Sailor Jack u stejjer oħra

Awtriċi: Lina Brockdorff

Lina Brockdorff tibqa’ waħda mill-awturi favoriti mal-qarrejja Maltin u mill-aktar imfittxija.  Mhux ta’ b’xejn li anke f’din il-paġna kont intervistajt lill-awtriċi u anke tajt ħarsa lejn il-kotba tagħha bosta drabi.  “Sailor Jack u Stejjer Oħra” kif jindika ismu stess, jikkonsisti f’ġabra ta’ novelli.  34 storja li żgur mhux ser jiddiżappuntaw lill-qarrejja.   F’dawn in-novelli wieħed ser isib bosta elementi li nsibu f’kotba oħra ta’ din l-awtriċi. Xi waqtiet forsi neqsin mit-taħdit, pero’ dak li hemm huwa sinifikanti u jwasslu kemm biex wieħed jidħol fl-istorja mill-esperjenza ordinarja tal-ħajja u anke lejn l-aħħar b’xi sorpriża li jwasslulna.  

It-temi li xtaqt nislet minn dawn l-istejjer huma dawn: 

  1. Stejjer mill-ħajja ta’ kuljum. 

Bosta mill-istejjer ta’ Lina Brockdorff huma misluta mil-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant il-qarrejja jirrelataw ħafna magħhom.  M’hemmx xejn surreali u huma ambjentati f’ħajja ordinarja u tixbah dik ta’ ħafna minnha.  Ngħidu aħna Mariella thejji l-kazzola u tqaxxar u “tqatta’ rqiq il-basal għal istuffat;  kienet l-akar biċċa xogħol li tobgħod fost it-tisjir kollu għax għajnejha kienu jdumu siegħa jaħarquha wara.  Ippruvat minn kollox forsi issib rimedju.”  

Fil-Paġna Letterarja tas-27 ta’ Marzu 2016 kont dehret intervista ma’ Lina Brockdorff fejn fost oħrajn staaqsejtha kif fil-kitba tagħha hemm ċerta fantażija u seħer, imma fl-istess ħin tibqa’ fattwali u realistika.  Għal din il-mistoqsija, Brockdorff wieġbet hekk:   “Nipprova dejjem inżomm saqajja mal-art, illum li kbirt, anzi nista’ ngħid li xjaħt għandi esperjenza ġmielha ta’ dak li tgħati l-ħajja. Ma nista’ bl-ebda mod ninqata’ minn din ir-realtà. Ma nistax nibbaża storja fuq xi ħadd li xejjer daqqa ta’ sikkina lil sieħbu u minflok demm ħareġ żejt. Tkun ġrajja ridikola kemm tridha. Inkun qed nipprova ngħaddi lill-qarrej biż-żmien, għax waqt li dan qed jaqra biex għal ftit sekondi jinsa l-problemi tiegħu, żgur li mhux ser jaċċetta vavati bħal dawn.  Fl-istess ħin nammetti wkoll li l-ħajja ma fihiex biss xewk; għax dejjem, qalb kull tip ta’ xewk ikrah u kiefer,  tfeġġ xi warda. Jista’ jkun li ndumu nfittxu dik il-warda, jista’ jkun li nsibuha biss wara li nkunu kważi qtajna qalbna għal kollox, imma hemm tkun.  Allura nipprova nżewwaq il-ġrajjiet li waqt li drabi jniggżu xi ftit l-emozzjoni tal-qarrej fl-istess ħin malli fl-aħħar jirnexxilek tilmaħ dak il-lewn delikat u xxomm dik il-fwieħa tal-warda inti tinsa kollox.”   Risposta simili ta’ Brockdorff deheret fil-ġurnal letterarju online Il-Pont ta’ Settembru 2021 (p.14),  

“Personaġġi u temi partikolari li tittratta fi stejjer bħal dawn? Dejjem nipprova nżomm mar-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Infatti fl-ebda rakkont ma messejt ma’ ġrajjiet straordinarji jew avventuri li rari jiġru billi nkun nixtieq li l-qarrej jidħol kemm jista’ jkun f’dak li qed jaqra, iħoss biċċa mill-istorja, ħaga li aktarx tiġri awtomatikament. Il-personaġġi nsawwarhom fuq nies li nkun naf sew, jew li għallanqas iltqajt magħhom u naf xi ftit jew wisq xi jsarrfu, kif iġibu ruħhom f’dik iċ-ċirkustanza partikulari tal-ġrajja.”

  • Element tas-Sorpriża 

Brockdorff għandha ħabta tibni ċerta stennija fil-qarrej, ngħidu aħna l-bukkett tal-fjuri fuq il-gradenza li għalkemm kellu warda li bdiet titbiel ma setgħetx tmissu (L-imħabba taf tkun bla raġuni, p.147).   Imbagħad għandna lil Sunny li ħass il-kuxjenza tniggżu u ra kif għamel u ħeles mill-arloġġ li kien sab fuq mejda (X’kumbinazzjoni, p.189).  Hekk ukoll naraw fl-ewwel storja, fejn il-bar bl-isem ta’ “Sailor Jack” laqqa’ lil Kristina Smith ma’ persuna li tatha sorpriża li qatt ma stenniet. 

  • Stejjer Pożittivi 

Bosta stejjer ta’ Brockdorff huma tassew ħelwin.  Fihom dak l-element li l-qarrej jiggosta.  Ngħidu aħna fl-istorja “Mela…mela…mela” (p.135) niltaqgħu ma’ Kenneth li kellu l-vizzju misħut li jgħid “mela…mela..mela… dik ommok qisha l-belha”.   Imma mbagħad din l-esprezzjoni jużha fi tmiem tassew ħelu fejn il-maħbuba tiegħu jfakkarha li żgur ma kinetx belha li tatha lilha.  Imma mbagħad anke fejn hu iebes hu diffiċli, t-tmiem donnu jinbidel għal wieħed pożittiv.  Tajjeb dan?  Ħażin?  Ovvjament it-tweġiba hija suġġettiva imma  t-tmiem ta’ dawn l-istejjer x’aktarx huwa wieħed feliċi.  Ngħidu aħna fl-istorja “Meta daret ir-rota” (p.129), Frances fl-aħħar fieqet għal kollox u setgħet tmur id-dar.  

it-torca-2022-02-06_20-20

it-torca-2022-02-06_21-21

Leave a Comment