Fit-trejqiet tal-moda.

Avolja nitlef ħemel flus

Għax ma naqsamx

Għax-xogħol jirrendi fl-isqaqien”

(p.36).

Din il-poeżija hija ispirata mill-kanzunetta Bitter Sweet symphony, tal-grupp The Verve fejn anke fi-vidjow ta’ din l-istess kanzunetta naraw il-kantant ta’ dan il-grupp Richard Ashcroft jibqa’ miexi fit-triq (Hoxton Street)  minn qalb il-folla bl ma jagħti każ madwaru jew ibiddel id-direzzjoni.    L-istess determinazzjoni tidher fil-poeżija “Samsa” (p.20), poeżija ispirata mir-rumanz ta’ Franz Kafka li tirrakonta l-istorja ta’ Gregor Samsa li darba fost l-oħrajn iqum u jsib li ttrasforma ruħu f’insett kbir u jrid jara kif jadatta għal din il-kundizzjoni ġdida.

Mill-banda l-oħra huwa jitneżża minn kull pretensjoni u jerġa’ lura lejn dak li huwa essenzjali.  Ma jinteressah xejn minn dak li huwa materjali.   Fil-poeżija “Bħall-għonja kont nara” (p.37) jgħid:

“Ħbiebi l-kwiekeb, il-lejl, l-għoljiet imbiegħda

U ma rridhomx dad-dawl tal-belt fl-iljieli

Għax serquli rqadi w kiddewli ruħi.”

L-umilta’ tiddomina f’ħafna minn dawn il-poeżiji

“Mill-baxx ninsab ċert bl-istilel fl-għoli” (p.38)

Għall-kuntrarju tas-suppervja tal-bniedem u l-egoċentriżmu, t-tama allura tiġi mill-Fidi:

“Il-ġebel ħaj jistenna

bħal ġinokkjatur

lill-wemmiena”  (Ġo żaqq il-balena, p.98).

Scicluna jitnikket li qed jintilfu l-valuri li sawruna.  Fil-poeżija “Ħallelin” (p.58) jgħidilna:

“Ma jidhrux dal-ħallelin li daħulna!

Teżori maħżuna fuq elefejn sena

Girfulna – ġawhar ta’ missirjietna!

Sa ruħ il-friżji u l-ġilji selħulna”

Il-ħsibijiet tiegħu ma jħallihomx fil-arja.  Jinkwieta wkoll għal pajjiżna Malta, li kif nafu, ċerta drawwiet ta’ dari qegħdin dejjem aktar jintilfu. 

“U fejn għosfru l-jiem fejn dammejna l-lewlu

Ta’ mħabbitna fietla, tradizzjonali,

Taħt il-loġoġ kennija ta’ drawwietek”  (p.68).

Il-valuri huma dawk li jagħmluh liberu.  Li jeħilsuh mill-ktajjen.  Forsi kontra ħafna poeti oħra kontemporanji li jippropogaw il-liberaliżmu f’bosta xogħoljiet tagħhom, Scicluna huwa kritiku ħafna għal mod kif

Anke lil bintu jwissi biex toqgħod attenta u ma tispiċċax ilsiera tad-dinja, ma tiġix ikkontrollata fuq x’tilbes u saħansitra x’tgħid.

“Iriduk titkelem

minn telefown

bil-wajer maqtugħ” (p.62)

Donnu l-istess ħsieb jidher anke fil-poeżija “Ħadran kien jitwieraq il-weraq” ispirata mill-poeżija “Song of Myself”  ta’ Walt Whitman li titkellem dwar kif il-bniedem jitwaħħad man-natura u miegħu innifsu.   Infakkar li f’din il-poeżija klassika, Whitman iwassal il-messaġġ li kulħadd għandu jkollu vuċi f’demokrazija u jekk dik ta’ xi wħud tkun imċaħħda, allura l-kriterji demokratiċi ma jkunux qegħdin tajjeb.  Din il-poeżija kienet influwenzat lill-grupp favorit tiegħi Nightwish, f’kanzunetta li ġġib l-istess isem mill-album Imaginaerum.

Kif semmejna fil-bidu, dawn il-prinċipji fundamentali li sawruh, japplikhom għal bosta sitwazzjonijiet li kidduh, u oħrajn li ħass li għandu jagħtihom tifħir.   Jitnikket ngħidu aħna bl-“isparar t’Thousant Oaks, Kalifornja”  (p.64), u bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia (Qtil f’nazzjon mafjuż, p.116). 

Scicluna għandu ħakma tajba tal-kelma u bħalma min għandu s-sengħa tal-fuħħar jifforma t-tafal hekk dan il-poeta jibni l-kliem tiegħu, ngħidu aħna “Ħadran kien jitwieraq il-weraq” (p.17).    B’mod ġenerali ngħid li fil-ktieb tinħass il-kritika lejn is-sekulariżmu u l-liberaliżmu bħala l-assolutiżmu ta’ żmienna.  U kif għid qabel forsi dan l-awtur, naqblu u ma naqblux miegħu, jiddistingwi ruħu, u nammira l-fatt li anke fi vrusu ma jinġarrx mal-kurrent, ma jimpurtahx li jintgħoġob. Ma jimpurtax li joqros ftit anke l-prinċipji li nħaddan jien, xorta joffrielna punti għal riflessjoni.  U dan li jagħmlu poeta tant għal qalbi. 

Il-ktieb fih 152 paġna, għandu produzzjoni sabiħa u maħruġ minn Horizons.  L-Ambjent li qeridna hu preżentement finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.    Infakkar li Scicluna rebaħ l-ewwel premju tal-Konkors tal-Poeżija Doreen Micallef 2021 b’Submersi Filii, miktuba bil-projective verse u multi-layered; miktuba b’lingwaġġ ċar, personali u dirett fi kliem il-judges li faħħruha u għażluha minn 50 poeżija eliġibbli oħra.  hi poeżija li se tidher ‘il quddiem fit-tielet ġabra ta’ poeżiji tiegħu.

Ħija jiġri wara d-dinosawri

Ta’ Giacomo Mazzariol bi traduzzjoni ta’  Ludvic Azzopardi Ferrando 

Fost l-esperjenzi sbieħ li kelli u li nirrakonta b’ċerta emozzjoni kienu meta kelli x-xorta li persuni b’diżabilta’ jassistuni f’xi ħaġa.  Jeżistu forom differenti ta’ arti wkoll mit-teatru sal-kċina (għax it-tisjir jista’ jkun forma ta’ arti wkoll) fejn nies għomja ngħidu aħna jkunu qed jaqduk u allura inti tkun qed tifhem id-diżabilta’ b’mod li inti f’dak il-ħin ikollok dik in-nuqqas ta’ “abbilta’” biex tissokta b’dak li tkun qed tagħmel.  Waqt li fil-każ tiegħi dawn kienu għażliet, mhux dejjem ikun il-każ għaliex is-sitwazzjonijiet tal-ħajja tagħna ibiddluna.   Lil hinn mir-retorika u distakk mir-realta’, il-ġenituri li jintebhu li t-tarbija tagħhom hija down syndrome  kif inhu fil-każ ta’ dan il-ktieb, ser jinħasdu, ser jaraw kif iridu jhejju ruħhom, u kif it-tarbija ser tbiddel il-pjani tal-ħajja tagħhom.  Ngħiduha kif inhi kull tarbija ġġib magħha kemm ferħ u dak il-ferħ jiżboq kull diffikulta’, imma wkoll numru ta’ sfidi.  U li laqatni f’dan il-ktieb huwa li jitlaq mill-għarfien imma ma jeħilx hemm.  Ibbażat fuq il-prinċipju bażiku tal-inklussivita’ fid-diversita’ imma ma waqafx hemm.   Kif it-tfal ser ihejju ruħhom għal dan ħuhom? 

Dan il-ktieb huwa mibni fuq mumenti li jġibulek tbissima u għaldaqstant jagħti pjaċir lit-tfal li qed jaqrawh.  In-narratur ta’ din l-istorja huwa Giacomo, imma l-karattru prinċipali huwa Giovanni, tifel simpatiku ħafna.  

Min hu dan Giovanni?  Nislet mill-introduzzjoni biex nagħti togħma ta’ dan il-qari: 

Giovanni li jmur jieħu ġelat 

“Cone jew tazza?”
“Cone!” 
“Imma int il-cone ma tiklux.”
“Allura?  Lanqas it-tazza ma niekol” (p.7)

L-istorja tibda mill-eċitament meta kien ser jitwieled … propju mill-ġirja li ħa l-papa’ forsi ftit aktar milli jmissu biex iwassal fil-ħin.  Għandna tliet aħwa żgħar u issa jiskopru li ser ikollhom ħuhom.  U jiddiskutu x’ser isemmuh.  Imbagħad il-ġenituri jgħidulhom li mhux biss ser ikollhom ħuhom tifel imma ser ikun speċjali.  U l-immaġinazzjoni tat-tfal bi “speċjali” jifhmu li ser ikollu poteri kbar, u ser ikun supereroj.   Jiddeċiedu li ser ikun jismu Giovanni.   Biż-żmien jitgħallmu l-kelma Down.  

Imma kif tgħaddi l-adoloxxenza tintebah li li l-mod kif immaġinajt lil ħuk fil-bidu nett ma kienx għalkollox żbaljat.  Dan Giovanni b’dik it-tbissima kif tista’ ma tħobbux. Lil ħutu l-bniet imur fil-ġnien u jġibilhom il-fjuri, anke nixfin meta ma jsibx.  U tasal għall-konklużjoni li forsi iva, ħuk tassew huwa supereroj. Hu x’inhu, tirrealizza li hu l-akbar ħabib tiegħek.  U xi ngħidu għall-praspar!  Jiżfen fil-pjazza ,darba ħa kappell mingħand raġel u jitlaq jiġri, imur iċ-ċinema ma’ ħabiba u meta jmur lura d-dar jgħidlhom li kien miżżewweġ!  Imma fuq kollox iħobb wisq id-dinosawri kif ukoll il-kulur aħmar.  U jiżfen fil-pjazza!

Li hemm sabiħ fdan il-ktieb huwa li jirrakonta l-esperjenza tat-tfal, kif jgħixuha t-tfal.  Imwassla bl-istess lingwaġġ.  Aspett ieħor huwa li jitlaq mill-esperjenza u allura jitbiegħed mir-retorika.  Din hija storja vera, li tissorprendik, tqabbdek għafsa ta’ qalb, iddaħħqek u ġġiegħlek tirrifletti.  

it-torca-2021-10-24_24-24

it-torca-2021-10-24_25-25

Ċelel bla ħitan

Awtur: Stephen Lughermo

Stephen Lughermo m’għadux isem ġdid fix-xena letterarja Maltija speċjalment wara s-suċċess kbir li kisbu l-kotba tiegħu fost iż-żgħażagħ.  ‘X’Aħna Smart!’ ta’ dan l-awtur kien ir-rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2014, Konkors imtella mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Aġenzija Żgħażagħ.     Fis-sena 2018 “Jarmuk” kien ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, fil-kategorija xogħol oriġinali (13 sa 16 -il sena) organiżżat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.  

Ċelel bla Ħitan hija l-ewwel ġabra ta’ novelli ta’ Stephen Lughermo b’pubblikazzjoni ta’ Horizons.  F’din il-ġabra tinħass sew l-esperjenza li Lughermo ġarrab mill-aħħar kotba li kiteb għal żgħażagħ u adoloxxenti.  Waqt li din il-ġabra hija maħsuba għall-adulti xorta f’dawn in-novelli nsibu l-esperjenza umana bħala ċ-ċentru.  U dan naħseb li huwa l-aktar punt b’saħħtu fix-xogħol ta’ Lughermo:  Huwa osservatur kif ukoll jirrifletti fuq bosta esperjenzi u kapaċi jwassalhom bil-pinna b’saħħitha tiegħu.  Dan il-ktieb tah il-lok, mhux biss li jikteb dwar ġrajjiet li huma immirati għal udjenza matura imma wkoll jimrah f’inkontri different u firxa t’esperjenzi usa minn dawk tal-kotba li tana s’issa.  

Kull novella tippreżenta karattru msakkar f’din iċ-ċella psikoloġika, fgat bit-tiġrib passat, preżenti jew ġejjieni tiegħu li jitħabat biex isib il-ħelsien tant mixtieq. L-ambjent magħżul huwa dejjem ta’ xi post ċkejken u soffokanti li fih il-protagonist iwaħħad l-esperjenza tal-għeluq mentali ma’ dak fiżiku.   Il-karattri llkoll jesperjenzaw klawstrofobija tar-ruħ, ibatu għeluq li ma jidhirx, jitħabtu ma’ ħitan inviżibbli bil-ħolma ta’ libertà f’dinja taparsi ħielsa.F’dawn in-novelli, għalhekk, l-awtur jirrappreżenta l-għeluq u l-klawstrofobija tal-ħajja kontemporanja li minkejja li tiftaħar ħafna bil-kunċetti ta’ libertà u drittijiet, għadha xxekkel lill-individwi f’bosta manjieri.

Iċ-ċelel mhumiex l-istess. L-għeluq huwa wieħed.  Ambjentati f’postijiet klawstrofobiċi, in-novelli ta’ din il-ġabra jlaqqgħuna ma’ karattri mill-ħajja ta’ kuljum.  Mill-brejk tal-karozza sal-għanjiet tal-Milied jkomplu jdaħħlu lill-qarrej f’esperjenza sensorjali u aktar jista’ wieħed jistħajjel dak li jkun qed jaqra. It-taħdit f’dawn in-novelli mhux biss ma jagħmlux dawn l-istejjer monotoni imma jkomplu jżidu din l-istess esperjenza.    Insemmu ngħidu aħna l-monotonija tal-awtostrada.  Silta qasira minn din in-novella diġa hija biżżejjed biex wieħed japprezza l-mod kif l-awtur iwassal ir-rakkont, b’tali mod li l-qarrej jesperjenza l-istess sentimenti. 

“Inżilt mit-trakk, nitmattar fl-arja nġazzata ta’ filgħodu u nofroq iċ-ċpar bħal f’xi logħba ta’ tfuliti.  Imxejt lejn id-dawl jinfed minn qalb it-tajjar, bit-tvenvin tal-karozzi fl-isfond, bħal fantażmi jlebbtu wara purtiera bajda.  Il-ġogi kienu għadhom iebsa imma xi ħaġa kienet qed timbutthom lejn id-dawl tal-ħanut.  Kif irfist l-għatba tajt daqqa t’għajn lejn il-bank tal-kaxxiera.  Għall-erwieħ!  Malli rajtha il-kesħa donnha ħarġet minn ġismi”  (Chiolmetro Cinqanstasette, pp-7-8).

Karatteristika oħra li nsibu f’dawn l-istejjer hija li jqabbel ħaġa m’oħra.  Ngħidu aħna jqabbel il-fatt li tfajla tipprova ma tinqabadx minn xi speed camera ma’ realta’ oħra (forsi aktar kruċjali fl-istorja) li tipprova ma tinqabadx mill-maħbub tagħha waqt l-avventura tagħha. 

“Sa minn meta bdiet tistenna l-lezzjonijiet taż-żfin aktar minn tmiem il-ġimgħa.  Sa minn meta bdiet tħoss qalbha taqbeż ma’ kull daqqa t’għajn bis-serqa bejn żifna u oħra.  Sa minn meta bdiet taħbi l-mowbajl minn ħarset Jake u tħabbel moħħha għal xi skuża ta’ aktar reherseal” (B’min trid tidħak, p.27).

Kif għidna Lughermo jidħol fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum.  Insemmi ngħidu aħna il-weġgħa tas-separazzjoni, fejn minn kliem tabib jistaqsik għal parir tal-mara, għall-istess nuqqas tat-tfal għall-preżenza t’ommhom.  Interessanti kif Lughermo għażel il-figura tal-missier, forsi ftit li xejn naħsbu dwarha, minħabba li l-maġġoranza ta’ ġenituri waħidhom huma nisa.  Pero’ ovvjament dak li jgħodd għall-irġiel jgħodd ukoll għan-nisa.

“Daż-żmien sar iħollni iżjed.  Kliemha kien sar għalija bħal ilma li jisqini fl-għatx tad-deżert.  Mhux darba jew tnejn insib ruħi nistaqsi x’għamiltilha ħażin `il din it-tifla, għala minn jum għal ieħor u xahar wara xahar, insibni mbarra minn ħajjitha, donni djanjostikat b’xi marda li tittieħed tant li bilkemm jistħoqqli ħarsitha” (Bla kura, p.47).

Għandna r-realta’ żagħżugħa, waqt id-divertiment karatterizzat mill-użu tal-alcohol (p.79).  

L-aktar element li laqatni f’dawn l-istejjer huwa l-mod kif jieħdu xejra differenti.  U dik is-sorpriża ma tonqosx. Ngħidu aħna dik it-tifla żgħira li tant kienet tifraħ meta kient tkun fil-jott taz-“ziju” tagħha, li fil-fatt ma kienx għajr ħlief ħabib tal-familja.  Imma kellha tagħraf li “Għeruqi ma kinux iż-Żejtun.  Kienu hawnhekk fl-għeluq fgat ta’ jott pensjonant u f’xi belt imbiegħda fil-Belġju” (Il-Kabina, p.41).  Mhux ta’ b’xejn meta kibret umbrat dak l-istess jott li tant kienet titgħaxxaq fih fi ċkunitha!  

Tema oħra li nista’ nislet hija allura dik tal-imgħoddi.   Insemmi ngħidu aħna n-novella “Konfessjoni” (p.55), fejn għandna toqol ta’ persuna anzjana li ma għenetx persuna waqt suwiċidju.  

U la qed nitkellmu dwar sorpirżi:  Xi ġralu t-tabib fin-novella “Is-sena tagħna”.  U s-sid fis-sauna (Rigal) 

Din hija l-ħames pubblikazzjoni ta’ Lughermo wara X’Aħna Smart! (Horizons, 2015), Jarmuk (Horizons, 2017), Ix-Xewqa ta’ Luke (Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Care, 2018) u Toni tat-Tritoni (Horizons/Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, 2019).   

it-torca-2021-10-10_20-20

it-torca-2021-10-10_21-21