Jinżlulek Għasel

Bosta kitbu dwar persuni magħrufa, jew personalitajiet ħbieb tagħhom. Jiġini f’moħħi fost oħrajn “Ħbiebi” ta’ Ġuże’ Chetcuti. Flores u Barbaro Sant f’din il-ġrajja mhumiex jippreżentaw bijografiji imma rakkonti ħelwin minn xi esperjenzi li jkunu għaddew minnhom. Claudette Baldacchino tirrakonta dwar kif semgħet il-ħsejjes fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu waqt li kienet ir-radju; Louis Gales jirrakonta kif waqa’ x-xagħar li kien jissellef min-naħa għal oħra fuq id il-Papa; Frans Ghirxi jiftakar meta fettillu jmur il-Qorti mingħajr il-ġlekk, wara arranġament li kien sar mill-Ministru tal-Ġustizzja għal jiem sħan tas-sajf imma xorta qalagħha mill-Maġistrat; Joe Grima jirrakonta iċ-ċajta li kien għamillu l-Perit Mintoff; u ħafna u ħafna oħrajn. F’din il-ġabra qasira nsibu mill-inqas 100 awtur ta’ dawn l-anedotti li se jlaqqgħuna ma’ ħafna u ħafna personalitajiet oħra. Waqt li llum hija drawwa li wieħed jaqra fuq il-mezzi tal-media soċjali dwar dak li jgħaddu minnhom il-“ħbieb”, hawn ukoll għandna stejjer, imma bid-differenza li minsuġin b’Malti sabiħ, li mhuma se joffendu lil ħadd u li wieħed jista’ jibqa’ jgħożż fil-librerija tiegħu. Huma rakkonti ħelwin li tista’ taqrhom f’liema ordni trid. U jekk wara xi ġurnata twila xogħol, ftit li xejn ikollok ħin jew aptit biex tħabbel moħħok jew tinkwieta aktar, żgur li dawn huma rakkonti li jpaxxuk u kif iġib l-isem tal-ktieb “Jinżlulek għasel”. Ktieb li naħseb wieħed m’għandux jitlef. (L-Orizzont, 8 ta’ Frar 2014)

Leave a Comment