
L-għan ta’ dan il-ktejjeb huwa li joffri esperjenza ta’ talb li ħarġu minn taħriġ spiritwali bil-ħsieb li jwennsu u jibnu fuq il-benesseri ta’ dawk kollha li jaqrawhom.
L-ewwel jiġi t-talb differenti kuljum mit-Tnejn sas-Sibt. It-talb imqassam hekk: Talb ta’ tifħir, talb ta’ ħajr, talb ta’ maħfra, talb għall-grazzi speċjali, u talb dwar il-ħajja ta’ dejjem. Il-Ħadd huwa Jum il-Mulej, u għalhekk mhux inkluż għaliex hemm fost oħrajn l-obbligu tal-Quddiesa.
Imbagħad, wara, għal kull jum tal-ġimgħa hemm devozzjoni. F’dan il-ktieb jiena għażilt għal nhar ta’ Tnejn, l-erwieħ tal-purgatorju; it-Tlieta, l-wiċċ imqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu; l-Erbgħa, l-Madonna tal-Karmnu u San Ġużepp; il-Ħamis, l-Ewkaristija Mqaddsa; il-Ġimgħa, l-Pjaga Divina fuq l-Ispalla ta’ Ġesù u s-Sibt, Ommna Marija.Dawn id-devozzjonijiet ħelwin marbutin ma’ dak il-jum, għalkemm forsi mhux magħrufin minn xi wħud, għandhom tradizzjoni antika, u jimlewna b’ħafna tama u kuraġġ. Marbutin ma’ dawn id-devozzjonijiet jiena ktibt talba jew tnejn bi stil mexxej u bi kliem sempliċi li jibqgħu f’moħħ il-qarrejja. Imma ma’ dawn ktibt ukoll riflessjonijiet li forsi huma xi ftit jew wisq aktar profondi u jeħtieġu ftit aktar sforz intenzjonat sabiex wieħed jaqrhom u jixtarrhom. Inkludejt ukoll talba popolari, li ma ktibtx jiena, marbuta ma’ din id-devozzjoni.
Dan il-ktieb għalhekk iwaħħad l-għarfien tiegħi fit-teoloġija – ir-rigal li tani l-Mulej permezz tal-kitba u l-poeżija – flimkien mal-fidi. Dawn il-ktibiet huma l-frott ta’ vjaġġ spiritwali li bosta drabi bdew minn dak fiżiku billi ħafna minnhom ġew miktuba f’bosta siti spiritwali f’Malta u barra minn xtutna.
Il-ħsieb huwa li dan it-talb, ma jkunx nieqes mill-profondità, minkejja l-isforz sabiex il-messaġġ sa fejn kien possibli huwa fil-wiċċ u li jiftiehem. Fl-istess ħin, dawn it-talb li bosta għandhom xeħta poetika, huma maħsubin biex jibqgħu jingħadu mill-qarrejja.
It-talb kollha kemm huma bin-Nihil Obstat.
ENG: This book is a collection of popular and devotional prayers for the week, of who I am the author, intended to accompany us on our spiritual journey.
All the prayers in the book have been granted the Nihil Obstat.
Preżentazzjoni tal-ktieb lill-Logutenent tal-Ordni Ekwestri tas-Santu Sepulkru l-Eċċellenza tiegħu Roberto Buontempo kif ukoll lill-Eċċelenza tiegħu Mons. Joseph Galea Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta


Il-ktieb jinkiseb minn Emmaus Bookshop.
Artiklu minn Francesca Gauci fuq Newsbook

“Vjaġġ spiritwali ispirat minn vjaġġi fiżiċi” – ktieb ta’ talb minn Omar Seguna
“Ħafna drabi s-skiet huwa dak li jagħtina dik l-enerġija psikoloġika u fuq kollox spiritwali li għandna bżonn”- Dr Omar Seguna
•
Dr Omar Seguna jqis il-ktieb tiegħu ‘Nifs Spiritwali – Talb għal matul il-ġimgħa’ li ħareġ is-sena li għaddiet bħala “vjaġġ spiritwali li ġie ispirat minn vjaġġi f’postijiet fiżiċi”. Dan hekk kif huwa ktieb ta’ talb ispirat minn diversi esperjenzi spiritwali tal-awtur.
Skont id-daħla tal-ktieb, ħafna mill-kitbiet inkitbu f’għadd ta’ mkejjen spiritwali f’Malta u barra minn Malta.
Pellegrinaġġi u postijiet sagri
Dr Seguna esprima ma’ Newsbook Malta kif ħass spiritwalità kbira Lourdes, u kellu esperjenza qawwija ħafna Fatima u Medjugorje, anke jekk esperjenza kemxejn differenti. Huwa żar ukoll is-Santwarju tal-Ħniena Divina u dak ta’ Pompei.
Żar ukoll Assisi u Pietralcina – “San Franġisk u San Patri Piju bir-radikaliżmu tagħhom ħallew impatt f’dinja fejn l-egoiżmu minn dejjem kien jirrenja”.
B’rabta ma’ Patri Piju, kien żar ukoll is-santwarju Nazzjonali f’Santo Tomas fil-Batangas fil-Filippini. Żar ħafna Knejjes, mill-Bażiliċi Pontifiċi f’Ruma sa dawk l-aktar żgħar u sempliċi fosthom diversi kappelli tal-adorazzjonijiet bħalma wieħed isib f’Malta.
Dr Seguna qal lil Newsbook Malta li l-ħsieb huwa li dan it-talb ma jkunx nieqes mill-profondità, minkejja l-isforz biex il-messaġġ sa fejn possibbli jkun fil-wiċċ u jinftiehem.
“Dawn it-talbiet li bosta għandhom xeħta poetika, huma maħsubin biex jibqgħu jingħadu mill-qarrejja”
Dr Omar Seguna
Il-ktieb huwa ġabra ta’ talb devozzjonali għal matul il-ġimgħa, b’talb differenti mit-Tnejn sas-Sibt, maħsub biex jakkumpanja l-qarrej fil-mixja spiritwali skont l-esperjenza tiegħu, kif ukoll li jwennes u jibni l-benesseri tiegħu.
Dr Seguna stqarr li huwa għal dan l-għan li kull jum huwa assoċjat ma’ devozzjoni; għaliex uħud jirrelataw ħafna ma’ din id-devozzjoni antika. Qal li fl-istess waqt qarrejja oħra se jolqtuhom vrus li jfissru esperjenza spiritwali mhux daqstant devozzjonali, imma sempliċiment torbot mal-ħajja tagħhom.
Huwa temm jgħid li l-ktieb huwa ġabra ta’ talb u mhux poeżija, “però xi drabi jħaddan dik il-metafora sempliċi li jifhem kulħadd biex ifisser iktar dak li hemm fil-qalb u jidħol aktar fil-profond”.
Riċentament il-Papa Ljun XIV tkellem fuq kif il-kotba jiġbru l-esperjenza umana filwaqt li ta importanza kbira lil-letteratura u lill-ispiritwalità tagħha.
X’jagħmel il-qari?
“Il-qari huwa taħriġ kbir fl-umanità” – Il-Papa jgħid lill-kittieba li għandna bżonnhom
Dan jorbot ma’ dak li ntqal fuq il-programm Il-Papa Ljun XIV fuq RTK103 preżentat minn Luke Vella, fejn ġie spjegat kif għall-Insara l-aspett tal-ktieb huwa importanti ħafna tant li kitbiet spiritwali, ħajjiet ta’ qaddisin, u riflessjonijiet jistgħu jmissulna qalbna u jqarrbuna lejn Alla.
Fil-programm issemmew xi benefiċċji tal-kotba:
- “Il-kotba huma opportunità biex il-bniedem jaħseb u jirrifletti”
- Il-qari jħaddem ċelloli li jkunu pjuttost reqdin, speċjalment fi żmien diġitali fejn il-ħin kollu nassorbu, mhux neċessarjament bi ħsieb u analiżi kritika – aspett li “jistona mas-serenità li l-bniedem jeħtieġ”
- Il-qari jagħtina sens profond ta’ kalma
- Il-preżenza fiżika tal-ktieb tfakkar fil-valur tal-istudju, tar-riflessjoni, u ġġib sens komunitarju minħabba li kien hemm ammont ta’ persuni li ħadmu fuqu
- Il-qari jsostni u jiftaħ il-moħħ
- Bil-kotba nistgħu nibnu kultura ta’ laqgħa (encounter) fosthom billi naqsmu dak li naqraw flok niskartaw lil xulxin
Iktar fuq l-awtur
Dr Omar Seguna huwa poeta, edukatur, u attivist soċjali li jippreżenta xogħlijiet fuq is-sit tiegħu omarseguna.com. Sezzjoni minnhom hija għal xogħlijiet letterarji u poetiċi u f’sezzjoni oħra jippreżenta ħsibijiet spiritwali u talb.
Dr Seguna huwa wkoll Uffiċjal Edukattiv fil-qasam tal-Litteriżmu Diġitali, b’Dottorat fl-Edukazzjoni u Baċellerat (Unuri) fit-Teoloġija u fl-Istudji Umani.
Huwa serva bħala għalliem tar-Reliġjon Kattolika u tul is-snin kellu diversi impenji fil-Parroċċa u f’għaqdiet volontarji u reliġjużi.
Apparti dan il-ktieb, Dr Seguna għandu ppubblikati:
- ‘Labirintimi’ (Klabb Kotba Maltin, 2024)
- ‘Xehir fis-Skiet’ (Horizons, 2019)
- ‘Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad’ (2001): ġabra ta’ poeżiji b’daħla ta’ Ġużè Chetcuti
- “24, Triq Ħad-Dwieli” (2011): ġabra ta’ poeżiji b’daħla ta’ Mario Azzopardi, akkumpanjata minn ktieb interattiv fil-format ta’ CD
Bosta kitbiet ta’ Dr Seguna dehru wkoll f’bosta gazzetti u ġurnali, kif ukoll f’antoloġiji varji.
Il-ktieb ‘Nifs Spiritwali – Talb għal matul il-ġimgħa’ ħareġ fl-2025, ippubblikat minn Ruħ u Ħajja, bil-paġna fuq Facebook bl-isem ‘Dar Editriċi – Reliġjon u Ħajja’.
It-talb fil-ktieb huma kollha bin-Nihil Obstat, jiġifieri ġew approvati li jikkonformaw mat-tagħlim tal-Knisja.
Dr Seguna kellu l-opportunità jqassam il-ktieb lill-membri tal-Ordni Ekwestri tas-Santu Sepulkru – wara l-okkażjoni tat-twaqqif tad-delegazzjoni lokali tal-Belt Valletta u l-Iskudjieri tal-Logutenenza għal Malta.
Fost dawk li rċivew kopja kienu l-Logutenent Roberto Buontempo, u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.
Kif takkwista l-ktieb?
Wieħed jista’ jsib il-ktieb minn Emmaus Bookshop, ħanut li jinsab f’Birkirkara u fil-Belt Valletta.
Kotba spiritwali jistgħu jinkisbu anke minn Librerija Preca u Librerija Tagħlim Nisrani mibdija mis-Salesjani ta’ Don Bosco. F’Għawdex kotba reliġjużi jistgħu jinkisbu minn Emmaus, fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat.
It-talb fil-ktieb ‘Nifs Spiritwali – Talb għal matul il-ġimgħa’ huwa mqassam hekk:
- Talb ta’ tifħir
- Talb ta’ ħajr
- Talb ta’ maħfra
- Talb għall-grazzi speċjali
- Talb dwar il-ħajja ta’ dejjem
Wara, għal kull jum tal-ġimgħa hemm talb ta’ devozzjoni:
- Għat-Tnejn: L-erwieħ tal-purgatorju
- It-Tlieta: Il-Wiċċ Qaddis ta’ Sidna Ġesù Kristu
- L-Erbgħa: L-Erbgħat tal-Karmnu u San Ġużepp
- Il-Ħamis: L-Ewkaristija Mqaddsa
- Il-Ġimgħa: Il-Pjaga Divina fuq l-Ispalla ta’ Ġesù
- Is-Sibt: Ommna Marija
Ebda talba fil-ktieb ma tisboq talb liturġiku u qari mill-Iskrittura Mqaddsa.
Ringrazzjamenti mill-awtur jinkludu lil Dar Editriċi – Reliġjon u Ħajja, CAK Malta, Emmaus Book and Souvenir shop, il-Professur Terence Portelli, u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Nitolbu biex ma nwarrbux it-talb mingħajr ma nindunaw – biex Ġesù jibqa’ jorjenta ħajjitna, kif ukoll biex nibqgħu nsaħħu l-fidi f’xulxin billi naqsmu mill-esperjenza tagħna u ngħixu u nikbru flimkien.