Ra

Poeżiji ta’ Jesmond Sharples

Pubblikazzjoni:  Klabb Kotba Maltin

It-titlu ta’ dan il-ktieb Ra, li kien alla Eġizzjan, jindikalna mal-ewwel bit-tip ta’ metafora ta’ dan il-poeta, forsi ngħid jien differenti minn dik li soltu mdorrijin biha.  Għalkemm il-mitoloġija, l-allat u l-filosofija orjentali bla dubju ta’ xejn mhumiex restritti għal Sharples u affaxxinaw lil bosta poeti oħrajn.     Dawn il-poeżiji huma bħal vjaġġ; Vjaġġ kemm interjuri u kemm esterjuri fin-numru ta’ postijiet li joħodna fihom.  Huma wkoll vjaġġ fiż-żmien fejn iwaħħad ix-xbiehat tal-imgħoddi mal-preżent u anke ngħid jien mal-ġejjieni. 

Interessanti kif minn allat li mhux marbutin mal-kultura Maltija (Ra, Oris,..)   huwa jirnexxielu b’mod tajjeb ħafna jgħaqqdu ma’ dak li jidentifika ma’ dak li hu Malti.   Huwa l-poeta li kapaċi jaħseb ‘il barra mill-isfera tiegħu innifsu u għaldaqstant jesprimi lilu nnifsu  b’mitoloġiji, b’metafori misluta minn filosofiji barranin.  Pero’ dawn jużhom għall-finijiet tiegħu, kif ser infisser aktar ‘il quddiem u għaldaqstant dan l-artiklu ser inqassmu fi tlieta:  Vjaġġi interjuri, vjaġġi esterjuri u Sharples bħala poeta razzjonali.  Dan il-ktieb jinklud kritika letterarja minn Bernard Micallef li kif nagħmel is-soltu nħaġġeġ li wieħed jaqra dawn il-l-analiżi li fihom infushom ikollhom valur letterarju.  

Vjaġġi interjuri 

L-ewwel parti tal-ktieb titratta x-xemx, id-dawl u d-dlam.  Ix-xemx tagħti d-dawl fuq dak li hemm mistur.     Ra huwa l-alla li jikxef dak li hemm mistur u jirbaħ id-dlam.  Ix-xemx titla’ mill-lvant u għalhekk l-orjent għandu dan is-sinifikat speċjali; dak tad-dawl.  

Sharples għaldaqstant  huwa wkoll realistiku ħafna.  Ċertament li l-“allat” fil-poeżija ta’ Sharples ma jinqatgħux mill-kotra.  Anzi dan id-dawl, metafora importanti ħafna, dejjem hemm biex ifakkarna minn aħna, u minn fejn tlaqna. 

“għax kull meta titla’ x-xemx 

Niftakar li qed ngħum 

F’kożmos dejjem jitbiddel 

Imma li f’qiegħ surtu 

Jibqa’ dejjem l-istes…”

(Illużjoni, p.2)

Fl-aħħar mill-aħħar bħal ħafna poeti mhux ħieles minn mistoqsijiet eżistenzjali tal-ħajja u l-mewt:

“u pjanta 

tixxettel 

u tikber, 

uinxef…”

(Ħajja…u mewt, p.4) 

Waqt li l-kotra għandna ħabta niġġeneralizzaw u nħarsu pjuttost lejn il-qoxra ta’ barra, il-poeta jħaffer u jara kull sitwazzjoni fl-uniċita’ tagħha.  

“Hemm xemx irħama

U kiesħa treżżaħ,

Hemm xemx tittama

U dik li tfewwaħ.”

(Hemm xemx, p. 17) 

Għall-bniedem kwalunkwe teżisti xemx waħda imma għall-poeta hemm bosta xmux – huma iktar esperjenzi tal-ħajja – wħud isaħħnuk, iwennsuk u oħrajn diżappuntanti.   Għall-poeta mhemmx realtà waħda imma diversi u uħud huma kunfliġġenti jew kontrastanti, kontradittorji bħall-ossimoro tax-xemx kiesħa rħam.    Din fuq kollox hi l-ħajja tal-poeta. Fiha bosta xmux.

Dak li huwa sabiħ fil-ħajja jixxennaq li qatt ma jintemm.  Bħal kull poeta, artist, huwa ħalliem, u jittama f’dinja aħjar kif joħroġ aktar fit-tieni u t-tielet kapitlu.  Imma anke f’dak li huwa personali, huwa jibża’ li l-esperjenza ta’ mħabba li jkun għadda minnha bħal tinżamm f’bozza. 

“Fejn hi, fejn hi x-xemx

li fuqha dawlha rħiet, 

fuq imħabbitna tħeġġeġ

li qatt ma ntfiet?” 

(Ħdejn il-breakwater, p.8)

Din l-esperjenza ma jixtieqx li tintilef għax fil-maħbuba tiegħu qalbu tfur u l-vojt ta’ ħajtu jimtela, u għaldaqstant jgħidilha:

“F’ħarstek hemm ix-xemx

li ddawwal kull rokna dlam sewdien. 

F’ħarstek isbaħ l-għodwa

b’leħnek jgħanni ferħan l-innu tal-ħolqien.” 

(F’Ħarstek, p.10)

Il-pożittivita’ ta’ Sharples ma tnaqqas xejn min-niket u tbatija li jġarrab kull bniedem.  Fost oħrajn hemm il-frustrazzjoni fuq il-post tax-xogħol, speċjalment meta l-enerġija u l-inizjattiva jispiċċaw maħnuqa bil-medjokrita’.  “Jien sirt fajl mitluq, f’uffiċju pubbliku” (p.66) jgħidilna l-poeta. 

Vjaġġi esterjuri 

Fit-tieni parti joħroġ aktar ‘il bżonn li l-poeta jestendi l-vjaġġ intern.   Ta’ min jgħid li f’kull poeżija li għandna jissemma l-post fejn inkitbet.  Din hija karatteristika differenti għal dan il-poeta, kontra poeti oħra bħal fil-każ tiegħi personali ngħidu aħna, fejn nippeferi li ma norbotx il-poeżija mal-kuntest li tkun inkitbet fih.    Il-post hawnhekk, joħloq kronaka ta’ fejn kien u jistabbilixxi l-kuntest.   L-għeruq tal-poeta huma f’pajjiżna fejn issawru ħsibiietu.  

Xi wħud mill-poeżiji jinkitbu huma stess waqt il-vjaġġ barra minn pajjiżna, u oħrajn huma dwar il-vjaġġ innifsu.  Għalhekk għandna numru ta’ poeżiji marbuta mal-post li jkun ra, ngħidu aħna, Fuq l-Għadira ta’ Garda (p.12).  F’misraħ il-belt [ta’ Riga] (p.12),  Fl-imsieraħ Rumani (p.63), Max-xmara Danubju (p.68), F’Paseo del prado (p.81), F’Villa d’Este – Tivoli (p.83), F’Misraħ San Pietru (p.85).   F’dawn il-poeżiji bħal jieħu ritratt ta’ dak il-mument.  

Mhux talli dawn il-poeżiji mhumiex superfiċjali imma Sharples jaf is-sitwazzjonijiet ta’ madwaru tant tajjeb, li kapaċi jaħseb u jagħrbel, u għalhekk kif għidt fil-bidu, dak li huwa estern iħalli intern fuq dak li huwa interjuri.   Hekk jagħmel ngħidu aħna Ix-xemx tkellmet (p.14) li hija dwar Liverpool,  fejn jirrifletti dwar il-faqar tal-ħaddiema f’kuntrast mal-lussu tal-Karidrali.  Minn Albert Dock hemm id-dehra maestuża tal-Katidral Anglikan (fil-fatt huwa wieħed mill-akbar binjiet reliġjużi) u anke l-katirdral Kattoliku u qed jistjajjel (għaliex illum Albert Dock m’għadux li kien dari) it-tbatija tal-ħaddiema, 

Interessanti l-ħajki waqt l-idea tal-vjaġġ.   Il-qosor tal-ħajku parti mil-ġirja taż-żmien imma f’dak iż-żmien qasir joħroġ riflessjoni profonda. 

Poeta razzjonali 

Sharples huwa poeta li ma jinġarrx ma’ xi kurrent ideoloġiku malajr.   Jikkritika elementi liberali daqs kemm huwa fl-istess ħin soċjali.  Jibqa’ konsistenti u ċertament ma jinħakimx mill-propoganda politika.   Fil-poeżija “Fehmet in-nies, p.19” jagħti tbeżbiża lill-poplu:

“Fehmet in-nies 

il-bużbież jitbandal ma’ kull żiffa, 

li titqaxqax f’xemx tiżreġ 

u tumda fin-nida bikrija 

t’għodwa sajfija…”

Ċertament jikkritika 

“ix-xarabankizzazzjoni ta’ Malta – 

Il-pseudo-għorrief isuquha” (p.91).  

Waqtiet ifakkrek f’Orwell fejn wara li l-kotra jkunu tneżżgħu minn kull individwalita’ u l-fakulta’ ta’ ħsieb ħieles u infurmat, jibilqgħu b’mod aktar faċli l-propoganda u saħansitra jirringrazjawhom talli tawhom, kif niddeskriviha jiena, il-laqx li waqgħu mill-imwejjed tal-pranzi.  F’dan iċ-ċimiterju mentali, ħa nsejjaħlu hekk, Sharples jiddeskrivi l-poter (p.90) bħala 

“il-ħolma renjanti 

raqda mekkanika 

f’dagħbien 

ta’ kotra injoranti” 

Dan il-kunċett jidher f’poeżiji oħra bħal “Il-ħsieb” (p.88).   

Din l-affermazzjoni politika hija soda u tinkorpora l-valuri soċjali flimkien ma’ dawk tal-ġustizzja, tinfatam mil-liberaliżu estrem.  Ma jiddejjaq xejn jesprimi t-twemmin reliġjuż tiegħu, waqtiet magħġun ma’ dak soċjali. Jattakka l-ipokrezija tad-dinja, fejn pajjiżi jistgħanew minn fuq il-faqar ta’ ħaddieħor, jinvestu fl-armi biex ikissru lil ħaddieħor u fl-istess ħin bi ħsieb li jfakkarni f’dak ta’ Ġwanni Pawlu II jitnikket għall-qerda tal-feti f’soċjeta’ żviluppata li qed issir aktar konxja li ttejjeb il-ħajja. 

“Fejn hemm il-ġid noqtlu l-feti bla leħen…

Fejn hemm iż-żejt inbiċċruhom bil-gwerer.”  (F’labirint l-ipokrisija, p.50). 

Jitnikket bil-gwerra qrib ix-xtut tagħna, fil-Libja fejn il-poplu jibqa’ jittama li jkun hemm is-sliem (p.70).  

Konklużjoni 

F’xi wħud mill-poeżiji Sharples minbarra fil-ħoss jilgħab ukoll bil-mod kif tidher il-poeżija, ittri ikbar mill-oħrajn eċċ.  Irrid ngħid li anke dawk ikkwotati hawn, jista’ jkun li ma jidhrux eżatt kif inhuma fil-ktieb u jkun ġust li nirrikonoxxi dan, speċjalment għal fatt li l-punteġġjatura, l-identazzjoni u l-preżentazzjoni kollha kemm hi għandhom rwol importanti mmens f’dawn il-poeżiji.  

Nagħlaq bi kliem Prof Bernard Micallef li kiteb il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb: 

“…il-lirika ta’ Sharples hija interpretazzjoni ġdida ta’ lingwaġġ li diġà esprima t-tensjonijiet fundamentali ta’ ħajjitna, diġà pprovdielna s-simboli, l-analoġiji, u l-assoċjazzjonijiet li mill-eqdem rakkonti mitoloġiċi ddeterminaw kif se nestendu l-arketipi li jsawruna. Din hija poeżija li tixhed kif ir-rakkont uman, ladarba beda, jista’ biss jitkompla b’suppliment kemm liriku kif ukoll narrattiv. L-esperjenza lirika tal-motif tax-xemx f’dan il-ktieb tibda fejn jiltaqgħu flimkien il-poeżija u r-rakkont, il-mit antik u x-xjenza moderna, id-djalogu kożmiku u l-jien liriku, u l-opposti l-oħra kollha li jesiġu interazzjoni bla waqfien bejn ġeneri differenti tad-diskors uman.” Prof Bernard Micallef. 

it-torca-2020-09-13_25

it-torca-2020-09-13_26

Sherlock, Lupin u jien: Is-Sinjura s-Sewda

Traduzzjoni ta’ Dwayne Ellul

Pubblikazzjoni: Merlin 

Ilkoll nafu bil-popolarita’ kbira tal-karattru ta’ Sherlock Holmes, maħluq minn Sir Arthur Conan Doyle.    Fil-fatt fil- Guinness World Records  dan huwa l-aktar karattru fittizju popolari li oriġina mill-letteratura.  Minbarra Sherlock Holmes ta’ min insemmu wkoll lil Arsène Lupin, karatttru li nħoloq mill-Franċiż Maurice Leblanc. Leblanc li daħħal il-karattru ta’ Sherlock Holmes fl-istejjer ta’ Lupin fin-novella “Sherlock Holmes Arrives Too Late” f’ Je sais tout li ħareġ fl-1906.   Fis-sensiela ta’ logħob diġitali Sherlock Holmes, insibu wkoll il-logħba Sherlock Holmes Versus Arsène Lupin 

Mhux ta’ b’xejn li mistoqsija frekwenti hija jekk it-tfal għandhomx jaqraw l-istejjer ta’ Sherlock Holmes.  Il-ġenituri jistaqsu mhux biss dwar il-lingwaġġ, jekk hemmx dmija jew xeni grafiċi imma anke dwar il-kontenut u jekk it-tfal jistgħux jifhmuh.   

Dan il-ktieb ħelu jlaqqa’ lil tliet karattri importanti, Sherlock Holmes, Irene Adler li tirrakonta fl-ewwel persuna u anke Lupin.  

Kien is-sajf u Irene Adler kienet kuntenta meta missierha ddeċieda li hija u ommha kellhom iqattgħu l-vaganzi tas-sajf f’villeġjatura f’Saint-Malo.  Wara sitt siegħat vjaġġ minn Pariġi, Irene kienet ħerqana mhux ftit biex tara ‘l-madwar.   Għalkemm ommha stenniet li tgħinna joħorġu l-affarijiet Irene rnexxiela tiżgiġġa mill-villeġġjatura u sabet ruħha fejn il-ħitan tar-raħal fejn iltaqgħet ma’ tifel twil u rqiq li kien qed jara ktieb.  Għalkemm għall-ewwel deher x ftit ostili, l-karattru ta’ Sherlock laqat lil Irene u għamlet sforz biex issir tafu aktar.  Kien evidenti ħafna li għalkemm kien ftit differenti, u forsi jidher ftit stramb imma kellu karattru interessanti. 

Sherlock offra li jgħin lil Iren “taħrab” meta daħal fix-xena s-Sur Nelson u stedinha sabiex tiltaqa’ mal-ħabib tiegħu, Lupin.  Irene hekk għamlet u addio ippakkjar!  Fis, hija, Sherlock u Lupin spiċċaw fuq dgħajsa fil-port lejn dar vojta, Ashcroft, fejn huma setgħu isiru jafu lil xulxin ħafna aħjar.  

Irene tant ħadet gost li minkejja t-tbeżbiża mingħand ommha filgħaxija, xorta ma ħasbitiex darbtejn biex l-għada filgħodu terġa’ tiltaqa’ ma’ sħabha.  Jerġgħu imorru f’Ashcoft bex iqattgħu ġurnata hemm.  Iżda kif kienu serjrin lura d-dar ħarsu lejn il-bajja u hemm jaraw persuna fuq ir-ramel li ma kienx qed jitħarrek.  Sherlock jersaq qrib biex jara jekk kienx mejjet.  Il-persuna ma kienx jingħaraf imma Sherlock irnexxielu jsib biċċa karta f’wieħed mill-bwiet.  Il-kliem kien jindika li r-raġel neħħa ħajtu b’idejh.  Iżda f’dak il-ħin Irene tinnota lil xi ħadd qed josserva l-passi tagħhom u ddeċidew li jitilqu jiġru mill-aktar fis.  

L-għada f’Saint-Malo kulħadd beda jitkelem dwar dan il-karattru.  Ħadd ma kien jaf min hu.  Kienet mewta naturali, suwiċidju jew ikella qtil volontaru?  U fuq kollox min hu?  Mingħajr ma qagħdu jaħsbuha Irene, Sherlock u Lupin bdew jippruvaw isibu min seta’ kien ir-raġel li nstab mejjet f’Saint-Malo.   Meta nsterqet ġiżirana tad-djamati prezzjuża mid-dar tas-Sinjura Martigny aktar komplew jinfirxu qlajjiet.  Tgħid kien hemm xi rabta bejn din is-serqa u l-qtil?  Irene u t-tlett iħbieb tagħha jippruvaw isibu tarf ta’ din il-kobba mħabbla. 

Grazzi għal Dwayne Ellul dan il-ktieb nistgħu naqrawh b’ilsien pajjiżna.  Nifhem li din kien jeħtieġ biċċa xogħol ġmielha billi Ellul pprova jkun leali kemm jista’ jkun lejn it-test.    Dan il-ktieb qed ikompli jżid mal-firxa sabiħa ta’ kotba għat-tfal kbar u l-adoloxxenti li qed tkompli tiżdied f’pajjiżna.   Ktieb bħal dan qed jagħti dan l-għarfien lit-tfal tax-xena letterarja barra minn xtutna u qed isiru familjari ma’ karattri li forsi ħafna minnha lkoll nafu bihom.  

Dan huwa L-ewwel ktieb f’sensiela eċitanti ta’ misteru u investigazzjoni.  Inħeġġeġ ukoll li wieħed jakkwista wkoll it-tieni ktieb Sherlock, Lupin u Jien: L-Aħħar Att fit-Teatru tal-Opra.   Hawnhekk ser niltaqgħu ma’ Qtil misterjuż li heżżeż id-dinja operistika!

Sherlock Holmes, Arsène Lupin u Irene Adler miftehmin li jiltaqgħu Londra. Imma Lupin ma jiftaċċax — missieru jinżamm arrestat u akkużat b’serqa u bil-qtil tal-assistent personali tal-kompożitur ċelebri Giuseppe Barzini. It-tlett iħbieb jibdew jinvestigaw ħalli jaraw kif jistgħu jippruvaw li huwa innoċenti — u meta jsalvaw lis-sopran popolari Ophelia Merridew, ikun għadu biss il-bidu ta’ sorpriża wara l-oħra li jwasslu lil Sherlock u ’l sħabu biex jikxfu min kien il-veru ħati.


Nitkellmu ma’ Aleks Farrugia

  • Dan il-ktieb jikkonsisti f’20 novella ambjentati fi żminijiet differenti tal-istorja Maltija.  Hawnhekk għandna stejjer jolqtu fil-laħam il-ħaj, u jirrakontaw it-trapass tiegħek bħala awtur fil-mixja li tifhem il-poplu Malti permezz ta’ analiżi bir-reqqa ta’ karattri bosta drabi fil-periferija tas-soċjeta’.   Aleks, inti storiku u ovvjament ser nistaqsik dwar dan.  Pero’ x’wasslek biex tagħżel dan l-istil satiriku, u xi waqtiet iġiblek tbissima.  Tħoss li b’dan il-mod tkun qed iġġgħalna aktar bħala Maltin nidħqu bina nfusna sabiex nimxu ‘l quddiem?

Naħseb li l-mistoqsija dwar għaliex storiku jagħżel li jikteb xogħol ta’ natura letterarja hija aktar minn leġittima. Hija għażla, u ma kinitx għażla li wasalt għaliha malajr. Nista’ ngħid li meta wasalt għaliha kien ukoll il-mument meta fhimt xi tfisser għalija l-istorja, kif naraha jien, il-filosofija tiegħi tal-istorja. U dan wasalt għalih waqt ir-riċerka li kont qed nagħmel fl-arkivji kriminali. Fi ftit kliem wasalt għall-konklużjoni li għalija l-istorja hija qabel kollox esplorazzjoni tal-bniedem f’kuntest partikolari. L-interess arkeoloġiku tal-istorja huwa kif il-bniedem jgħix żmienu u kif waqt li jagħmel dan iħalli traċċi li jibqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-letteratura, imnebbħa mill-istorja, tagħtik għalhekk il-possibilta’ li sa ċertu punt tinħall mill-konvenzjoni akkademika biex tkun aktar kreattiv, biex tmur lilhinn mill-konfini tad-dixxiplina storika u proprju għalhekk tagħrbel, tifli, tagħmel dekostruzzjoni tal-istorja nnifisha. Is-satira, l-ironija, il-logħba noli ta’ kliem b’tifsiriet volatili u fluwidi, hija għalhekk strateġija ta’ dekostruzzjoni storika – il-mod li bih l-awtur jiftaħ quddiem il-qarrej bagalja ta’ possibiltajiet. Jekk issa nimxux ‘il quddiem jew le, minix ċert ‘il quddiem xi jfisser. L-idea Kantjana ta’ proċess progressiv tal-istorja ma togħġobnix. L-istorja kif naraha jien hija aktar ċirkolari, fis-sens Nietzschejan, fejn l-istorja hija bħal rota dejjem iddur, rikorrenza eterna. Ma taħsibx li dak li qed naraw illum diġa’ rajnih darb’oħra? Forsi għalhekk ukoll is-satira: iddaħħakna b’xi ħaġa li narawha bogħod minna, minkejja li hija daqstant intimament qrib tagħna.

  • Ġieli ngħidu li huwa faċli tidħaq b’ħaddieħor imma mhux bina nfusna.  Inti f’dawn l-istejjer tisfida dak li normalment nistennew li ser naraw.  Aħna f’moħħna għandna l-ideal f’moħħna mhux biss tal-mexxejja tagħna issa imma anke tal-ħakkiema tal-imgħoddi.  U niskomodaw ruħna jekk dawn nagħrfu li kienu mod ieħor.    F’dan il-ktieb tlaqqa’ mod tajjeb l-umoriżmu mat-traġiku.  Il-qarrej jidħaq għax is-sitwazzjoni kultant hija tad-daħk.  Jien nistħajjel li qed tara din il-mixja ta’ poplu bħal fuq palk, fejn quddiem il-popolin jiġi proġettat l-immaġini mixtieqa xi drabi f’kuntrast man-nies.   Kemm tarah dan id-distakk bejn dak li naraw fuq is-settijiet tat-televixin tagħna, aħseb u ara fl-imgħoddi bejnn dak li kienu jaħsbu li huwa n-nies u r-realta’?

Jien minn dejjem kont affaxxinat immens mit-teatru ta’ Aristofani. Għaliex il-farsa Aristofanika ddaħkek, anke jekk hija ambjentata f’dinja li hija tant bogħod minn tagħna? Aħna nidħku għax f’dak li nidħku bih naraw riflessjoni ta’ xi ħaġa li nagħrfu lilna nfusna fiha. Fil-fatt, jekk nieħdu ċ-ċajt, iċ-ċajta hija tajba sakemm il-kodiċi lingwistiku użat fiha huwa kodiċi li aħna nidentifikaw miegħu. Għalhekk li ġieli ċajta meta tkun tradotta għal lingwa oħra titlef is-sens tagħha. Sa ċertu punt, iżda, nidħku wkoll għax niddistanzjaw ruħna minn dik ir-riflessjoni li qed naraw fil-mera tal-komiċita’. Bħal kull distanza, tista’ tfisser fatma imma tista’ wkoll l-istess fatma tfisser qrubija, fejn in-nuqqas isir preżenza, u fis-satira dak hu l-iskop – li d-distanza bejna u bejn il-karattri tqarribna lejhom billi nagħrfu fihom biċċiet minna nfusna. Dan hu l-oppost tal-mitifikazzjoni. Meta noħolqu mit li jiġri hu li nipproġġettaw lilna nfusna fil-mit biex niddistanzjaw lilna nfusna minnu u għalhekk anke minna nfusna. L-ideal huwa dejjem il-jien qatt milħuq.

  • Inti titratta ħafna din l-umanita’ f’dan il-ktieb.  Għandna l-umanita’ tal-Leader wara li rebaħ l-elezzjoni tal-1987.  Clinton Portelli li ħa xogħol Brussels u allura jħossu superjuri avolja jieħu l-pastizzi miegħu.  Dan Kien wieħed mill-għanijiet tiegħek li titratta din l-umanita’?

Jien dejjem interessani l-uman. Anzi, nasal ngħid li qatt ma nteressani xejn għajr l-uman fil-kundizzjoni eżistenzjali tiegħu, l-uman li jgħammar (u mhux sempliċiment jgħix) fid-dinja tiegħu. Fl-istorja il-Leader, ipprovajt nifhem il-bniedem fil-persunaġġ ta’ Eddie Fenech Adami, bniedem li għal żmien twil nistqarr li qatt ma ħarist lejh minn perspettiva umana. Anke meta ppruvajt ikolli interazzjoni personali miegħu sibtu bħala bniedem diffiċli ħafna biex b’xi mod inħossni fuq l-istess binarju miegħu. Bniedem impenetrabbli. Clinton Portelli huwa s-simbolu ta’ dawk il-Maltin li jħossu li telgħu skala għax marru jaħdmu u jgħixu barra. Minn dejjem laqtitni l-psike ta’ dawn it-talin. Għaliex iħossuhom hekk? X’inhi l-oppressjoni li jridu jaħarbu minnha? Għax wara kollox aħna lkoll għandna l-oppressjonijiet tagħna, il-ħarbiet li rridu naħarbu, mhux lanqas minn din Malta tagħna – bħall-missier li rridu noqtlu biex il-jien tagħna jasserixxi lilu nnifsu.

  • Fi żmien il-ħaġar Toto’ kien jitkellem mal-allat.  Taħseb li għadna nħossu din il-ħtieġa li nitkellmu mal-“allat”?

Konna, għadna u nibqgħu. L-allat tagħna għamilnihom fuq xbieha tagħna. Nitkellmu magħhom biex anke nitkellmu magħna nfusna. Kultant hu diffiċli wisq li nitkellmu dirett magħna nfusna. Għalhekk li l-allat għandhom użu u jibqagħlhom. Permezz tagħhom nesternalizzaw il-kelma li hemm ġo fina. Huma simboli, il-projjezzjoni tal-jien f’dak li l-jien mhuwiex, l-assolut, l-immutabbli. Għalhekk li aktar faċli titkellem ma’ Alla milli miegħek innifsek, għax aktar faċli tifhem min hu Alla milli min int int.

  • Nifhem kemm kien għal qalbek li tikteb dwar l-istorja ta’ Malta.  Dan il-ktieb għalkemm bi stejjer mistħajla inti tistudja lill-Maltin fil-kuntest ta’ ġrajjiethom, f’dawn l-20 perjodu differenti.  X’kien jinvolvi dan ix-xogħol?  Nimmaġina li waqt ir-riċerka tiegħek mhux l-ewwel darba li għaddew minn moħħok xi ħsibijiet u ispirazzjonijiet umoristiċi li bdejt tieħu notamenti tagħhom.

L-istejjer oriġinaw minn sorsi differenti. Oriġinarjament il-proġett kien li l-ġabra tkun kollha umoristika, kollha satirika. Imma maż-żmien ċerti ġrajjiet ħassejt li d-drammatiċita’ tagħhom toħroġ ferm aħjar jekk il-komiku u l-farsesk ikun imżewweġ direttament, magħġun kompletament, fit-traġiku. Għall-istoriku li jidħol fl-arkivji dawn l-elementi ġieli jsibhom quddiem wiċċu f’episodji li jiddokumentaw il-ħajja reali. L-istejjer li ltqajt magħhom fl-arkivju xi minn daqqiet iħalluk tistaqsi lilek innifsek jekk ir-realta’ hijiex kultant aktar stramba mill-mistħajjel.

  • It-tagħlim tal-istorja anke fl-iskejjel għadda minn ngħid jien revoluzzjoni.  Illum qed nitilqu mll-esperjenza, minn dak li jaraw it-tfal.  Pero’ mhux minn dejjem kien hekk.  Nazzarda ngħid li ġieli anke ħallatna l-element tar-realta’ mal-fantażija sabiex noħolqu l-eroj u forsi dan għen ukoll biex il-poplu Malti fqir u maħkum, intellgħuh ftit għallinqas fil-mentalita’ tan-nies.  Donnu li f’dan il-ktieb inti wkoll ħloqt satira ta’ dan.  Ma nafx kienx il-każ imma għandna eżempju lil Ġiżwaldu jispara l-kanun, persuna b’diffikulta’ mentali imma b’ċikka joqtol lil dragut.  X’taħseb dwar dan?

Jien wieħed minn dawk li nemmen ħafna fit-tagħlim tal-istorja. L-istorja mhijiex biss int minn fejn ġej, imma wkoll riflessjoni dwar int min int. Issa tista’ tkun taf ħafna matematika u titkellem b’ħafna lingwi, imma jekk mintix kapaċi tirrifletti dwar min int u minn fejn ġej mela allura għadek ma taf xejn. Lingwa għandek bejn wieħed u ieħor tliet snin titgħallimha biex tkun kapaċi tużaha sew. Biex titgħallem min int trid ħafna ħafna aktar żmien. Fi żmien il-kolonjaliżmu kienu jgħallmuna min aħna bħala poplu mhux biex ngħarfu lilna nfusna, imma biex jagħġnuna f’min riduna li nkunu. Illum it-tama hi li ħriġna minn dik il-fażi, imma jekk tistaqsini jekk din it-tama narahiex reali ngħidlek li le. U nieħu gost li inti qbadt proprju ma’ Ġiżwaldu. Min hu Ġiżwaldu? Ġiżwaldu huwa wieħed mill-karattri favoriti tiegħi. Ġiżwaldu huwa l-bniedem bla użu. Dak li ommu ma tafx x’se tagħmel bih. Li missieru ma ridux mill-bidu u jibqa’ sa ma joqtlu. Ġiżwaldu huwa l-parodija ta’ Kristu fil-bniedem iż-żgħir, is-salvatur li l-kotba tal-istorja jinjoraw. U hawnhekk, jekk tippermettili, nixtieq nirrakkomanda lill-pubblikatur SKS għall-kuraġġ biex joħroġ din l-antoloġija. L-SKS ma ddejjaqx li jippubblikaw dawn l-istejjer skomdi u rrid inżid li kwalinkwe mertu letterarju jista’ jkollhom mhuwiex bis-saħħa tiegħi imma tal-istejjer infushom, li sawru lilhom infushom, bħat-tarbija li tinfatam mill-ġenitur tagħha biex issir persuna awtonoma bil-karattru u s-sura li tinseġ għaliha nnifisha.

  • F’dan il-ktieb inti wkoll ma bżajtx titratta ċerta temi.  Ngħidu aħna Caxaru bħala omosesswali.  Għaliex wara kollox x’hemm ħażin li kieku kien omosesswali?

Fiż-żminijiet tan-nofs l-omosesswalita’ kienet affront kontra Alla nnifsu. L-iben li jirribella kontra missieru. Jiġfieri, f’termini medjevali, is-sovverżjoni tal-ordni prestabbilit. L-eżekuzzjoni deskritta f’din in-novella hija riskostruzzjoni storika ta’ kif kienu jinqatlu dawk li jinstabu ħatja ta’ sodomija. L-agħar forma ta’ eżekuzzjoni. U fis-sentenza kien imniżżel espliċitament li għandhom jinħarqu biex tagħhom lanqas biss tibqa’ l-memorja. L-omosesswali kienu theddida politika. U naħseb li jekk taqra l-Kantilena ta’ Caxaro fiha wieħed isib din it-theddida, din l-istedina sovverżiva, tal-bniedem li jibni lilu nnifsu anke wara li jiġġarraf – il-bniedem li jissara mad-destin tiegħu, liema theddida eventwalment kellha twassal għar-rivoluzzjoni mentali meta Nietzsche ħabbar li ‘Alla miet’.

  • Nerġa’ naqbiżlek fuq l-essenza ta’ dan il-ktieb, jiġifieri l-ħajja ordinarja tal-persuni.   Hawnhekk insibu karattri żgħar, nies mill-ħajja ta’ kuljum.  Pero’ wkoll inti f’dan il-ktieb mhux talli ma tidealizzax l-eroj tal-istorja imma lanqas tagħmel ġudizzju.  Tippreżenta realta’ aktar minn dak li l-poplu għandu jaħseb li huwa ideali u tajjeb.  Hawnhekk għandna messaġġ politiku favur il-bniedem fil-periferija.  Kemm hu minnu dan?

Sa ċert punt kull bniedem jinsab fil-periferija, anke dak li qiegħed fil-qalba tal-poter, anzi xi drabi min qiegħed fil-poter jinsab fil-periferija aktar minn oħrajn għax il-poter huwa post fejn tirrenja s-solitudni. Bniedem jista’ jkun fil-periferija tas-soċjeta’ imma jista’ jkun ukoll fil-periferija tiegħu nnifsu. In-nies li niltaqgħu magħhom f’‘Għall-Glorja tal-Patrija’ huma n-nies żgħar u kbar li jinsabu f’periferiji differenti, mhux neċessarjament skont iċ-ċokon jew il-kobor tagħhom. Il-bniedem jogħġobni fil-vulnerabilita’ tiegħu, fil-fraġilita’ tiegħu. Il-bniedem tranżitorju, il-bniedem volatili. Il-bniedem kuntradizzjoni. Iva, dan huwa xogħol politiku għall-aħħar. Huwa xogħol anarkiku. Naħseb s’issa l-aktar xogħol li ħassejt viċin tiegħi. 

  • Inti persuna versatili ħafna f’kitbietek.  Tajtna l-ktieb li mar tajjeb ferm “The grasshopper” li huwa differenti ħafna minn dan.  Ktibt ukoll poeżija.  X’qed nistennew minn Alex Farrugia fil-futur?

Jekk ir-ritmu ta’ kitba jibqa’ sejjer kif inhu, f’Novembru li ġej il-qarrejja se jiltaqgħu ma’ Salvu Camilleri, spettur fis-snin 30. Afdat bil-missjoni ta’ ħajtu. Irid jiġġieled ħafna dimonji, mhux lanqas id-dimonji ta’ ġo fih. Bdejt niktbu qabel il-ġrajjiet tal-aħħar ftit xhur tas-sena li għaddiet imma b’mod misterjuż ħafna donnu huwa metafora għal dak li ġara f’pajjiżna tul dawk ix-xhur. It-tradiment, anke minn ġewwa; is-sens ta’ telfien, anke ta’ telfien tal-kawża; id-diżillużjoni; id-dwejjaq; il-ġlieda … kollha huma elementi ewlenin f’dan ir-rumanz. Fuq kollox huwa esplorazzjoni tal-ġlieda kontinwa kontra l-faxxiżmu, dak antik u dak modern. Il-faxxiżmu istituzzjonali u dak intern ġewwa fina. U kif, fuq kollox, minkejja d-diżillużjoni tul it-triq, tibqa’ l-perseveranza tal-ġlieda.