Ta’ Joseph Busuttil
it-torca-2021-12-12-1_28-28 it-torca-2021-12-12-1_29-29Daqs xahar ilu attendejt tnedija ta’ ktieb ftit differenti mis-soltu, imżewqa bl-għana Malti. Żweli jirrapreżenta l-imgħoddi differenti ħafna, ħajja li llum qajla nimmaġinawha. U għalhekk kien f’waqtu li Joseph Busuttil iddeċieda li jiddokumenta l-ħajja ta’ zijuh li llum għandu 90 sena. Kif jgħid tajjeb Paul P. Borg li kiteb id-daħla ta’ dan il-ktieb, huwa importanti li jiġu d-dokumentati l-ħajjiet tax-xjuħ tagħna għaliex ma’ kull xiħ u kull xiħa li jitilqu mis-soċjetà tagħna, jieħdu magħhom esperjenzi u tifkiriet li huma imprezzabbli. Żweli huwa persuna li b’xorti ħażina ġarrab ħafna wkoll fosthom il-mewt tal-mara tiegħu u għex armel għal ħafna snin. L-aħħar weġgħa għal Żweli kienet it-teħid tal-art għall-iżvilupp, u għalkemm dan il-bini baqa’ qatt ma’ sar, ir-razzett ta’ żweli u l-għelieqi tiegħu żgur li m’għadhomx kif kienu qabel. Għajr għal-kenn tal-għorfiet li baqa’ u li fihom Żweli għadu jsib il-mistrieħ.
L-intervista għandha valur kbir ħafna fir-riċerka. Din hija l-ħajja ordinarja tan-nies li x’aktarx mhux ser ssibha dokumentata f’sorsi sekondarji u lanqas b’mod żbaljat mibdula f’ħafna eloġji li jwasslu biex noħolqu miti bħal fil-każ ta’ nies popolari. Ħa nkun realistiku, bla ma nkun qed nonqos lill-familja Gatt: Kieku Joseph Busuttil ma kitibx dan il-ktieb ħadd ma kien ser jikteb dwar Żweli. Imma ma Żweli konna nitilfu wkoll l-evidenza, id-dokumentazzjoni primarja li tagħtina ħafna informazzjoni ta’ valur li titfa’ dawl kbir fuq bosta’ użanzi,
Min hu Żweli?
“Qatt ma mar skola, iżda gradwa bl-unuri bil-għaraq ta’ xbinu fuq medda ta’ ħafna snin mill-ogħla għajn ta’ tagħlim, l-Universita’ tal-ħajja.
Ma jafx jaqra, iżda jekk toqgħod tisimgħu tajjeb, jaqsam miegħek kliem li fih x’tomgħod. Ħsibijietu gelgul safi ta’ ilma ġieri li jaqtagħlek l-għatx fl-eqqel sħana tas-sajf. Ma jafx jikteb, l-anqas ismu – jiffirma l-karti tal-bżonn billi jħarbex salib fil-kaxxa jew fuq il-linja. U slaleb ra, u refa’, għax daq sewwa mill-morr tal-ħajja.
Iżda kull darba li xortih sabbtitu mal-art, Żweli ġġieled lura midrub iżda mgħonni b’armar ta’ saħħa minn ġewwa li jrid ikompli miexi ‘l quddiem, li għada jisbaħ jum ieħor ġdid.” (p.23)
Dan il-ktieb joffrielna ħafna tagħrif interessanti tal-ħajja fl-imgħoddi. Fi żmien ta’ qabel il-gwerra meta kien hawn l-għaks, il-Fenek tal-Indja ma kienx jitrabba biss għall-gost imma kienu jagħmlu bormla stuffat tajba bihom ukoll (p.43). Nifhmu li l-Gwerra m’affetwatx Ħ’Attard daqs kemm kienu taħt in-nar ngħidu aħna l-inħawi ta’ madwar il-port il-kbir. Biss, jiftakar tajjeb kif fuq naħa tar-razzett, lejn l-isptar bdew jitħaffru xi xelters. Żweli jiftkar tajjeb ħafna wkoll meta kienu jistkennu fix-xelters u l-bombi li kienu jinżlu. Minbarra l-bombi jiftakar ukoll li kienu jitfgħu “termosijiet bl-isplussivi u hand grenades” (p.53). Billi xi wħud ma kinux jieħdu fuq ħamrija mxarrba, huwa jiftakar tajjeb meta żewġt aħwa kienu qed iżarmaw dawn il-bombi u ħadu f’idejhom. Sfotunatament mietu, waħda mill-esperjenza kiefra tal-gwerra.
Fost l-aktar episodji ta’ niket huma bla dubju ta’ xejn dawk familjari fosthom il-mewt ta’ martu Konza (p.142). Imma ta’ tħassib għalina huwa t-teħid tal-għelieqi għall-iżvilupp għaliex b’xorti ħażina din hija realta’ li qed ngħixu. U l-flus qed jagħmuna pero’ mhux nirrealizzaw li fl-aħħar mill-aħħar irridu x-xogħol tal-bdiewa u r-raħħala tagħna biex nieklu.
Dan il-ktieb għalhekk hu xhieda ta’ ħajja Maltija fl-imgħoddi riċenti li l-qarrej adult sa jintebaħ li spiċċat għalkollox mill-irħula tagħna għax f’lokha daħal il-moderniżmu li bidel mhux biss il-mod ta’ għajxien imma wkoll it-taħdit tagħna, ix-xogħol tagħna u saħansitra l-mod kif inħarsu lejn l-ambjent.
Joseph Busuttil iwassal għadd kbir ta’ avventuri u azzjonijiet b’Malti mirqum u mexxej. Żweli hu x-xiħ li jirrifletti dwar l-esperjenzi ta’ ħajtu, jitkellem u jwiddeb, jitlobna li nżommu fi kliemu bħala xiħ u niftakru f’art li kienet u issa tbiddlet għalkollox. Żweli jitkellem fuq l-antenati tiegħu u ħajjithom, kull paġna tirrakkonta l-ħidma tiegħu fir-raba’ bħala bidwi u raħħal, il-ħidma bil-baqqun iħaffer it-trinek fit-toroq, bħala biċċier il-biċċrija, u għadd ta’ attivitajiet oħrajn li jirriflettu ħajja sempliċi imma mimlija tbatijiet. Jistedinna bħalma jafu jagħmlu x-xjuħ kollha, li nidħlu fil-ġrajja nostalġika tal-ħajja madwar iz-zuntier u waqt gwerra qalila wiċċ imb wiċċ mal-mewt. Żweli jaf li l-ħajja trid tibqa’ għaddejja – imma mogħnija b’żieda ta’ għerf u valuri mġedda.
Joseph Busuttil ipinġi lix-xwejjaħ Żweli bħala bniedem elokwenti li juri li jekk aħna ma napprezzawx dak li Alla tana, u ma nkunux nafu mnejn tlaqna, ma nkunu nistgħu qatt insibu fejn irridu naslu bħala ġens. Żweli hu wieħed mill-aħħar bdiewa ta’ Ħ’Attard u jitfa’ dawl qawwi fuq il-ġrajja soċjali u t-tibdiliet kbar li ġarrab dan ir-raħal.
Il-ktieb fih 214 paġna jinkludi ritratti nostalġiċi ta’ soċjetà mgoddija, għandu kumment kritiku ta’ Paul P. Borg, hu pubblikazzjoni tal-Awtur u mitbugħ Progress Press u illustrat. Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mis-sit: https://bdlbooks.com/product/zweli/
Proset u grazzi talli rnexxielek twassal il-messagg tal-htiega li ma ninsewx kliem ix-xih!!
Il-festi t-tajba Omar.