Ċans ieħor u stejjer oħra

Awtriċi: Mandy Cilia

Mandy Cilia hija awtriċi ġdida u naħseb li l-ħolma wara dan il-ktieb kienet wara l-popolarita’ tal-istejjer tagħha fil-paġna ta’ Facebook “Mill-Pinna ta’ Mandy Cilia”.  Permezz ta’ din il-Paġna Cilia kienet bdiet taqsam magħna xi stejjer ħelwin li jinżlu għasel mal-qarrejja fuq Facebook.  Dawn il-Paġni fuq Facebook qed jagħtu ħafna gost u bla dubju ta xejn taw ħafna aktar valur il-mezzi soċjali.   

Deċiżjoni tajba li Mandy Cilia għażlet li tippublika dan il-ktejjeb.  Wieħed jifhem li dan huwa debutt għal din l-awtriċi, li huwa biżżejjed biex tagħti gost lil ħafna nies.  U fl-aħħar mill-aħħar dan l-għan intlaħaq.  Xi waqtiet fakkarni f’xi kotba li nkitbu għaż-żgħażagħ bħal ngħidu aħna fiż-żmien kien ħareġ ”It-Triq għaż-Żgħażagħ imma… liema triq?” u oħrajn.  Cilia hija żagħżugħa wara kollox, u dawn l-istejjer ukoll huma friski, onesti u b’messaġġ ċar u dirett.  

F’ħafna minn dawn l-istejjer għalhekk donnha trid twassal messaġġ li huwa aktarx fil-wiċċ.  Ngħidu aħna li wara t-tbissima ta’ persuna hemm it-tbatija (Ġanni l-buffu, p.12); l-Imħabba lejn l-annimali (L-istorja tal-kelb, p.9), it-trawma wara rejp (p.11), u li minkejja li ma trid tagħmel lil ħadd alla tiegħek u l-ħbieb jaf jitfuk fl-għawġ, xi darba wkoll jidher xi“Ħabib”(p.126). 

Is-sempliċita’ tal-ħajja tispikka f’bosta minn dawn l-istejjer u l-awtriċi tagħraf l-importanza li

t-teknoloġija ma tisirqilniex ħajjitna (Lill-umani, p.13).  Il-bniedem għaldaqstant huwa fiċ-ċentru ta’ dawn l-istejjer.  U wara kulll bniedem hemm storja, kif insibu fl-istorja it-tabib, fil-fehma tiegħi waħda mill-aħjar f’din il-ġabra (p.34).

Irrid nagħmilha ċara li dan mhuwiex ktieb għal min ifittex xi kontroversja fl-istorja.  Ċertament iżda li huwa ktieb għal min qed ifittex qari mexxej, stejjer qosra u fuq kollox li jagħtuk pjaċir.  Wara kollox jekk l-għan tal-qari huwa li jagħti gost il-qarrej, Mandy Cilia laħqet dan l-għan u persważ li `l quddiem ser naraw aktar xogħlijiet ta’ din l-awtriċi.  

it-torca-2022-02-06_20-20

it-torca-2022-02-06_21-21

Leave a Comment