Innuendo

Awturi: Anthony Portelli u Antoinette Borg

Żewġ ħsibijiet ġewni hekk kif qrajt dan il-ktieb (a)  L-awturi qabdu suġġetti relevanti mislutin minn numru ta’ ġrajjiet u huma kruċjali fil-ħsieb tagħna (b) L-awturi għarfu jinsġu b’mod tajjeb dak li ispirhom biex jiktbu dawn il-ġrajjiet għal dak li hu attwali. 

Mill-arti, sa’ xi qtil mafjuż, dan huwa speriment oriġinali ta’ letteratura kollaborattiva: 12-il storja, miktuba bi sħab minn żewġ awturi rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju Francis Ebejer, li jispazjaw tul firxa wiesgħa ta’ pajjiżi, relazzjonijiet u emozzjonijiet.

Storja minnhom dwar il-laqgħa li toħodna lura għall-imħabba ta’ Gustav Klimt and Emilie Flöge, żewġ artisti kbar fl-qosma tagħhom:  Emilie kienet disinjatriċi tal-moda waqt li Gustav kien pittur.   Mill-banda l-oħra niltaqgħu mar-raħħal Turu (propjament Arthur)  b’razzett tal-ħnieżer li ltqaqa’ ma’ infermiera li kellha t-tpinija. Iħajjarha biex tmur tgħix miegħu fir-razzett.  It-tmiem ta’ din l-istorja mhux wieħed feliċi imma dak inħallih għal din l-istorja.  L-esperjenza kiefra tal-gwerra u tal-firdiet bejn il-bnedmin jispikkaw fl-ewwel storja.   Hawn niltaqgħu ma’ mara li tersaq quddiem James u meta jsaqsilha isimha twieġbu  “B19637” u titolbu bi ħniena biex ma jibgħathiex f’kamp tal-konċentrament.  “Sparali sinjur” titolbu.  

Dan huwa dak it-tip ta’ ktieb li fl-immaġinazzjoni joffri lill-qarrej esperjenza sensorali, li tinkiseb grazzi għall-informazzjoni vasta li saret dawn l-istejjer minn kanzunetti popolari, tagħrif dwar il-gwerra, l-arti, l-kultura sal-ħajja mill-aktar ordinarja.  Il-konklużjoni tal-istorja mhux neċessarjament hija waħda li l-qarrej ser jasal għaliha b’mod faċli.  L-isem għaldaqstant tassew xieraq:  Innuendo!  L-istejjer fihom infushom xi waqtiet bħal jibnu ċeta tensjoni, kurżita’ u anke forsi rabja.  Kif insibu anke fil-kopertina ta’ dan il-ktieb, “Darba waħda Ruth talbet lil James biex jisparalha. Flavia neħħiet kull mera li kellha fid-dar. Lil John ġrew warajh bil-ġebel fit-telgħa ta’ Raħal Ġdid, u Turu ħalla l-majjali bil-ġuħ. Miguel kien f’dar ta’ klijenta u fetaħ kexxun li ma kellux jiftaħ, u erbat iħbieb poġġew tarbija f’basket tax-xiri.”   L-emozzjonijiet għalhekk jilgħabu logħba ferm importanti.   Meta qed naqra dan il-ktieb xi waqtiet ħassejtni qisni parti mill-istorja u jien ukoll irrid nara insibx ħjiel ta’ dak li ser jiġri jew wara kollox għaliex ġara dak li ġara. 

Niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet ordinarji, eżempju tifel li joħdilha x’xirja d-dar.   Mill-banda l-oħra għandna mhux biss episodji minn pajjiżna imma anke barra minn xtutna bħal Venezja, l-Awtrija sa pajjiżi aktar `il bogħod bħal Sri Lanka.   

Il-faċċat ta’ dan il-ktieb hija wkoll interessanti ferm:  Xogħol ta’ Faye Paris, u naraw wiċċ kompost minn ors, widnejn donnhom ta’ ħanżir u b’maskra venezjana. Ċertament dawn it-tlieta huma ispirati mill-kontenut tal-istejjer infushom. 

Tislima lil Anthony Portelli 

Huwa xieraq li f’din il-ħarsa insellmu lil wieħed mill-awturi ta’ dan il-ktieb, Anthony Portelli li ħalliena fid-9 t’April tas-sena li għaddiet (tal-2021).  Portelli twieled fl-1947 f’San Pawl il-Baħar u kien l-akbar fost tlettax-il aħwa.  

Il-bidu ta’ Portelli forsi jmur lura fis-snin tmenin, meta beda jikteb id-drammi  l-MTADA fejn kiteb “Deheb Iswed”  u “Domino”.  Kienu bosta xogħlijiet fuq il-palk ta’ Portelli, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.   Fost ix-xogħlijiet tiegħu insibu Il-Maskra tal-Imħabba, Triq Burnaby, Ħajja mill-Ġdid and Ċella Numru Ħamsa. Fost ix-xogħlijiet bl-Ingliż tiegħu wieħed isib  Best Before End (li ttellgħet fl-1999), They Came for Up Helly Aa (li ttellgħet fl-2003), When Harry lost his marbles (2002), u Celebration (2003).   Anthony Portelli rebaħ l-ewwel premju fil-konkors Francis Ebejer għad-dramm Ħajja mill-Ġdid fl-2001, mill-ġdid għar- radjudramm Kiesaħ u Biered fl-2011 u t-tieni premju bir-radjudramm Lippu d-Doggie (2012).  

Portelli tana wkoll xi xogħlijiet għat-televixin fosthom Chalì, Rikba bla Ħlas u L-Invażjoni li kienu parti mis-sensiela “Stejjer Qosra” illi deheret fuq One TV.   Anke fuq l-Istazzjon Nazzjonali deher it-teledramm tiegħu Ħelsien.

Innuendo, forsi l-aħħar xogħol tiegħu pubblikat huwa kollaborazzjoni mal-awtriċi bravissima Antoinette Borg li wkoll tatna ħafna kotba sbieħ fosthom Fittixni.  Fil-fehma tiegħi jagħtina togħma tajba tal-kitba ta’ dan l-awtur. 

Nixtieq nikkonkludi billi nagħmel appell:  Persuni bħal Anthony Portelli jistħoqqilhom rikonoxximent ikbar. Iva, nibda minni, u dawk kollha li għandhom mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll intom qarrejja, li ssiru tafu x-xogħol tiegħu.  Il-kontribut ta’ Portelli lejn il-Letteratura Maltija huwa wieħed kbir. 

it-torca-2022-02-06_20-20

it-torca-2022-02-06_21-21

Leave a Comment