Tħejjija
Suġġerimenti lill-qarrejja
Sib post għal kwiet. Jista’ jkun quddiem quddiem xi xbieha Qaddisa, f’xi post sagru, f’xi ġnien jew id-dar. Xejn ma’ jieħu post Ġesù fl-Ewkaristija u l-qawwa li din tħalli fina.
Sib pożizzjoni komda jew li permezz tagħha tħossok li qed tagħti qima lil Alla.
Ħu nifsijiet fil-fond. Ħu nifs ’il ġewwa. Ħu nifs ’il barra.
Qatta’ ftit ħin fis-silenzju u ħalli l-Mulej ikellmek.
Erġa’ rrepeti dan il-proċess wara li tkun għidt it-talbiet tiegħek.
Nimtela’ bl-Ispirtu
Sew jekk fin-natura
jew waħdi fid-dar.
Inpaxxi l-għajnejja
bl-ġmiel tal-madwar.
Nagħraf lili nnifsi,
ninħall mil-irbit.
Inħoss din l-imħabba.
Nitfawwar bil-ġid.
Nintelaq bla biża’
bla ebda mistħija.
Naf l’int hawn preżenti
għamilt tant għalija.
Għax fik biss Mulejja.
Fik qalbi tistrieħ.
Nsib kuraġġ li nfaħħrek.
Kuraġġ nagħtik ġieh.
Tifħir
Eden
Hekk kif dħalt fil-Eden
ħassejt is-sħana tax-xemx.
Urini l-mogħdija
li twassalni sa Parnassus.
Wassalni
sa ħdejn l-ilma fejn nistrieħ.
Ngħanni bl-imrieżaq tax-xemx
l-għanja tal-Univers
bil-flawt tal-imħabba.
Ferħ ta’ dejjem
Nistħajjel jgħannu ħlejju
kburin jittajru fl-isbaħ jiem sajfija,
it-tajr u l-friefet ħiemda
u l-ħlejjaq umli ’l isfel fl-art moħbija,
il-ħut, mal-mewġ kalm jiżfen,
il-ward u l-oħla lwien fuq l-art ħanina;
u xejn ma jista’ jisboq il-Kelma Tiegħek
safja ħelwa bnina.
Sa l-ikbar bini f’Babel
u xejn ma jista’ jisboq l’ għamilt magħna.
Tal-bniedem l-oħla nbejjed
mhumiex itjeb minn dak li berikt f’Kana.
Bi mħabbtek biss, ja Sidi
il-ferħ ta’ dejjem, jibqa’ ’l bosta jserraħ.
U tgħammex l-għajn id-dija
li l-qlub tal-bniedem dejjem tibqa’ tferraħ.
Meta nħoss l-Ispirtu Qaddis tiegħek
Oh x’serħan ta’ qalb inħoss meta Mulej,
tgħajjatli f’qalbi biex niġi sa ħdejk.
Bħal tagħtini lemħa ġdida tal-ħajja
u nħoss xi ħaġa li tressaqni lejk.
Dil-ħajja għalija mimlija ħotob,
‘mma lilek nsejjaħ biex timxi miegħi.
B’kuraġġ kbir Mulej naf li int se tgħinni,
għax int għalija l-aqwa ħabib tiegħi.
Inżel fuqi Spirtu Qaddis, kellimni;
b’idejja miftuħa, lest li naċċettak.
Meta tmissni u nħoss is-sħana tiegħek
u nħoss il-paċi f’qalbi, hemm jien narak.
Agħti Mulej din l-istess esperjenza
lill-kotra, li għalihom int biss drawwa.
U ħallini ngħix kuntent f’dan il-paċi,
billi nibqa’ nħoss fuqi din il-qawwa.
Ftit ħin mal-Mulej
Ix-Xemx
Nħares `il fuq lejn ix-xemx tiddi sħuna
li nħossha tiddi fuq il-ħolqien kollu minbarra fuqi.
Jien inħossni skomdu f’dak id-dawl qawwi
sakemm dik is-sħana ħassejtha twennisni.
Munġbell
…fil-frugħa tiegħi Mulej ridt nitla’ fuq kull ġebla ta’ dan il-munġbell,
blata fuq blata,
jogħlew ‘ilfuq biex jilħqu s-smewwiet,
jitgerbbu u jissaraw bħal allat
sabiex imissu l-imrieżaq.
…fl-ibgħad qigħan ta’ dan il-munġbell Mulej
itfa’ ż-żerriegħa tal-imħabba.
Id-dgħajsa
Ma jimpurtax li nħalli
din id-dgħajsa
fl-immensità ta’ dan il-baħar
b’riħa ta’ ward tas-smewwiet
timtela bl-ilma.
U f’nofs dak il-baħar
inħares lejn is-sħaba kbira
u nixtieq li nitwaħħad magħha;
nieħu l-forma tagħha
Mill-Qalb
Mulej,
l-akbar ħabib,
li dħalt f’ħajti
u għamilt bidla fija.
U niftaħ għajnejja,
biex nara,
il-glorja tiegħek.
Din qalbi nagħtik,
u ngħix biss għalik,
sabiex nagħtik qima.
Nagħtik qima Mulej Qaddis.
Mulej,
kull ħin tkun qrib,
minn x’ħin inqum.
Ma titlaqnix matul il-jum.
U jduru lejk il-ward
It-tajr,
Il-ġmiel tal-ħolqien
Jitpaxxew bik
u jgħannulek b’tifħir.
Infaħħrek Mulej,
Int tassew qrib.
Infaħħrek Mulej.
Mill-qalb.
Minn qalbi Mulej.
Infaħħrek Mulej,
għax int tkun miegħi kull ħin.
Infaħħrek Mulej,
għax int Kbir u Qaddis.
Infaħħrek Mulej,
bħala l-akbar ħabib.
Infaħħrek Mulej.
Infaħħrek mill-qalb.
Ħajr
qatra linka
qatra…
qatra linka
fuq l-injama
u ġriet mill-ingroppi
li jħarbtu l-vina
tal-injama li kont ser narmi
biex ħolqu l-isbaħ disinn
(b)
Il-linka tippenetra.
Permanenti.
Imma mingħajr materjal tajjeb,
ma timmarkax.
U dak li biha tista’ tħażżeż
tibqa’ ma tarahx.
Fik biss Mulej, qalbi ssib is-serħ
Illum għajjien wara dil-mixja twila,
kien hemm mumenti fejn lanqas ħsibt fik.
Poġġejtek wara affarijiet oħra,
bżajt nuri l-imħabba l’għandi għalik.
F’dal-vjaġġ ta’ ħajti jien għandi dil-ħolma
li jien naqdik u int tkun Alla tiegħi.
B’idejja miftuħa għalik jien Mulej,
jien lest nisma’ lilek titkellem miegħi.
Iddewwaqni mil-ferħ bħalu mkien m’hawn,
għax int tifforma ideal għall-ferħ.
X’hemm aqwa mis-sliem l’Int biss tista’ tagħti?
Għax fik biss Mulej qalbi ssib is-serħ
Kieku nitkellem il-lingwa tal-Mulej
Kieku nitkellem il-lingwa tal-Mulej
leħni jinstema ġo vakum;
Inħażżeż isem kull ħlejqa fil-baħar
u ebda mewġa ma tħassar.
Inħares lejn id-dettal ta’ kull ramla
għaliex biha nista’ noħloq xi ħaġa ġdida.
Bil-lingwa tal-Mulej
l-għajnejn tal-inkwiżitur iħarsu fil-qalb tal-ħati
u jitħassru s-sentenzi li ngħataw.
Kieku nitkellem il-lingwa tal-Mulej
nista’ mmur lura fiż-żmien
biex nara lili nnifsi fil-ġejjieni
u nikteb ġrajjieti daqs li kieku ġrat fl-imgħoddi.
Maħfra
Xkora
Le tħaffiflix lanqas mill-piż ta’ dik l-ixkora. Mhux se nġorrha fuq spallti. Il-ġmied tal-irmied li darba għamlu fuq wiċċi, fi tfuliti, ili li neħħejtu. Ilu ftit isssa. Issa? Kieku jiddieħku bija. U jekk jarawni nitlob biex jeħfiefli dak il-piż? Ma tarax! Jgħidu dan moħħu ħfief. Illum? Xejn mhu xejn. U għada min rah. Nobżoq fuq dak l-irmied. U l-ixkora nagħtiha bis-sieq.
Dawl
għax kos hux…
mistoħbi wara dal-ħajt
ma nistax nara d-dawl
imma raġġi oħra xorta jilħquni
raġġi ħżiena
li qed jgħejjuni
…u meta nara d-dawl
minn wara din il-ħġieġa
bin-nifsijiet tqal tiegħi
nara kollox imċajpar
Sakemm
Sakemm inħoss ir-raxx tal-ilma frisk fuq wiċċi
ninsa s-sħana.
Fil-qilla tax-xemx
bqajt rieqed fuq l-andar.
Sakemm għad għandi l-qmuħ,
ninsieh id-dries.
Kif jgħaddi l-festin
nintebaħ li ma ħejjejtx ikel għall-għada.
Il-Fidi tiegħi
…il-Fidi tiegħi ilha fossilizzata
fil-ġebel tal-funtana bla ilma
mgħottija biċ-ċpar
sa ma tagħmel ix-xita
Qatr’ ilma
Qatr’ilma ħarġet
biex fl-art fdiet bl-hemm mifnija
l-ġenn u l-kefrija.
Talb għal grazzji speċjali u ħtiġijiet oħra
Taħt sema griż
Waħdi
taħt sema griż.
Nerfa’
fuq spallti l-piż.
Interraq
qalb toroq twal.
Mgħobbi
bi ħsibijiet tqal.
Kemm xtaqt
Kemm xtaqt
li l-baħar li werwirni jikkalma
u l-ħalel jieqfu jħabbtu mal-blat.
Kemm xtaqt
li r-riħ qawwi jittaffa
waqt li terraqt waħdi fit-triq
u t-trab jittajjar lejn wiċċi.
Kemm xtaqt
li Ċirinew jerfagħli l-piż tas-salib
fuq din l-għolja kiefra
bla ma ntbaht
bla ma raddejtlek ħajr
tal-baħar sabiħ bħal pittura fuq tila
li l-pittur tagħha jista’ jkun wieħed biss,
tar-riħ qawwi aqwa mill-aqwa qawwiet tal-bniedem,
tas-saħħa biex kuljum
niflaħ inġorr kull salib tqil.
Karba
“Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup” (Mattew 10: 16)
Meta rawni fil-masġar
ngħanni bil-flawt tal-imħabba
u nieħu nifsijiet twal minn dak l-ossiġinu,
għoddewni b’iblah.
Meta rawni bħal tallab fqajjar b’idejja miftuħa
għajjaruni ħalliel.
Meta rawni bħal qamħa solitarja f’deżert
ħasbuni żbula mormija.
Meta rawni nonfoħ u negħreq
qagħdu jiddieħku bija.
Meta dad-dmugħ xarrab il-ħamrija.
xerrduha li kien biss qtar tax-xita
sakemm dil-kefrija
kelli f’qalbi nżomm mistoħbija.
Il-karba tan-nisrani
nixef il-ħaxix, u dbiel il-ward / staqsietni jekk irridx nixrob / imma din mhux personali? / donnha hi trid xi għajnuna / bħal mara li ġiet mitluba jtiha tixrob mill-ilma tal-bir / qaltli li jekk noqgħod fuq kliemha jkun bħal xmara sliemi / għandek bżonn xi ħaġa? staqsietni / għax ma remitiex il-munita li għandha u ħbietha? / xi skop għandha? / din taħseb li l-iljun bħal gendus jiekol it-tiben? / anke elufi ta’ snin ilu lil xi ħadd tefgħuh fil-bir / u poġġewh fil-qjud / u ridtni ngħanni fis-skiet / meta leħni bilkemm jinstema’ fl-istorbju tal-bliet.
Għejjejt
għejjejt / kull sekonda ttektek bħal qatra ilma fuq rasi/ f’liema baħar imniġġes tlabtni ngħum? / biex naqsam għan-naħa l-oħra u nkanta bil-ferħ / biex leħni juri li m’għajjejtx / l-għana li saħanistra, l-għasafar biddlu! / fuq tal-linja filgħodu staqsew għalfejn miss moħħu qalbu u spalltu / matul il-jum f’kamra bla arja / nilqa’ bil-ferħ l-iskart biż-żigarella / mingħand persuni mimlijin arja / matul il-lejl kiebi / is-skiet tarraxli widnejja / id-dlam għejjieni
Lill-Marija Addolorata
Rajtek, Marija dik ħarstek imbikkma.
Lil ibnek tawk, bla ħajja mimli dmija.
Suldat li ħadd ma jaf f’deżert mitluf
u taħt in-nar inqatel mingħajr ħtija.
Is-sejf ġo qalbek kif lil ibnek
rajt fuq għuda msallab f’misraħ ġo Tikrit.
O x’weġgħa ħassejt kif ’l uliedek tlift
spiċċaw mirduma minħabba t-taqbid.
Rajtek il-ħabs, issofri lsien in-nies.
Rajtek tolfoq fuq sodda ġol-isptar.
Rajtek minn żewġek maħqura u msawta.
Rajtek sogħbiena bla saqaf bla dar.
Rajtek bid-dmugħ f’għajnejk tħares lejn ibnek
jistenna l-jum li fih dal-vjaġġ jintemm
bħal meta l-purtiera tat-tempju ċċarrtet
biex magħna tkun għalina f’dan il-hemm.
tifrigħ
hekk kif ħassejteK imbiegħed ħsibt kif
anke jekk il-baħar jifriegħ minn max-xatt
xorta jħalli r-ramel imxarrab
Jekk ħassejtek mitluq u mwarrab,
ma rajtx it-trab jistrieħ fuq il-merżuq?
Ħalel
Meta l-ħalel mal-blat jaħbtu qawwija
inħoss bħal sur kbir jimtela ġo fija.
Agħmel li ż-żerriegħa tibqa’ f’art tajba
Mulej
agħmel li ma jkunx hemm firda fid-dar
u l-imsiebaħ ikunu diġa mixgħulin.
Agħmel li ż-żerriegħa tibqa’ f’art tajba
u ssir l-akbar fost is-siġar
u dak li nkun għidt fid-dlam jinstema’ fid-dawl.
“Żomm mat-tagħlim u tħallih qatt,
ħarsu sewwa, għax hu ħajtek.
Taqbadx il-mogħdija tal-ħżiena,
Timxux fit-triq ta’ min jagħmel id-deni.”
Proverbji 4, 13 -14.
Jiem id-dlam maltemp
li ma nistax inbaħħar fih
fejn jien inħossni mirbuħ.
L-idejn merħija ta’ nies ta’ Babel li jien nipprova nsaħħaħ.
Eskatoloġiku
Għad jgħaddu l-jiem
Għad jgħaddu l-jiem
meta xammejt ir-riħa tal-ikel
u bqajt bil-ġuħ.
Għad jgħaddu l-jiem
meta rajt l-ilma fuq ix-xefaq
u naf li ma nistax nixorbu.
Għad jasal it-Tmiem
meta jien niekol u nixrob
u nixba’.
Għad xi darba ruħi
tixxabba’ bl-għarfien sħiħ.
Qawmien permezz tas-salib
Ix-xemgħa ntfiet, u ċċartet il-purtiera.
Ix-xemx ukoll inħbiet, wara s-salib.
‘Żda kif id-demm Qaddis saqqa lir-ramel
biex moħbi,ħadd aktar ma jista jara
ħlief siġar dgħajfa, bil-għatx, imnixxfin.
Permezz tad-demm qaddis qed jgħixu, jikbru
u jħarsu lejn is-sema, l-ward u s-siġar,
jaraw ix-xemx bħal titbissem mill-ġdid.
It-Tħabbira tal-Għid
Bid-dawl tax-xemgħa f’idejna;
sinjal ta’ Kristu l-Mulej.
Nirbħu fuq id-dlamijiet,
u nhejju għaż-żmien li ġej.
Naqraw kif Alla fl-istorja,
għamel dan kollu mal-bniedem.
Inkorla meta ssuppervja.
Maħfra ta’ meta kien niedem.
L-misteru tal-Għid inħabbru
bil-ferħ, Kristu hu rebbieħ!
Kristu issa hemm fil-glorja.
Lilu nagħtu qima u ġieh.
Rebaħ fuq il-mewt u l-ħażen.
Rebaħ fuq id-dlamijiet.
Il-qofol tas-salvazzjoni.
Hu l-Mulej, Re tar-rejiet.
Popolari
Innu lil San Lawrenz
(300 sena Parroċċa)
Kliem: Dr Omar Seguna
Mużika: Mro Jonathan Abela
Minn ċkunitek sa minn dejjem
Tant lil Alla int ħabbejt.
Fit-tagħlim ta’ Kristu Sidna,
Ħajtek għall-foqr’ offrejt.
Int kont magħna, f’żewġ assedji,
sabiex lilna pproteġejt.
Kif ħarist, Inti minn dejjem
Isem, din beltn’ għollejt
R: L-qima l’għandu dan il-poplu
f’dina l-ewwel fost l-ibliet.
Jalla l-ġmiel ta’ dan it-tempju
ikun jixbah tas-smewwiet.
Kif fl-imgħoddi dħalt għalina
sakemm ħriġna rebbiħin,
ibqa’ llum Idħol għalina,
Kbir Levita, Bik kburin. – – –
Id-dutturi, kbar tal-Knisja,
Int f’kitbiethom issemmejt,
Biex ħarist il-ġid tal-foqra,
l-eħrex, tbatij’ għaddejt
B‘devozzjoni beltna talbet
sabiex ksibna il-fejdiet
biex hi wkoll, lill-foqra tħares
resqet, lejk l’oħl’ għanjiet
Talba lill-Santa Marija
Jekk qawwi ħabbat il-mewġ,
waqtiet diffiċli w t’uġigħ.
U sew taħt sema kaħlani
li lilna `tina l-mistrieħ
Fik dejjem sibna s-serħan.
T-triq magħna dejjem imxejt.
Tħaddanna taħt il-mant tiegħek,
u t-triq t’Ibnek lilna wrejt.
B’tant ħeġġa talbek dal-poplu
Taħt l-eħrex bombi jkasbruh.
Il-Jum tal-konvoj ġo Malta
Il-Jum li qatt ma ninsuh.
Kun raġġ ta’ dawl f’dan id-dlam
Ta’ fidi f’Ibnek tintemm.
Għal dan nitolbok bi ħrara
Tibqa’ tħarisna mill-hemm.
B’tant ħeġġa talbek dal-poplu
Taħt l-eħrex bombi jkasbruh.
Il-Jum tal-konvoj ġo Malta
Il-Jum li qatt ma ninsuh.
Hawn quddiemek infaħħruK
Ilu bosta fuq din l-art
Bormla – l-bir tal-Mulej.
L-bir ta’ għerf u mħabba kbira
B’fidi f’Dak tagħna l-Feddej.
Ferm qabel is-swar madwarna
Int bħal ommu l-poplu ra.
Sa minn qabel l-eqqel gwerer,
kull foħrija lilek ta.
Għoġbu jżejnek dan il-poplu
bl-isbaħ fided li jsebbħuk.
Ħajr ta’ kemm dil-belt int tħares
Hawn quddiemek infaħħruk.
Ibqa’ ħares lill-Bormliżi,
minn kull hemm, mid-dlamijiet.
Aħna lejk nibqgħu nersqu
bl-isbaħ talb, l-isbaħ għanjiet.
Int sinjura imma umli.
L-omm ta’ min tagħna hu l-Blata.
Toħroġ b’ħeġġa tibqa’ l-għajta
ta’ Viva l-Immakulata.
Għoġbu jżejnek dan il-poplu
bl-isbaħ fided li jsebbħuk.
Ħajr ta’ kemm dil-belt int tħares
Hawn quddiemek infaħħruk.
Miegħek Marija
Sa qabel is-swar illi l-beltna jħaddnu,
kemm f’waqtiet ta’ glorja w oħrajn ta’ wġiegħ
Fik biss Ommna Marija ‘mmakulata.
Fik dal-poplu Bormliż qalbu tistrieħ.
F’dit-triq twila u xi waqtiet imħarbta
mal-poplu Bormliż, Int dejjem imxejt.
Ħaddantu bħas-swar kennija madwarna
u t-triq t-Ibnek lilu dejjem urejt.
F’dit-triq imxew nies ta’ ħila kbira,
li tagħna jistħoqqilhom kull foħrija.
Mogħnija b’teżori li sawwruha.
Bl-istorja tagħha dil-belt hi kburija.
Fit-tbatija u fil-biża’ tal-gwerra.
Taħt in-nar tal-poplu għereq fid-demm.
Hemm ukoll il-Bormliżi fik ittamaw.
Talbuk bi ħrara teħlishom mill-hemm.
Xejn iżda ma jxekkel lil Beltna Bormla.
Miegħek Marija, timxi kullimkien.
Int li rebbaħtha fuq iż-żewġ assedji.
Tibqa’ tgħaqqad lill-Bormliżi flimkien.
(dehret fil-Ħarġa Speċjali tal-ktieb tal-Kunsill Lokali Bormla Sehmna, Festa Milied 2004)
Missier tagħna l-Kalkariżi
Int bħas-swar li dan ir-raħal
isebbħuh u iħarsuh.
Int tmexxina lejn Dak Ibnek
li ħalaqna biex naqduh.
Int Missier ħarist familja
l’hi mudell tagħna l-insara
Llum Missier il-Kalkariżi
lilna tħares minn kull ħsara.
Tħares int lil din il-gżira
sabiex l-għadu qatt iħebb
Għalhekk ngħajtu b’għajta waħda
Kemm int kbir O San Ġużepp.
Ġo dar żgħira, l-aktar fqajra,
għal familtek qlajt l-għixien
Hemm fis-skiet, umilta’ kbira
kellu jseħħ tagħna l-ħelsien.
Int bħal qamar tiddi ħlejju
jarmi d-dija fuq il-baħar
Int għalija tkun id-dija
biex bi Kristu jien niftaħar.
Tħares int lil din il-gżira
sabiex l-għadu qatt iħebb
Għalhekk ngħajtu b’għajta waħda
Kemm int kbir O San Ġużepp.
X’ferħ inħossu ġewwa qalbna
Hekk kif toħroġ minn ġon-niċċa.
U jekk bħalek ġusti nkunu
l-ferħ tal-festa qatt jispiċċa.
Int Missier tagħna l-Insara
Int Missier tagħna l-Maltin
Missier tagħna l-Kalkariżi
Bik ilkoll aħna kburin.
Tħares int lil din il-gżira
sabiex l-għadu qatt iħebb
Għalhekk ngħajtu b’għajta waħda
Kemm int kbir O San Ġużepp.
(dehret fil-ktieb Festa Solenni San Ġużepp Kalkara 2015, Għaqda Mużikali San Ġużepp)
San Ġużepp Ħaddiem
Fuq bank bil-għodda f’idejk
fil-jiem tqal sħan sajfija,
biex tmantni `l ibnek Sidna
bil-ħidma w bit-tbatija.
Fis-skiet bla kliem hemm taħdem
ġo l-għorfa fqajra tiegħek.
Sabiex iżżom magħquda
u taħt ‘il ħarsien tiegħek
l-familja tant għal qalbek:
Trobbija l-Feddej tagħtih.
Għax-xogħol u l-ħidma sfiqa
Jistħoqqlok biss kull ġih.
(dehret fil-Ktieb tal-Festa solenni San Ġużepp Kalkara 2012)
Lill-Madonna tad-Duluri
Bħal Abraham li artu telaq,
bħal Mose’ li tahom l-art.
Int Marija lqajt lil Ibnek
pont ma’ Alla int sawwart.
Ġismek sar bħal tabernaklu.
Fik ilqajt lis-Salvatur.
B’ubbidjenza u b’imħabba.
B’umilta’ rfajt kull dulur.
Bħalma Int kellek il-grazzja,
Alla żejnek b’ħafna doni.
Int ukoll qsamt it-tbatija
biex isseħħ is-salvazzjoni.
O Madonna tad-Duluri.
Alla magħna permezz tiegħek.
F’dan il-Jum warajk ningħaqdu.
Tbatijietna naqsmu miegħek.
Tifħir lil San Pawl
Ġej magħżul sabiex il-Fidi,
l’Kristu nilqgħu bl-akbar ħrara.
Sew jekk Grieg u sew jekk Lhudi,
aħna lkoll nissejħu nsara.
Meta l-ġifen f’nofs il-baħar
mtela’ bl-ilma f’temp qalil.
Bħar-ruħ bl-imħabba timtela’
u teħlisna mid-dnub tqil.
Kif għallimtna sew, l-Imħabba
Ma tfittixx dak li hu tagħha
Ma żżomm f’qalbha qatt għad-deni.
Tibq’ għal dejjem bl-akbar saħħa.
Min jekk hux San Pawl Missierna
għallem tant fl-irħula w bliet?
Vjaġġa tant sabiex ixandar
l-aħbar tajba tas-smewwiet?
Mhux ta’ b’xejn il-poplu Malti
għax ġejt fostna tant kburin.
U għalhekk nibqgħu nsejħulek
Il-Missier tagħna l-Maltin
Lill-Madonna ta’ Pinu
Sa mill-bidu werejt ix-xewqa
li dal-post jinbena fih,
post biex `l Alla nagħtu qima
u lil ismek nagħtu ġieh.
Urejtna bosta sinjali.
Ridt dal-pjan li nersqu lejh.
Ħuna Pinu ħareġ flusu
biex dil-ħolma kellha sseħħ.
Inti tlabt lil Karmni Grima
tgħid is-Sliema tliet darbiet.
Kif ħabbart lilha minn qabel
wara sena reġgħet ġiet.
Dak li ġara tqies bħal xhieda
li minn Alla kien tassew.
Folol kbar ġew jagħtuk qima.
Pellegrini b’ħeġġa ġew.
Illum hawn minn das-santwarju,
jgħaddu kemm jgħaddu il-jiem,
minnek bosta jħossu l-faraġ,
tibqa’ l-bosta tagħti s-sliem.