Tarċisju Zarb – Studji Kritiċi – It-Tieni Volum, Imħejjija minn Andrew Sciberras

Imħejjija minn Andrew Sciberras

F’dan il-ktieb barra introduzzjoni dwar il-varjabilità tal-kritika letterarja, u kif din tieħu sfumaturi varji, hekk kif taħbat ma’ nozzjonijiet kulturali oħra, insibu tagħrif u għarfien dwar xogħlijiet speċifiċi ta’ Aquilina Pawlu, Rużar Briffa, Francis Ebejer, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Maria Grech Ganado, Alfred Grech, Carmel Mallia, Ġużè Ellul Mercer, Alfred Palma, Marlene Saliba, Frans Sammut u oħrajn. Dan hu t-tieni volum f’dan is-sensiela, volum li għandu jgħin, jagħni u jsostni l-letterarjetà tagħna bħala poplu. 

Dr Andrew Sciberras f’dan il-ktieb qiegħed ikompli jagħraf, isinn u jiskopri, din id-darba permezz tal-‘lenti’ analitika, li tifli u ssostni l-kelma, ta’ Tarċisju Zarb, għalliem eklettiku, li jemmen, li t-tagħlim tal-‘Malti’, m’għandux jingħalaq fih innifsu, imma għandu jixrob minn għejun varji ta’ influssi, ġejjin bla waqfien minn naħiet varji tal-esperjenzjalità umana. Għaldaqstant Sciberras, irnexxielu jagħraf, inaqqi u jsostni kitbiet, li mhux dejjem jidħlu fil-‘kexxun’ faċli tal-‘kritika letterarja’, miruta u mħeġġa s’issa fil-kamp tal-‘Malti’, imma dik it-tip ta’ fili/analiżi li minnha nnifisha tagħti ħajja ġdida/oħra lil dawn it-testi.

Testi bħalma huma dawk ta’ Francis Ebejer, jitħalltu ma’ testi bħalma huma dawk ta’ Frans Sammut, Rużar Briffa, Alfred Palma, Marlene Saliba u oħrajn, biex juruna kif il-‘vuċi’ tan-‘narrattiva’, ‘poetika’, ‘drammatika’, ‘rumanziera’ u l-bqija, jitħalltu flimkien, biex fihom insostnu din is-sotterraneit tagħna bħala poplu, permezz ta’ lingwitna. Din hija dik it-tip ta’ lingwa li fuq naħa hija dikjaratorja, tinnarra/tirrakkonta storja, ħass / emozzjoni, u fuq in-naħa l-oħra għandna l-‘għajnejn’ perċettivi ta’ qarrej ieħor – il-‘kritiku’, l-akkumpanjatur li jagħraf jimxi l-vjaġġ mal-kelma, il-frażi, il-klawżola, is-sentenza tan-narratur/narratriċi li tkun. U b’dan il-mod it-test jerġa’ jwelled lilu nnifsu mill-ġdid. B’dan il-mod il-ħajja tidher f’dawl ieħor, imġedded, imdawwal min-naħa tal-moħħ li issa mhuwiex is-sempliċi ‘riċevitur’ ta’ dak li nkiteb, imma l-‘ħallieq’ mill-ġdid ta’ dak li ntqal. 

Ir-rakkontatur/poeta/drammaturgu hawnhekk jerġa’ jseħibna ma’ dak li jsawwarna bħala poplu, permezz ta’ ‘vuċi’ oħra – il-‘vuċi’ ta’ min qiegħed jiddeċifra, f’waqtiet ta’ meditazzjoni, din l-għalqa semantika wiesgħa, li ngħidulha l-letteratura Maltija. It-Tarċisju Zarb, b’dan il-mod, iservi bħala l-‘filtru’, li minnu tidher din id-dehra kalejdoskopja ta’ dawn in-narrattivi ħerġin jintisġu waħda minn oħra. Waħda ma’ oħra, biex b’hekk nissieħbu, din id-darba ma’ din il-fenomenoloġija ta’ Malta tagħna, permezz ta’ wliedha, ħajjin u mejtin. Din il-fenomenoloġija, qiegħda taħdem hemm il-ħin kollu, u l-‘kritiku’, il-fellej – dak li jifli – qiegħed jagħti ċans li dak li nkiteb jerġa’ jirrijinkiteb permezz ta’ filtru ieħor – il-filtru ta’ xi tip ta’ lingwaġġ ieħor. Ta’ xi perspettiva oħra. B’dan il-mod it-test jirxoxta mill-ġdid. 

Il-poeta/id-drammaturgu/in-narratur mhux neċessarjament ikun għadda mill- esperjenzjalità miksuba mill-istess testi tiegħu meta kien qiegħed / qiegħda tiktibhom. Imma, dan hu sewwasew dak li jiġri kull meta aħna naqraw, nisimgħu, nipperċepixxu t-testi ta’ madwarna – testi li aħna ngħarbluhom skont aħna – il-wasla tagħna fl-esperjenzjalità tal-ħajja. 

Nies tat-tip ta’ Ebejer, Sammut, Ganado, Saliba, Friggieri u l-bqija dejjem għarfu u għadhom jagħrfu, dawk li għadhom magħna, il-‘ġmiel’ ta’ din it-tip ta’ rinarrattiva – tip ta’ rinarrattiva, li tagħni mhux biss lil kitbiethom, ħsushom u ruħhom, imma lill-istess kulturalità tagħna l-Malti, li għaddejjin kontinwament nibnu u nibnu mill-ġdid lilna nfusna f’dan iż-żmien hekk imsejħa ta’ post-Modernità. Għaldaqstant wieħed għandu jkun grat għall-ħidma wtieqa ta’ Dr Andrew Sciberras, bniedem istruwiet, b’żewġ dottorati minn Oxford u l-Università ta’ Londra, li kontinwament, insistentement u b’impenn, jagħraf jieħu inizjattivi ta’ dan it-tip, bl-uniku riżorsa li tmexxih, hi l-mixja ’l quddiem tal-ethos uman – il-mixja ’l quddiem, l-għarfien u l-gost ta’ din l-esperjenzjalità umana, li ngħidulha ‘lingwa’, ‘letterarjetà’. 

Fost kotba oħra li ppubblika nsibu Il-Vjaġġ PoetikuEl DuendeStudji dwar il-Poeżija Moderna, Amor FatiTitwila mit-Tieqa ta’ Ruħhom – L-Ewwel Volum, Poeti Kontemporanji Mgħoddija mill-Għarbiel, Rikkorenza Eterna, L-Aħħar Battuti (1998-2020) u Carmel Attard – Il-Poeżiji – U kif kienu jafuh sħabu l-kittieba.

Flimkien ma’ Tarċisju Zarb ippubblika l-kotba AwtoskattiFraġliMario Azzopardi – Le PoèteBil-Kliem Żvinat Ġo Ħoġri – L-Esperjenza tal-Misteru fil-Poeżija ta’ Joe P. Galea, Achille Mizzi – Il-Werriet u s-Suċċessur Denn ta’ Dun Karm, Daniel Massa – Poeżiji u Studji. Editur ta’ bosta kotba, fosthom Ġenesi ta’ Achille Mizzi, Solitudnijiet Imkenna – fil-Poeżija ta’ Oliver Friggieri ta’ Tarċisju Zarb, Il-Poeżija Maltija – It-Tieni Volum bi Studju ta’ Charles Briffa, The Arrow and the Song, Bayadère u The Eternal World ta’ Melanie Camilleri. Ma’ Amanda Busuttil ippubblika l-ktieb Oliver Friggieri – L-Istudji Poetiċi (1989-2019), ippubblika wkoll f’żewġ volumi l-istudji kritiċi ta’ Tarċisju Zarb li kiteb mis-snin sittin sal-lum.

Għaldaqstant, dawk li jkunu jridu li jixtru xi wħud minn dawn il-kotba, għandhom jikkuntattjaw lil Andrew Sciberras fuq l-email: .

it-torca-2021-03-14-1_21-21-min

Ktieb Dwar id-Dħul tal-Ilsien Malti fil-Parlament 100 Sena Ilu

Awtur: Alfred Ellul Galea

Is-sena d-dieħla jaħbat il-mitt sena minn meta l-ilsien Malti ntuża għall-ewwel darba fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż – il-Parlament.  Dakinhar, fis-16 ta’ Marzu tal-1922, id-Deputat Robert E. Hamilton, l-ewwel ħaddiem elett fil-Parlament  tkellem bil-Malti.  Hamilton kien ukoll l-ewwel ħaddiem industrijali li nħatar Speaker fl-1927 u aktar ’il quddiem l-ewwel Ministru ħaddiem.   

Ktieb ippubblikat dan l-aħħar jiffoka fuq il-ħajja u l-ħidma ta’ Antonio Nicholas li kien strumentali biex l-ilsien Malti seta’ jibda jintuża waqt id-dibattiti fil-Kamra Leġislattiva fl-ewwel gvern awtonomu tal-1921. Dal-patrijott mhux magħruf, li kien ħaddiem tat-tarzna wkoll u President ta’ każin tal-banda,  stinka u ħadem bla heda wkoll b’risq il-mixi ’l quddiem tal-klassi tal-ħddiema.  Dan wettqu  permezz tal-kitba u bis-sehem tiegħu fil-qasam trejdunjonistiku u dak politiku. 

Il-ktieb Antonio Nicholas Difensur tal-Ilsien Malti u l-Klassi tal-}addiema tal-awtur Alfred Ellul Galea tnieda mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati l-Onor Dr Anġlu Farrugia fis-sala tal-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Fra G.M. Antoine De Paule Banda Kristu Re ta’ Raħal (ta’ min wieħed jgħid li Nicholas kien President ta’ dil-għaqda filarmonika għal darbtejn). 

Il-ħsieb li l-awtur jirriċerka u jippubblika dal-ktieb dwar dal-patrijott Malti mill-Isla ftit li xejn magħruf, nibet minn kapitlu ta’ ktieb mhux pubblikat dwar l-Istorja ta’ din is-soċjetà filarmonika miktub minn missieru, Karmenu, fl-1985.  Fih iltaqa’ mas-sehem attiv ta’ din l-għaqda mużikali fl-Assemblea Nazzjonali tal-1919 u l-kontribut storiku nazzjonali li din tat dakinhar.  U kien hawn   li feġġ isem Antonio Nicholas fejn jissemma l-att patrijottiku tal-President ta’ dal-każin tal-banda kif ukoll l-interess u s-sehem importanti mill-kumitat ta’ din is-soċjetà li kien imexxi, fit-tfassil ta’ abbozz ta’ kostituzzjoni ġdida li kellha twassal għall-ewwel gvern awtonomu fl-1921.

F’artikli imgħoddija li l-awtur ippubblika dwar każini tal-baned, dejjem għamel aċċenn għall-kontribut importanti li dawn taw tul iż-żmenijiet f’bosta oqsma.  Mhux biss f’dawk mużikali u kulturali, iżda wkoll f’oħrajn, bħal dawk reliġjużi u soċjali.  Iżda minbarra l-ambitu lokali ta’ belt jew raħal, kien hemm ukoll okkażjonijiet fejn dawn iċ-ċirkoli filarmoniċi pparteċipaw u taw sehem mill-aktar siwi fi ġrajjiet nazzjonali.  U propju waħda minn dawn tal-aħħar kienet dakinhar li delegati minn għadd ta’ għaqdiet u każini tal-baned, wieġbu għall-appell tat-tabib Filippu Sciberras sabiex il-korpi kostitwiti jingħaqdu u jieħdu sehem f’Assemblea Nazzjonali.  Fost id-delegati li ħadu sehem f’dil-Assembea ma kienx hemm biss professjonisti, li kienu f’maġġoranza, iżda wkoll ħaddiema. 

Antonio Nicholas kien wieħed minn dawn tal-aħħar.  Bħala impjegat tat-tarzna li kienet tħaddem l-eluf, huwa sar midħla tal-qagħda xejn sabiħa ta’ ħafna minn sħabu.  Għaldaqstant issieħeb, l-ewwel fix-Xirka ta’ Manwel Dimech u aktar tard fl-ewwel unjon kbira tat-tarzna mwaqqfa fl-1916 minn Henry B. Ahar jew Ear, il-Malta Government Workers’ Union.  Issokta ħidmietu b’risq il-klassi tal-ħaddiema permezz tal-kitba fil-ġurnal Il Hmar u aktar tard Il Hmara, dejjem taħt il-psewdonimu ‘Nick Carter’.  Aktar ’il quddiem Nicholas ħass il-ħtieġa li jissieħeb f’partit politiku, il-Partit tal-}addiema, biex ikompli jgħin lil sħabu l-ħaddiema.  Huwa kien delegat tal-każin tal-banda mmexxi minnu fl-ewwel Kumitat {enerali tal-Partit Laburista. 

Iżda kif wieħed jinnota f’parti mit-titlu tal-ktieb, is-sehem tiegħu b’risq l-ilsien Malti jingħata l-akbar importanza importanza fil-paġni ta’ ġewwa.  Dan ma setax jonqos, għax kien mitt sena ilu ġiet reġistrata rebħa kbira għal-lingwa tagħna. Dan seħħ meta l-Malti kien għadu jitqies bħala ‘il-lingwa tal-kċina’.  Iżda b’att erojku fl-Assemblea Nazzjonali fis-26 ta’ Awwissu tal-1920 minn Nicholas u delegati oħra, l-ilsien Malti seta’ jintuża għall-ewwel darba fil-Parlament – l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Li kieku dakinhar  li kellu jittieħed il-vot  dwar l-ilsien Malti, il_President Nicholas u ż-żewġ delegati l-oħra ta’ din is-soċjetà filarmonika – Luigi Flamini u Francesco De Giovanni – ħarġu ’l barra u ma vvutax, l-istorja kienet tkun xort’oħra. U l-mixja lejn għarfien xieraq tal-lingwa tagħna żgur li kienet ittul aktar.

Fit-tiftix tiegħu dwar ħajjet u ħidmet dal-patrijott minsi, l-awtur iltaqa’ ma’ interessi oħra mill-aktar interessanti li dal-persunaġġ kellu.  Apparti l-lat mużikali, Nicholas kien ipitter u jpinġi b’ħila mhux biss akkwarelli  bil-water colour, iżda wkoll b’teknika differenti,  bħal dawk ta’ kompożituri li hemm imdendla fis-sala tal-każin tal-banda De Paule.  Kien ukoll filatelist ta’ fama, b’korrispondenza ma’ oħrajn barranin bl-istess delizzju.  Fatt interessanti hu li  fi djarju ta’ Nicholas hemm tagħrif mill-aktar interessanti dwar l-għaxar  vjaġġi li għamel barra minn Malta.  F’wieħed minnhom, waqt l-ewwel gwerra dinjija, isemmi li l-vapur li kien qed jivjaġġa fuqu kien segwit minn sottomarini {ermaniżi.  Fatt kurjuż ieħor li niżżel f’dan id-djarju hu li mposta 122 kartolina lil ħbieb tiegħu mxerrda f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja.  Mijiet ta’ kartolini li kien jirċievi hu, għadhom ippreservati  b’galbu għand in-neputi ta’ Nicholas, u  għadhom fl-istat oriġinali tagħhom.  Nicholas kien  ukoll midħla sew tal-qasam teatrali u ħafna mill-ġrajjiet nazzjonali li seħħu f’pajjiżna żamm tifkira tagħhom permezz ta’ ritratti li kien jieħu hu stess.  

Il-ktieb ANTONIO NICHOLAS Difensur tal-Ilsien Malti u l-Klassi tal-Ħaddiema ilaqqa’ wkoll lill-qarrejja ma’ ġrajjiet soċjali, reliġjużi, politiċi u oħrajn nazzjonali li seħħew fi żmien li għex dal-patrijott Malti.   Fih riferenzi għal żmenijiet l-ewwel gwerra dinjija u flaġelli bħall-Ispanjola li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom niesna kif ukoll ġrajjiet sbieħ bħall-inkurunazzjoni tal-Bambina tal-Isla bis-sehem tal-banda tas-soċjetà filarmonika li hu kien imexxi.  Wieħed ma jridx jinsa li Nicholas twieled l-Isla u kien ta’ ġieħ kbir għalih li l-banda li tagħha kien president issemma’ leħinha f’din l-okkażjoni speċjali.  Tissemma wkoll il-politika, bil-piki tal-baned u dwar l-appoġġ li dawn kienu jagħtu lil deputati u senaturi ta’ żmienu.  Kapitlu minnhom jittratta s-sehem ta’ Nicholas fix-Xirka tal-Imdawlin tal-Professur Manwel Dimech u dwar l-arrest u l-eżilju ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tal-istess Nicholas.  Jissemmew għadd ta’ persunaġġi ta’ żmienu, bħal Henry Ahar (Ear), John F. Marks, Salvu Astarita, {wann Mamo, fost oħrajn, kif  ukoll mexxejja ta’ partiti politiċi ta’ żmienu. 

Ma setax jonqos li Nicholas, meta fi żmienu l-President ta’ każin tal-banda kien jitqies bħala t-tieni l-aktar bniedem importanti fil-lokal wara l-kappillan, jiġi msejjaħ biex jifforma parti mill-kumitat inkarigat mill-proġett tal-bini tal-akbar knisja il-gżejjer Maltin – it-tempju maestuż illum dedikat lil Kristu Re.  L-appelli u l-kitba regulari tiegħu f’ġurnal lokali bil-Malti kienu ta’ għajnuna kbira fil-ġbir ta’ fondi b’risq il-bini ta’ dil-knisja ġdida f’Raħal {did.  Lokal li fih kienu jgħixu bosta ħaddiema tat-tarzna hekk li l-awtur Emanuel B. Vella, fil-ktieb tiegħu dwar L-Istorja ta’ Ħal Tarxien u Raħal {did (Pawla) jgħid li dan tal-aħħar hu ‘wild it-Tarzna’. 

Il-ktieb jinsab għall-bejgħ fil-ħwienet ewlenin tal-kotba.

Fost il-kuruni biswit it-tebut ta’ Fr Charles Plater wieħed jinnota waħda tal-Union Branch Nru 3 li l-Partit tal-Ħaddiema twaqqaf minn tnax-il membru tagħha mitt sena ilu.
it-torca-2021-03-14-1_20-20-min

it-torca-2021-03-14-1_21-21-min