Talba ta’ Ringrazjament

Mulej Alla tagħna,
kont fil-bżonn u ġejt nitolbok,
iżda llum xtaqt niżżik ħajr 
li qajjimtni filgħodu mingħajr ma tlabtek,
tal-arja madwarna biex nieħdu n-nifs
u n-natura li permezz tagħha turina mħabbtek.


Nirringrazjak ta’ meta ħaristni
Waqt li kont qed nissielet mal-ħalel fil-maltemp.
Nirringrazjak ukoll ta’ meta kont miegħi,
waqt li xi persuna tatni l-ġenb.
Fuq kollox nirringrazjak, 
li ħfirtli meta warrabtek. 

(A)

Il-Mulej dejjem miegħi 
anke meta nkun fil-ħazin; 
Hu dejjem iħarisni. 

Il-Mulej qatt ma jinsini 
anke meta ma naħsibx fih; 
Hu jibqa’ jiftakar fija. 

Il-Mulej jibqa’ dejjem f’qalbi 
anke jekk ma ngħix kif jixtieq Hu; 
Hu dejjem lest jilqagħni. 

(B)

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” 

Nixtieq Mulej, 
li kont fis-sinagoga nisimgħek taqra l-Ktieb ta’ Isaija.
Iżda, nista’ niltaqa’ miegħek ukoll Mulej, minn ġo dari, 
u nisimgħek fil-Kelma tiegħek. 
Narak ukoll Mulej, fl-imjassrin li Int ġejt biex teħles, 
fl-“għomja” fil-Fidi li Int ġejt biex tagħti d-dawl,
fil-maħqurin u l-fqajrin. 
Għinni Mulej, sabiex jien ukoll niltaqa’ miegħek, aktar ta’ spiss, 
u meta niltaqa’ miegħek taħt is-sura tal-fqir, tal-maħqur u tal-imjassar, 
nilqgħek ġo dari. 

(C)

Mulej, 
int apprezzajtni daqshekk li ġejt fid-dinja għalija,
għinni napprezza lili nnifsi. 

Int li ħabbejtni tant, għinni naħfer bħal ma taħfirli Int, 
u nkun responsabbli ta’ dak li nagħmel. 

Int li ridt tibqa’ fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, 
għinni nkun xhieda tiegħek, 
u nirrispetta lill-oħrajn. 

Inti li tajtni il-ħajja u s-saħħa, 
għinni sabiex inkun ta’ servizz għalik, 
u fejn nara l-ħsara nagħmel il-ġid. 

Grazzi tal-gwida li tajtni permezz tal-Knisja, 
u nitolbuk għal ħutna li qed ibatu minn mard, ġuħ jew gwerer. 

F’Mulej Wieħed Ġesu’ Kristu, 
Ammen. 

<— lura