Poeżiji ta’ Jesmond Sharples
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin
It-titlu ta’ dan il-ktieb Ra, li kien alla Eġizzjan, jindikalna mal-ewwel bit-tip ta’ metafora ta’ dan il-poeta, forsi ngħid jien differenti minn dik li soltu mdorrijin biha. Għalkemm il-mitoloġija, l-allat u l-filosofija orjentali bla dubju ta’ xejn mhumiex restritti għal Sharples u affaxxinaw lil bosta poeti oħrajn. Dawn il-poeżiji huma bħal vjaġġ; Vjaġġ kemm interjuri u kemm esterjuri fin-numru ta’ postijiet li joħodna fihom. Huma wkoll vjaġġ fiż-żmien fejn iwaħħad ix-xbiehat tal-imgħoddi mal-preżent u anke ngħid jien mal-ġejjieni.
Interessanti kif minn allat li mhux marbutin mal-kultura Maltija (Ra, Oris,..) huwa jirnexxielu b’mod tajjeb ħafna jgħaqqdu ma’ dak li jidentifika ma’ dak li hu Malti. Huwa l-poeta li kapaċi jaħseb ‘il barra mill-isfera tiegħu innifsu u għaldaqstant jesprimi lilu nnifsu b’mitoloġiji, b’metafori misluta minn filosofiji barranin. Pero’ dawn jużhom għall-finijiet tiegħu, kif ser infisser aktar ‘il quddiem u għaldaqstant dan l-artiklu ser inqassmu fi tlieta: Vjaġġi interjuri, vjaġġi esterjuri u Sharples bħala poeta razzjonali. Dan il-ktieb jinklud kritika letterarja minn Bernard Micallef li kif nagħmel is-soltu nħaġġeġ li wieħed jaqra dawn il-l-analiżi li fihom infushom ikollhom valur letterarju.
Vjaġġi interjuri
L-ewwel parti tal-ktieb titratta x-xemx, id-dawl u d-dlam. Ix-xemx tagħti d-dawl fuq dak li hemm mistur. Ra huwa l-alla li jikxef dak li hemm mistur u jirbaħ id-dlam. Ix-xemx titla’ mill-lvant u għalhekk l-orjent għandu dan is-sinifikat speċjali; dak tad-dawl.
Sharples għaldaqstant huwa wkoll realistiku ħafna. Ċertament li l-“allat” fil-poeżija ta’ Sharples ma jinqatgħux mill-kotra. Anzi dan id-dawl, metafora importanti ħafna, dejjem hemm biex ifakkarna minn aħna, u minn fejn tlaqna.
“għax kull meta titla’ x-xemx
Niftakar li qed ngħum
F’kożmos dejjem jitbiddel
Imma li f’qiegħ surtu
Jibqa’ dejjem l-istes…”
(Illużjoni, p.2)
Fl-aħħar mill-aħħar bħal ħafna poeti mhux ħieles minn mistoqsijiet eżistenzjali tal-ħajja u l-mewt:
“u pjanta
tixxettel
u tikber,
uinxef…”
(Ħajja…u mewt, p.4)
Waqt li l-kotra għandna ħabta niġġeneralizzaw u nħarsu pjuttost lejn il-qoxra ta’ barra, il-poeta jħaffer u jara kull sitwazzjoni fl-uniċita’ tagħha.
“Hemm xemx irħama
U kiesħa treżżaħ,
Hemm xemx tittama
U dik li tfewwaħ.”
(Hemm xemx, p. 17)
Għall-bniedem kwalunkwe teżisti xemx waħda imma għall-poeta hemm bosta xmux – huma iktar esperjenzi tal-ħajja – wħud isaħħnuk, iwennsuk u oħrajn diżappuntanti. Għall-poeta mhemmx realtà waħda imma diversi u uħud huma kunfliġġenti jew kontrastanti, kontradittorji bħall-ossimoro tax-xemx kiesħa rħam. Din fuq kollox hi l-ħajja tal-poeta. Fiha bosta xmux.
Dak li huwa sabiħ fil-ħajja jixxennaq li qatt ma jintemm. Bħal kull poeta, artist, huwa ħalliem, u jittama f’dinja aħjar kif joħroġ aktar fit-tieni u t-tielet kapitlu. Imma anke f’dak li huwa personali, huwa jibża’ li l-esperjenza ta’ mħabba li jkun għadda minnha bħal tinżamm f’bozza.
“Fejn hi, fejn hi x-xemx
li fuqha dawlha rħiet,
fuq imħabbitna tħeġġeġ
li qatt ma ntfiet?”
(Ħdejn il-breakwater, p.8)
Din l-esperjenza ma jixtieqx li tintilef għax fil-maħbuba tiegħu qalbu tfur u l-vojt ta’ ħajtu jimtela, u għaldaqstant jgħidilha:
“F’ħarstek hemm ix-xemx
li ddawwal kull rokna dlam sewdien.
F’ħarstek isbaħ l-għodwa
b’leħnek jgħanni ferħan l-innu tal-ħolqien.”
(F’Ħarstek, p.10)
Il-pożittivita’ ta’ Sharples ma tnaqqas xejn min-niket u tbatija li jġarrab kull bniedem. Fost oħrajn hemm il-frustrazzjoni fuq il-post tax-xogħol, speċjalment meta l-enerġija u l-inizjattiva jispiċċaw maħnuqa bil-medjokrita’. “Jien sirt fajl mitluq, f’uffiċju pubbliku” (p.66) jgħidilna l-poeta.
Vjaġġi esterjuri
Fit-tieni parti joħroġ aktar ‘il bżonn li l-poeta jestendi l-vjaġġ intern. Ta’ min jgħid li f’kull poeżija li għandna jissemma l-post fejn inkitbet. Din hija karatteristika differenti għal dan il-poeta, kontra poeti oħra bħal fil-każ tiegħi personali ngħidu aħna, fejn nippeferi li ma norbotx il-poeżija mal-kuntest li tkun inkitbet fih. Il-post hawnhekk, joħloq kronaka ta’ fejn kien u jistabbilixxi l-kuntest. L-għeruq tal-poeta huma f’pajjiżna fejn issawru ħsibiietu.
Xi wħud mill-poeżiji jinkitbu huma stess waqt il-vjaġġ barra minn pajjiżna, u oħrajn huma dwar il-vjaġġ innifsu. Għalhekk għandna numru ta’ poeżiji marbuta mal-post li jkun ra, ngħidu aħna, Fuq l-Għadira ta’ Garda (p.12). F’misraħ il-belt [ta’ Riga] (p.12), Fl-imsieraħ Rumani (p.63), Max-xmara Danubju (p.68), F’Paseo del prado (p.81), F’Villa d’Este – Tivoli (p.83), F’Misraħ San Pietru (p.85). F’dawn il-poeżiji bħal jieħu ritratt ta’ dak il-mument.
Mhux talli dawn il-poeżiji mhumiex superfiċjali imma Sharples jaf is-sitwazzjonijiet ta’ madwaru tant tajjeb, li kapaċi jaħseb u jagħrbel, u għalhekk kif għidt fil-bidu, dak li huwa estern iħalli intern fuq dak li huwa interjuri. Hekk jagħmel ngħidu aħna Ix-xemx tkellmet (p.14) li hija dwar Liverpool, fejn jirrifletti dwar il-faqar tal-ħaddiema f’kuntrast mal-lussu tal-Karidrali. Minn Albert Dock hemm id-dehra maestuża tal-Katidral Anglikan (fil-fatt huwa wieħed mill-akbar binjiet reliġjużi) u anke l-katirdral Kattoliku u qed jistjajjel (għaliex illum Albert Dock m’għadux li kien dari) it-tbatija tal-ħaddiema,
Interessanti l-ħajki waqt l-idea tal-vjaġġ. Il-qosor tal-ħajku parti mil-ġirja taż-żmien imma f’dak iż-żmien qasir joħroġ riflessjoni profonda.
Poeta razzjonali
Sharples huwa poeta li ma jinġarrx ma’ xi kurrent ideoloġiku malajr. Jikkritika elementi liberali daqs kemm huwa fl-istess ħin soċjali. Jibqa’ konsistenti u ċertament ma jinħakimx mill-propoganda politika. Fil-poeżija “Fehmet in-nies, p.19” jagħti tbeżbiża lill-poplu:
“Fehmet in-nies
il-bużbież jitbandal ma’ kull żiffa,
li titqaxqax f’xemx tiżreġ
u tumda fin-nida bikrija
t’għodwa sajfija…”
Ċertament jikkritika
“ix-xarabankizzazzjoni ta’ Malta –
Il-pseudo-għorrief isuquha” (p.91).
Waqtiet ifakkrek f’Orwell fejn wara li l-kotra jkunu tneżżgħu minn kull individwalita’ u l-fakulta’ ta’ ħsieb ħieles u infurmat, jibilqgħu b’mod aktar faċli l-propoganda u saħansitra jirringrazjawhom talli tawhom, kif niddeskriviha jiena, il-laqx li waqgħu mill-imwejjed tal-pranzi. F’dan iċ-ċimiterju mentali, ħa nsejjaħlu hekk, Sharples jiddeskrivi l-poter (p.90) bħala
“il-ħolma renjanti
raqda mekkanika
f’dagħbien
ta’ kotra injoranti”
Dan il-kunċett jidher f’poeżiji oħra bħal “Il-ħsieb” (p.88).
Din l-affermazzjoni politika hija soda u tinkorpora l-valuri soċjali flimkien ma’ dawk tal-ġustizzja, tinfatam mil-liberaliżu estrem. Ma jiddejjaq xejn jesprimi t-twemmin reliġjuż tiegħu, waqtiet magħġun ma’ dak soċjali. Jattakka l-ipokrezija tad-dinja, fejn pajjiżi jistgħanew minn fuq il-faqar ta’ ħaddieħor, jinvestu fl-armi biex ikissru lil ħaddieħor u fl-istess ħin bi ħsieb li jfakkarni f’dak ta’ Ġwanni Pawlu II jitnikket għall-qerda tal-feti f’soċjeta’ żviluppata li qed issir aktar konxja li ttejjeb il-ħajja.
“Fejn hemm il-ġid noqtlu l-feti bla leħen…
Fejn hemm iż-żejt inbiċċruhom bil-gwerer.” (F’labirint l-ipokrisija, p.50).
Jitnikket bil-gwerra qrib ix-xtut tagħna, fil-Libja fejn il-poplu jibqa’ jittama li jkun hemm is-sliem (p.70).
Konklużjoni
F’xi wħud mill-poeżiji Sharples minbarra fil-ħoss jilgħab ukoll bil-mod kif tidher il-poeżija, ittri ikbar mill-oħrajn eċċ. Irrid ngħid li anke dawk ikkwotati hawn, jista’ jkun li ma jidhrux eżatt kif inhuma fil-ktieb u jkun ġust li nirrikonoxxi dan, speċjalment għal fatt li l-punteġġjatura, l-identazzjoni u l-preżentazzjoni kollha kemm hi għandhom rwol importanti mmens f’dawn il-poeżiji.
Nagħlaq bi kliem Prof Bernard Micallef li kiteb il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb:
“…il-lirika ta’ Sharples hija interpretazzjoni ġdida ta’ lingwaġġ li diġà esprima t-tensjonijiet fundamentali ta’ ħajjitna, diġà pprovdielna s-simboli, l-analoġiji, u l-assoċjazzjonijiet li mill-eqdem rakkonti mitoloġiċi ddeterminaw kif se nestendu l-arketipi li jsawruna. Din hija poeżija li tixhed kif ir-rakkont uman, ladarba beda, jista’ biss jitkompla b’suppliment kemm liriku kif ukoll narrattiv. L-esperjenza lirika tal-motif tax-xemx f’dan il-ktieb tibda fejn jiltaqgħu flimkien il-poeżija u r-rakkont, il-mit antik u x-xjenza moderna, id-djalogu kożmiku u l-jien liriku, u l-opposti l-oħra kollha li jesiġu interazzjoni bla waqfien bejn ġeneri differenti tad-diskors uman.” Prof Bernard Micallef.
it-torca-2020-09-13_25 it-torca-2020-09-13_26