L-ambjent li qeridna

ta’ Carmel Scicluna

it-torca-2021-12-05_24-24

Għal xi wħud l-ambjent qed nifhmu dwar l-ambjent rurali u bosta awturi kitbu kontra din il-qerda.  Iżda l-ambjent huwa fejn qed ngħixu, dak li mdawrin bih; fi kliem ieħor id-dinja ċkejkna ta’ madwarna.  Tajjeb allura noqogħdu attenti li l-ktieb jismu l-ambjent li qeridna (mhux li qridna). 

Dan huwa ktieb b’tlieta u ħamsin poeżija oriġinali. Dan hu l-erbatax-il ktieb u t-tieni ġabra ta’ poeżiji bil-Malti li ssawru fuq medda ta’ erba’ snin. L-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ Carmel Scicluna kienet “Il-kalċi qiegħed ifur” diġa tindika l-lehma poeta ta’ dan il-poeta.  Dwar dan il-ktieb jien kont ktibt hekk fil-Paġna letterarja ta nhar il-Ħadd 29 ta’ Lulju 2018:

“Il-poeżija ta’ Scilcuna hija bħal warda ġdida fil-poeżija kontemporanja u tinfatam minn temi progressivi u liberali li ddominaw dan l-aħħar snin u għaldaqstant tiftaħ beraħ kurrent ieħor ta’ ħsieb.  Jidhirli li l-ħsieb tal-poeta jimxi mal-liġi naturali u jixxennaq għall-qafas soċjali li jikkonserva l-valuri tradizzjonali.  Madankollu f’dawn il-poeżiji wieħed ser jistenna wkoll il-protesta u protesta ħarxa kontra kull min jitbiegħed minn dawn il-valuri u juża l-liċenzja artistika tiegħu li jfisser dan l-għadab tiegħu (u frustrazzjoni fl-istess ħin) bl-aktar mod qawwi.”

Jidirli li dan il-ktieb ikompli mal-ewwel ġabra bid-differenza li jwessa’ l-ħsibijiet tiegħu u jifrex fuq aktar temi.   F’din il-ġabra fil-fatt Scicluna tbiegħed ferm mill-ermetiżmu u l-oskurita’ tal-versi bikrija. Scicluna f’din l-antoloġija jagħfas fuq il-vers sempliċi u profond. Hemm, fl-aħħar mill-aħħar, evolviment fl-iżvilupp tat-temi u l-kontenut, u maturita’ ikbar fl-immaġinarju poetiku tiegħu.

L-influwenza t’ bosta awturi klassiċi f’din il-ġabra hija evidenti għaliex b’mod intelliġenti Carmel jirreferi għal dawn il-poeżiji u jintegrhom fil-ħsieb tiegħu.   Naraw kemm hu infurmat dan il-poeta għax anke fejn m’hemmx dawn ir-referenzi, jagħraf bħalma għamel fil-każijiet li diġa semmejt jibni b’mod tassew kreattiv il-metafora unika tiegħu u jwassal il-viżjoni tiegħu. 

Bħala prinċipji minn banda naraw li l-awtur huwa indipendenti, ma jinġarrx bl-ispag tas-soċjeta’ moderna liberali kapitalista u sekulari.   B’saħħtu biżżejjed li waħdu lest li joħodha “kontr’għedewwa

Daqs torrijiet falliċi

Magħqudin annuna…” (L-ambjent li qeridna, p.72)

L-istess ħsieb u din l-istess determinazzjoni jesprimihom fil-poeżija “Dritta triqti”:

“Avolja nitlef il-ħbieb

Li jriduni nserrep

Fit-trejqiet tal-moda.

Avolja nitlef ħemel flus

Għax ma naqsamx

Għax-xogħol jirrendi fl-isqaqien”

(p.36).

Din il-poeżija hija ispirata mill-kanzunetta Bitter Sweet symphony, tal-grupp The Verve fejn anke fi-vidjow ta’ din l-istess kanzunetta naraw il-kantant ta’ dan il-grupp Richard Ashcroft jibqa’ miexi fit-triq (Hoxton Street)  minn qalb il-folla bl ma jagħti każ madwaru jew ibiddel id-direzzjoni.    L-istess determinazzjoni tidher fil-poeżija “Samsa” (p.20), poeżija ispirata mir-rumanz ta’ Franz Kafka li tirrakonta l-istorja ta’ Gregor Samsa li darba fost l-oħrajn iqum u jsib li ttrasforma ruħu f’insett kbir u jrid jara kif jadatta għal din il-kundizzjoni ġdida.

Mill-banda l-oħra huwa jitneżża minn kull pretensjoni u jerġa’ lura lejn dak li huwa essenzjali.  Ma jinteressah xejn minn dak li huwa materjali.   Fil-poeżija “Bħall-għonja kont nara” (p.37) jgħid:

“Ħbiebi l-kwiekeb, il-lejl, l-għoljiet imbiegħda

U ma rridhomx dad-dawl tal-belt fl-iljieli

Għax serquli rqadi w kiddewli ruħi.”

L-umilta’ tiddomina f’ħafna minn dawn il-poeżiji

“Mill-baxx ninsab ċert bl-istilel fl-għoli” (p.38)

Għall-kuntrarju tas-suppervja tal-bniedem u l-egoċentriżmu, t-tama allura tiġi mill-Fidi:

“Il-ġebel ħaj jistenna

bħal ġinokkjatur

lill-wemmiena”  (Ġo żaqq il-balena, p.98).

Scicluna jitnikket li qed jintilfu l-valuri li sawruna.  Fil-poeżija “Ħallelin” (p.58) jgħidilna:

“Ma jidhrux dal-ħallelin li daħulna!

Teżori maħżuna fuq elefejn sena

Girfulna – ġawhar ta’ missirjietna!

Sa ruħ il-friżji u l-ġilji selħulna”

Il-ħsibijiet tiegħu ma jħallihomx fil-arja.  Jinkwieta wkoll għal pajjiżna Malta, li kif nafu, ċerta drawwiet ta’ dari qegħdin dejjem aktar jintilfu. 

“U fejn għosfru l-jiem fejn dammejna l-lewlu

Ta’ mħabbitna fietla, tradizzjonali,

Taħt il-loġoġ kennija ta’ drawwietek”  (p.68).

Il-valuri huma dawk li jagħmluh liberu.  Li jeħilsuh mill-ktajjen.  Forsi kontra ħafna poeti oħra kontemporanji li jippropogaw il-liberaliżmu f’bosta xogħoljiet tagħhom, Scicluna huwa kritiku ħafna għal mod kif

Anke lil bintu jwissi biex toqgħod attenta u ma tispiċċax ilsiera tad-dinja, ma tiġix ikkontrollata fuq x’tilbes u saħansitra x’tgħid.

“Iriduk titkelem

minn telefown

bil-wajer maqtugħ” (p.62)

Donnu l-istess ħsieb jidher anke fil-poeżija “Ħadran kien jitwieraq il-weraq” ispirata mill-poeżija “Song of Myself”  ta’ Walt Whitman li titkellem dwar kif il-bniedem jitwaħħad man-natura u miegħu innifsu.   Infakkar li f’din il-poeżija klassika, Whitman iwassal il-messaġġ li kulħadd għandu jkollu vuċi f’demokrazija u jekk dik ta’ xi wħud tkun imċaħħda, allura l-kriterji demokratiċi ma jkunux qegħdin tajjeb.  Din il-poeżija kienet influwenzat lill-grupp favorit tiegħi Nightwish, f’kanzunetta li ġġib l-istess isem mill-album Imaginaerum.

Kif semmejna fil-bidu, dawn il-prinċipji fundamentali li sawruh, japplikhom għal bosta sitwazzjonijiet li kidduh, u oħrajn li ħass li għandu jagħtihom tifħir.   Jitnikket ngħidu aħna bl-“isparar t’Thousant Oaks, Kalifornja”  (p.64), u bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia (Qtil f’nazzjon mafjuż, p.116). 

Scicluna għandu ħakma tajba tal-kelma u bħalma min għandu s-sengħa tal-fuħħar jifforma t-tafal hekk dan il-poeta jibni l-kliem tiegħu, ngħidu aħna “Ħadran kien jitwieraq il-weraq” (p.17).    B’mod ġenerali ngħid li fil-ktieb tinħass il-kritika lejn is-sekulariżmu u l-liberaliżmu bħala l-assolutiżmu ta’ żmienna.  U kif għid qabel forsi dan l-awtur, naqblu u ma naqblux miegħu, jiddistingwi ruħu, u nammira l-fatt li anke fi vrusu ma jinġarrx mal-kurrent, ma jimpurtahx li jintgħoġob. Ma jimpurtax li joqros ftit anke l-prinċipji li nħaddan jien, xorta joffrielna punti għal riflessjoni.  U dan li jagħmlu poeta tant għal qalbi. 

Il-ktieb fih 152 paġna, għandu produzzjoni sabiħa u maħruġ minn Horizons.  L-Ambjent li qeridna hu preżentement finalista għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.    Infakkar li Scicluna rebaħ l-ewwel premju tal-Konkors tal-Poeżija Doreen Micallef 2021 b’Submersi Filii, miktuba bil-projective verse u multi-layered; miktuba b’lingwaġġ ċar, personali u dirett fi kliem il-judges li faħħruha u għażluha minn 50 poeżija eliġibbli oħra.  hi poeżija li se tidher ‘il quddiem fit-tielet ġabra ta’ poeżiji tiegħu.

Leave a Comment