Lil Lino Bugeja forsi bosta jafuh bħala ambjentalist, l-aktar meta kien iservi bħala President tal-Għaqda tar-Ramblers. Lino Bugeja iżda huwa wkoll sportiv, tant li kien fost l-ewwel atleti Maltin li ħadu sehem fil-Logħob Mediterranju, jilgħab il-futbol, coach tal-futbol, kap ta’ skola, segretarju tal-Kumitat Olimpiku Malti, lekċerer, kif ukoll ġurnalista. L-esperjenza vasta ta’ Bugeja kienet ta’ kontribut kbir għal dan il-ktieb. AGON, sponsorjat mill-APS Bank Limited, huwa ġabra ta’ studji, b’lingwa li wieħed faċilment jifhem, dwar l-isport sa mill-qedem sal-epoka moderna meta “l-isport sar feonomenu globali u meqjus mill-UNESCO bħala dritt fundamentali tal-bniedem.” Interessanti ħafna li hawnhekk għandna xogħol lokali, u l-awtur ma naqasx li jinkludi wkoll ix-xena lokali fl-istudji tiegħu.
AGON huwa ppreżentat sabiħ ħafna u b’numru ta’ stampi bil-kulur li jgħinnu l-qarrej jifhem aktar l-istorja tal-isports, bħalma huma id-daħla tal-istejdjum antik ta’ Olimpja, il-fdalijiet tat-Tempju ta’ Poseidon ħdejn Korintu, il-karta tal-identita’ ta’ Victor Pace, wieħed mill-għawwiema Maltin f’Amsterdam, posters tal-logħob olimpiku u ħafna oħrajn. Bħala eduakatur, Buġeja ma jonqosx milli jsemmi il-benefiċċji edukattivi u soċjali tal-isports. Fl-istudji tiegħu jidħol ukoll fir-relazzjonijiet tal-isports mal-arti, mar-reliġjon, u rwoli varji tal-isports.
Għad-dilettanti kollha tal-isports, li nafu li hawn ħafna qarrejja tagħna, dan huwa ktieb li għandhom jakkwistaw. Imma anke għal dawk li mhumiex dawshekk dilettanti tax-xena sportiva, dan huwa ktieb li se jolqothom żgur għax fih ser isibu xogħol riċerkat li għandu jkun fuq l-ixkafef tal-librerija tagħhom. (L-Orizzont, 8 ta’ Frar 2014)