Fejn setgħu qegħdin?

Wherever could they be?
Awtriċi: Naomi Gatt
Pubblikazzjoni: Horizons

Dan il-ktieb huwa parti mis-serje ta’ kotba tat-tfal “Il-ktieb dejjem ħabib”. Li laqatni mal-ewwel f’dan il-ktieb, kif ukoll kotba oħra f’din is-sensiela huwa li jiġi bil-Malti u bl-Ingliż. Nafu kemm huwa ta’ ħtieġa li uliedna jitgħallmu jħaddmu tajjeb iż-żewġ ilsna.

X’ferħ ikollhom it-tfal f’għeluq sninhom! Għalihom dan il-jum ifisser ħafna. Huwa jum speċjali fejn iħosshom speċjali. Imma ħej…mhux dejjem jiġi kif jixtiequ u dak li jkunu ħolmu.
Sakemm ma jkunx hemm xi sorpriża għalihom moħbija.

Dan huwa ktieb mimli emozzjonijiet. Fil-bidu naraw eċitament kbir, imbagħad naraw ferħ u mbagħad id-diżappunt għax ħadd ma qallu “Happy birthday”. Naraw is-sens t’avventura permezz tal-logħba noli fejn fittex saħansitra fejn is-siġra li kien jistkerrah.

Naraw ukoll l-istennija u x-xewqa, il-biża’ meta ra l-purtiera tiċċaqlaq u fl-aħħar is-sorpriża.

L-effett viżiv ta’ dan il-ktieb laqatni ferm. “Il-jeans il-blu” hija lewn kaħlani u “l-qmis il-ħamra” hija ħamranija. Xi verbi jew meta għandna azzjoni huma kulur u tipa differenti, ngħidu aħna “jiġri” u bejn “ġera u qabeż”. L-istess meta l-purtiera “tiċċalaq” u Benji beda jibża’L-istess huma xi postijiet importanti fl-istorja bħalma ngħidu aħna meta daħal ifittex lil ommu “fil-kamra tas-sodda” u mbagħad ġera lejn “Il-kċina”. Imma dan l-effett ta’ tipa u kulur differenti huwa kontinwu fil-mistoqsija “Fejn jista’ jkun qiegħed?” jew “Fejn setgħu marru?”

Fuq kollox fi ktieb bħal dan naraw kif il-kelma miktuba u l-viżiv imorru flimkien. Għalhekk għandna stampi mill-isbaħ, kuluri, tipa differenti u storja adattata għal etajiet żgħar.

Meta nara ktieb tajjeb bħal dan, anke bħala edukatur inħossni fid-dmir li nħeġġeġ il-bżonn tal-qari sa mill-etajiet bikrija. Qegħdin fiż-żmien tas-sajf u importanti li nħeġġu l-qari għall-gost. Dan ifisser li meta jaraw i-ktieb, it-tfal jogħġobhom, mingħajr bżonn li jkunu sfurzati li jaqraw u ndejquhom. U l-ktieb isir bħal “ġugarell” tagħhom. Dan il-ktieb jilħaq sew dawn l-għanijiet.

(Paġna Letterarja, 23 ta’ Lulju 2017)

Leave a Comment