Awtriċi: Antoinette Borg
Pubblikazzjoni: Merlin
Kif flejt dan il-ktieb, qrajt l-apprezzament qasir ta’ Trevor Zahra, qabel l-ewwel faċċata tal-ktieb. Trevor Zahra kiteb: “Biex kittieb jinseġ storja tajba, mhux bżżejjed li jkollu plott mill-aktar interessanti u oriġinali. Irid isib i-mod kif jgħidha. U biex isib dan il-mod, irid qabel kollox ikollu ħakma tajba fuq il-kelma: fuq il-vokabolarju, fuq l-idjoma u fuq sintassi midmumin kif għandu jkun.” L-ewwel ħsieb li għaddieli minn rasi kien li l-Pubblikaturi Merlin li minn dejjem kienu innovattivi u mxew mal-aħħar trends rażżnu ftit l-esperimentazzjoni. Iżda meta bdejt naqra l-istorja fis intbaht li ma kienx il-każ. F’dan il-ktieb għandna żewġ stejjer paralleli fi żminijiet differenti li jiffurmaw storja waħda. Bil-mod tibda’ tifhem aktar l-istorja għax l-awtriċi tibni bilmod b’mod sistematiku. Iżda l-qarrej jitħalla bil-kurżita’ sal-aħħar, u b’xenqa li jidħol fl-istorja u bħal Jack jagħmel ir-riċerki dwar dan il-każ misterjuż. Il-ħila kbira ta’ din l-awtriċi hija anki fil-mod kif tuża lingwaġġ differnti fin-narrattiva ta’ żagħżugħ adoloxxenti u dik ta’ persuna femminili adulta. Mela d-differenza mhijiex biss fil-epoki differenti, imma anki fil-karattri differenti.
L-istorja hija rrakontata minn Jack li jibda vjaġġ mimli tensjoni, suspans u ħafna kurżita’ sabiex ifittex l-għeruq tiegħu. Il-punt tat-tluq huwa meta hekk kif mar ipoġġi l-ktieb “Is-salib tal-fidda” f’postu, jaqa’ minnu ritratt antik (p.18) li mal-ewwel ġibidlu l-attenzjoni. Fir-ritratt kienu jidhru membri tal-familja tiegħu, lebsin ħwejjeġ antiki. Iżda tispikka f’dan ir-ritratt tifla ta’ madwar seba’ snin, jiġifieri bejn wieħed u ieħor l-istess eta’ ta’ nanntu Tessie, li ma kienet tixbah xejn lill-bqija tal-familja tan-nanna inħabba l-kulur tal-ġilda abjad abjad, xagħarha bjond u għajnejha ċari. Imqanqal mil-kurżita’ biex ifittex il-verita’ Jack jistaqsi lil nanntu dwar ir-ritratt u din tiżvelalu li t-tifla kien jisimha Janie (jew aħjar jekk kienu jsejħuha (p.46) u kif il-bużnannu kien salvha mil-għarqa. Tgħidlu wkoll kif ommha (jiġifieri l-bużnanna ta’ Jack) kienet tirrakonta kif l-għada sabu mara mejta x-xatt tal-Biskra li jaħsbu li kienet omm Janie (p.46). Tant laqtitu din l-istorja lil Jack li qasamha mal-ħabib kbir tiegħu, Matthew (p.68) li dan min-naħa tiegħu ukoll interessa ruħu sew f’din l-istorja. Mhux talli interesa ruħu huwa imma anke oħtu Kate, li Matthew kien ilu miġnun fuqha mill-aħar sena tal-primara (p.68). Ifittxu l-vittmi tal-gwerra anke permezz tal-kompjuter (p.82) imma Janie ma kinetx waħda minn dawk imniżżla. Dan kien imur kontra dak li qaltlu nanntu li kienu mietu t-tnejn li huma fi żmien il-gwerra (p.53, p.87). L-istorja tkompli bil-verżjoni taz-zija Lucija li issa wkoll kibret fl-eta’ li wkoll issemmi lil Janie (jew aħjar thewden dwarha) imma ssemmi wkoll Deka (p.113).
Imma r-riċerki li bdew it-tfal wara dak li qalulhom iz-zija u n-nanna mhux mal-ewwe wasslu għal verżjoni korretta. Il-vista tagħhom fil-Bibljoteka fil-Belt Valletta (p.185) għalkemm dawn ma setgħux jidħlu mingħajr ġenituri, wasslet biex isibu aktar fatti storiċi u dettalji li tefgħu dawl fuq dan il-misteru.
Leali lejn xi fatti storiċi, ngħidu aħna tal-gwerra (p.88), jew kotba Maltin (p.17). Fil-fatt donnu d-dwejjaq li ħass Xandru meta tilef lil ommu fir-rumanz ta’ Wistin Born “Is-Salib tal-Fidda” jservi ta’ preludju għal dak li ser naraw f’dan il-ktieb. Imma mbagħad, għalkem fittizji għandna wkoll indikazzjonijiet tal-ħajja vittorjana u t-trobbija tat-tfal f’dawn iż-żminijiet (eżempju p.90-91). Għandna paralelliżmu fir-rakkonti ta’ żmien il-gwerra b’dak tan-nanna Tessie (p.58) u l-vuċi misterjuża ta’ “Jessica Manderley” (p.62).
Kif nafu, dari, d-dixxiplina u r-reliġjon kienu ferm differenti. In-nanna Tessie kienet reliġjuża ħafna, tmur il-quddies kuljum, u erħilha tirrakonta kif it-“tfal tal-lum” qed jitrabbew bla dixxiplina u bla rispett (p.106). Fl-parti li tirrakonta l-vuċi misterjuża naraw kif meta fettillha tikxef is-“sigriet” ta’ kif kiġu t-tfal spiċċat ħażin ħafna mal-ġenituri tagħha.u mwarrba minn sħabha minħabha li wissewhom ma jagħmluhiex ma’ kumpanija ħażina(p.108). Għandna wkoll lealta’ lejn xi fatti soċjo-politiċi ta’ żmien il-gwerra (eżempju p.228) li fl-aħħar mil-aħħar huma l-kuntest storiku ta’ din l-istorja u s-sigriet ta’ ħafna mill-misteri li t-tfal jippruvaw ukoll isolvu.
Dawn huwa ktieb li jħallik fuq ix-xwiek sal-aħħar. L-awtriċi kważi tħajjar lil-qarreja jieħdu sehem fit-tiftix, u jsolvu dan il-misteru. Nikkonkludi b’dak li nsibu fis-sinopsi fuq wara ta’ dan il-ktieb:
“Fittixni jirrakonta storja ta’ determinazzjoni , passjoni u kuraġġ, fejn il-passat jirkeb fuq il-preżent, il-limitazzjonijiet jingħelbu, u nies ordinarji jsibu ruħhom jagħmlu affarijiet straordinarji”.
(Paġna Letterarja, 23 ta’ Lulju 2017)