Tarċisju Zarb – Studji Kritiċi – It-Tieni Volum, Imħejjija minn Andrew Sciberras

Imħejjija minn Andrew Sciberras

F’dan il-ktieb barra introduzzjoni dwar il-varjabilità tal-kritika letterarja, u kif din tieħu sfumaturi varji, hekk kif taħbat ma’ nozzjonijiet kulturali oħra, insibu tagħrif u għarfien dwar xogħlijiet speċifiċi ta’ Aquilina Pawlu, Rużar Briffa, Francis Ebejer, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Maria Grech Ganado, Alfred Grech, Carmel Mallia, Ġużè Ellul Mercer, Alfred Palma, Marlene Saliba, Frans Sammut u oħrajn. Dan hu t-tieni volum f’dan is-sensiela, volum li għandu jgħin, jagħni u jsostni l-letterarjetà tagħna bħala poplu. 

Dr Andrew Sciberras f’dan il-ktieb qiegħed ikompli jagħraf, isinn u jiskopri, din id-darba permezz tal-‘lenti’ analitika, li tifli u ssostni l-kelma, ta’ Tarċisju Zarb, għalliem eklettiku, li jemmen, li t-tagħlim tal-‘Malti’, m’għandux jingħalaq fih innifsu, imma għandu jixrob minn għejun varji ta’ influssi, ġejjin bla waqfien minn naħiet varji tal-esperjenzjalità umana. Għaldaqstant Sciberras, irnexxielu jagħraf, inaqqi u jsostni kitbiet, li mhux dejjem jidħlu fil-‘kexxun’ faċli tal-‘kritika letterarja’, miruta u mħeġġa s’issa fil-kamp tal-‘Malti’, imma dik it-tip ta’ fili/analiżi li minnha nnifisha tagħti ħajja ġdida/oħra lil dawn it-testi.

Testi bħalma huma dawk ta’ Francis Ebejer, jitħalltu ma’ testi bħalma huma dawk ta’ Frans Sammut, Rużar Briffa, Alfred Palma, Marlene Saliba u oħrajn, biex juruna kif il-‘vuċi’ tan-‘narrattiva’, ‘poetika’, ‘drammatika’, ‘rumanziera’ u l-bqija, jitħalltu flimkien, biex fihom insostnu din is-sotterraneit tagħna bħala poplu, permezz ta’ lingwitna. Din hija dik it-tip ta’ lingwa li fuq naħa hija dikjaratorja, tinnarra/tirrakkonta storja, ħass / emozzjoni, u fuq in-naħa l-oħra għandna l-‘għajnejn’ perċettivi ta’ qarrej ieħor – il-‘kritiku’, l-akkumpanjatur li jagħraf jimxi l-vjaġġ mal-kelma, il-frażi, il-klawżola, is-sentenza tan-narratur/narratriċi li tkun. U b’dan il-mod it-test jerġa’ jwelled lilu nnifsu mill-ġdid. B’dan il-mod il-ħajja tidher f’dawl ieħor, imġedded, imdawwal min-naħa tal-moħħ li issa mhuwiex is-sempliċi ‘riċevitur’ ta’ dak li nkiteb, imma l-‘ħallieq’ mill-ġdid ta’ dak li ntqal. 

Ir-rakkontatur/poeta/drammaturgu hawnhekk jerġa’ jseħibna ma’ dak li jsawwarna bħala poplu, permezz ta’ ‘vuċi’ oħra – il-‘vuċi’ ta’ min qiegħed jiddeċifra, f’waqtiet ta’ meditazzjoni, din l-għalqa semantika wiesgħa, li ngħidulha l-letteratura Maltija. It-Tarċisju Zarb, b’dan il-mod, iservi bħala l-‘filtru’, li minnu tidher din id-dehra kalejdoskopja ta’ dawn in-narrattivi ħerġin jintisġu waħda minn oħra. Waħda ma’ oħra, biex b’hekk nissieħbu, din id-darba ma’ din il-fenomenoloġija ta’ Malta tagħna, permezz ta’ wliedha, ħajjin u mejtin. Din il-fenomenoloġija, qiegħda taħdem hemm il-ħin kollu, u l-‘kritiku’, il-fellej – dak li jifli – qiegħed jagħti ċans li dak li nkiteb jerġa’ jirrijinkiteb permezz ta’ filtru ieħor – il-filtru ta’ xi tip ta’ lingwaġġ ieħor. Ta’ xi perspettiva oħra. B’dan il-mod it-test jirxoxta mill-ġdid. 

Il-poeta/id-drammaturgu/in-narratur mhux neċessarjament ikun għadda mill- esperjenzjalità miksuba mill-istess testi tiegħu meta kien qiegħed / qiegħda tiktibhom. Imma, dan hu sewwasew dak li jiġri kull meta aħna naqraw, nisimgħu, nipperċepixxu t-testi ta’ madwarna – testi li aħna ngħarbluhom skont aħna – il-wasla tagħna fl-esperjenzjalità tal-ħajja. 

Nies tat-tip ta’ Ebejer, Sammut, Ganado, Saliba, Friggieri u l-bqija dejjem għarfu u għadhom jagħrfu, dawk li għadhom magħna, il-‘ġmiel’ ta’ din it-tip ta’ rinarrattiva – tip ta’ rinarrattiva, li tagħni mhux biss lil kitbiethom, ħsushom u ruħhom, imma lill-istess kulturalità tagħna l-Malti, li għaddejjin kontinwament nibnu u nibnu mill-ġdid lilna nfusna f’dan iż-żmien hekk imsejħa ta’ post-Modernità. Għaldaqstant wieħed għandu jkun grat għall-ħidma wtieqa ta’ Dr Andrew Sciberras, bniedem istruwiet, b’żewġ dottorati minn Oxford u l-Università ta’ Londra, li kontinwament, insistentement u b’impenn, jagħraf jieħu inizjattivi ta’ dan it-tip, bl-uniku riżorsa li tmexxih, hi l-mixja ’l quddiem tal-ethos uman – il-mixja ’l quddiem, l-għarfien u l-gost ta’ din l-esperjenzjalità umana, li ngħidulha ‘lingwa’, ‘letterarjetà’. 

Fost kotba oħra li ppubblika nsibu Il-Vjaġġ PoetikuEl DuendeStudji dwar il-Poeżija Moderna, Amor FatiTitwila mit-Tieqa ta’ Ruħhom – L-Ewwel Volum, Poeti Kontemporanji Mgħoddija mill-Għarbiel, Rikkorenza Eterna, L-Aħħar Battuti (1998-2020) u Carmel Attard – Il-Poeżiji – U kif kienu jafuh sħabu l-kittieba.

Flimkien ma’ Tarċisju Zarb ippubblika l-kotba AwtoskattiFraġliMario Azzopardi – Le PoèteBil-Kliem Żvinat Ġo Ħoġri – L-Esperjenza tal-Misteru fil-Poeżija ta’ Joe P. Galea, Achille Mizzi – Il-Werriet u s-Suċċessur Denn ta’ Dun Karm, Daniel Massa – Poeżiji u Studji. Editur ta’ bosta kotba, fosthom Ġenesi ta’ Achille Mizzi, Solitudnijiet Imkenna – fil-Poeżija ta’ Oliver Friggieri ta’ Tarċisju Zarb, Il-Poeżija Maltija – It-Tieni Volum bi Studju ta’ Charles Briffa, The Arrow and the Song, Bayadère u The Eternal World ta’ Melanie Camilleri. Ma’ Amanda Busuttil ippubblika l-ktieb Oliver Friggieri – L-Istudji Poetiċi (1989-2019), ippubblika wkoll f’żewġ volumi l-istudji kritiċi ta’ Tarċisju Zarb li kiteb mis-snin sittin sal-lum.

Għaldaqstant, dawk li jkunu jridu li jixtru xi wħud minn dawn il-kotba, għandhom jikkuntattjaw lil Andrew Sciberras fuq l-email: .

it-torca-2021-03-14-1_21-21-min

Leave a Comment