Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad

It-tema ewlenija li fuqha huma mibnija l-poeżiji fil-ktieb “Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad” ta’ Omar Seguna hi l-imħabba : l-imħabba għall-familja, għall-ambjent u, fuq kollox, l-imħabba assoluta għal Alla. Il-poeta nnifsu fl-ewwel poeżija jgħidilna illi dawn il-versi tiegħu jistħajjilhom memorji bħal mera mfarrka neżlin fuqu, kif jesprimi hu metaforikament, “bħal qtar tas-silġ” b’kull biċċa tirrifletti episodju differenti mill-ħajja tiegħu.

Irrid ngħid illi l-impressjoni li ħadt wara li qrajt il-poeżiji kollha li fih il-ktieb hi li hawn għandna żagħżugħ, poeta mimli ħeġġa, enerġija u kreattivita’ li għandu quddiemu futur promettenti li għad jagħtih, fil-fehma tiegħi ħafna sodisfazzjon. It-triq twila li qabad għadha fil-bidu nett u għad isib fiha żrar, ħofor, tfixkil u qtigħ il-qalb, imma bit-tempra soda, serja u qawwija li jidher li għandu, għad jegħleb b’suċċess id-diffikultajiet li jsib fi triqtu u jkompli miexi ‘l quddiem. Dan iwettqu l-poeta nnifsu f’”Il-Poeżija Tiegħi” meta jgħidilna illi s-swied il-qalb, l-ipokrisija, l-esperjenza spiritwali, il-ħemda, il-kritika, l-Għid tal-Imwiet, dawn kollha ma tax kashom, kompla jikteb u, qal, “ħallejt ir-roti jduru.”

Il-ktieb jiġbor fih disa’ taqsimiet: (i) mera mfarrka; (ii) sigrieti moħbija fl-imħabba; (iii) ħabi tal-verita’; (iv) lejn dinja moderna; (v) mara tal-azzar; (vi) messaġġ moħbi; (viii) djarju ta’ min għaddej minn żmien diffiċli; (viii) traċċi; (ix) it-tmiem.

Fl-ewwel taqsima tinħass mill-ewwel in-nota familjari: lil ommu u lil missieru. L-oriġinalita’ fl-espressjoni , is-sens ta’ rabta u mħabba mfisser f’sens metaforiku, l-idea konklussiva li tolqtok u tħallik taħseb, jiġbru fihom element ta’ ħajja u kreattivita’. Lit-tfajla li jħobb u li jistħajjel fl-immaġinazzjoni tiegħu jagħmilha apoloġija : “Dak li hu iswed mhux se nisfumah”. Imma fil-poeżija “F’Għajnejk sbieħ” mimlija ħniena u mogħdrija, jħoss li dawk l-għajnejn :

jifhmu dak li jien għandi xi ngħid għalik.
Hemm qalb li nħossha trid tkellimni,
tilqa’ dil-poeżija l’ għandi għalik.

Bħal fuq baħar kalm, f’ ġurnata sajfija,
qalbi u ħsiebi jitpaxxew fis-serħan.
Kliemek ma jibdilx it-tifsira tiegħu.
Għal ftit minuti ħdejk inħossni għatxan.

Twarrabnix għax qed nitolbok bi ħrara,
jew taħsibx li se ntelliflek is-sliem.
Flimkien biss nistgħu nibnu l-ħolma tagħna,
jekk id f’id inħarsu nimxu ‘l quddiem.

u f’poeżija oħra “is-saħħa għadha f’idejk” jgħidilha:

Taqtax qalbek sabiex timxi ‘il quddiem.
Taħsibx li l-ħolma għalik spiċċat.
Hemm ħafna x’tista’ tara fil-ħajja.
Bħalek id-dinja għadha qatt ma rat.

L-istil tradizzjonali jħaddmu ħafna f’dawn il-poeżiji, hemm ukoll poeżiji li fihom ħaddem l-istil modern, imma għandu wkoll daqs tnejn jew tlieta b’xejra ta’ poe-proża, per eżempju: “Poeżija romantika għalik”; “Ritratt”; “Messaġġ Moħbi”.

Fil-poe-proża “Sigrieti moħbija fl-Imħabba” jgħidilna “ix-xemx minn wara kutra ta’ sħab xeħtet dawl bla dija fuq id-dalma ta’ moħħi u qalbi,” imma aktar ‘l isfel “f’daqqa waħda qisu l-anġli fetħu s-separju fuq id-dinja-mejta. Is-sħab inferaq u x-xemx iddiet bejnietu; qisu l-bieb tal-ġenna jinfetaħ biex jurina l-ewwel żerniq.”

Dak kien il-ħin meta feġġet quddiemu “tfajla żnella, liebsa libsa ħafifa, twila, bajda. Xaharha twil dehbieni jittajjar maż-żiffa tan-nirvana. Narha tiġġerra lejja bħal fuq tapit miksi bil-fjuri. Mal-ewwel ħassejt il-balzmu tas-serħan jinxteħet fuqi u donni nisma’ leħen jgħajjatli mill-bogħod. Inħsadt u qabżitli demgħa sħuna minn għajnejja fl-istess ħin.”
Lil din it-tfajla ta’ l-immaġinazzjoni tiegħu l-poeta jiddedika poe-proża oħra “Poeżija romantika għalik”:

Meta taqa’ d-dalma tal-lejl, tixgħel bħal fjamma f’qalbi għall-maħbuba tiegħi li tagħtini ċerta passjoni, ċerta serħan….

Issa d-dalma tal-lejl donnha nbidlet f’attitudini mnebbħa mill-artist minquxa fuq tapizzerija ispirata mill-esperjenza ta’ l-imħabba.

Din ix-xorta ta’ poeżija-proża daħħalha Victor Fenech fil-letteratura Maltija. Kien iż-żmien tal-Moviment Qawmien Letterarju Malti li twieled mas-snin Sittin, iż-żmien ta’ l-Indipendenza. Il-kittieba żgħażagħ riedu jinqatgħu mil-istil tal-poeżija tradizzjonali, iwarrbu għal kollox l-irwiegel tal-prosodija Taljana bl-uniformita’ u r-regolarita’ ta’ versi, sillabi, aċċenti u rima, u qabdu triq għal kollox differenti u mxew mal-moviment espressjonista bil-liberta’ assoluta ta’ l-espressjoni, ta’ l-idjolett u tad-devjazzjonijiet morfoloġiċi u sintattiċi, imnebbha mill-poeti Amerikani u Ingliżi. Taw xejra ritmika ġdida, anti-tradizzjonali fil-mekkaniżmu ta’ l-istruttura metrika u sintattika b’taħlita ta’ daqsijiet ta’ versi bla rima, poeżiji b’xeħta viżiva, konċiżi fl-espressjonijiet ta’ l-ideat u elementi ta’ termini oħra letterarji stilistiċi.
Dan il-ktieb “Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad” jiġbor fih iż-żewġ stili, il-wieħed dijametrikament kontra l-ieħor: l-istil tradizzjonali u l-istil modern. Il-għadd tal-poeżiji bi stil tradizzjonali jissupera ħafna l-għadd ta’ dawk bl-istil modern, imma l-poeta t-tnejn għaraf iħaddimhom tajjeb u b’sengħa artistika.

 

Intenni dak li għedt fil-bidu, Omar Seguna għandu triq miftuħa beraħ għalih fil-futur. Ħeġġa, attivita’, maturita huma t-tripied li fuqu tissaħħaħ ir-rieda ta’ dan il-poeta żagħżugħ.
Guże' Chetcuti
Kittieb

Iebes u pessimistiku fil-“Messaġġ Moħbi” meta l-poeta jkun għaddej minn burdata xejn sabiħa u ma jistax isib soluzzjoni għal ħajtu “inħoss li aħjar ma twelidt xejn.” B’dankollu jħoss li hemm Alla u jitolbu :

Mulej, agħmel li:
Jekk jitgerbeb il-mewġ
ma jiddardarx il-baħar.
Jekk idejja għodda tajba
ma ssaddatx.
Jekk fommi eku ta’ leħnek
kliemi ma jibdilx it-tifsira tiegħu.
Jekk qalbi tingħaqad kumpass
inħażżeż ċirku.
Jekk naħdem l-għalqa
ikolli l-frott.
Jekk tarani fil-għar
urini x-xemx.
Jekk tiċċarrat il-purtiera
erġa’ sejjaħli.

Il-ktieb jikkonkludu b’poeżija ta’ 19-il paġna (pp. 112 – 131) b’versi l-biċċa l-kbira minnhom endekasillabi “It-triq tal-Mulej” – mixja spiritwali mill-kriżi żagħżugħa sal-Fidi ferma f’Alla li hu dak li Hu, u l-esperjenzi spiritwali li għadda minnhom il-poeta żagħżugħ. Taħdem fuq kollox l-imħabba, imma waqtiet jinkedd u jirrabja bl-aħrax kontra Alla. Isaqsi: “Għalfejn hemm bżonn nitlob la Alla sieket?… Kif nista’ nemmen fik? Għaliex int Mulejja taħqarni daqshekk? Tħallinix ninfired minnek, inwarrbek?…

F’daqqa waħda l-anġli fetħu s-separju fuq id-dinja mejta. Is-sħab inferaq.

Fl-aħħarnett, tul il-kotra ta’ poeżiji wieħed ma jistax ma jinnotax il-ħafna elementi ta’ stilistika, b’mod speċjali l-metafora kompatta, suġġestiva, fiha forza espressiva, u d-deskrizzjoni, element imżewwaq bi kwadri ta’ ġmiel, ta’ ħajr, ta’ ħajja b’ideat u tqanqil ta’ qalb, u ta’ espressjonijiet meqjusa u milquta.

Intenni dak li għedt fil-bidu, Omar Seguna għandu triq miftuħa beraħ għalih fil-futur. Ħeġġa, attivita’, maturita huma t-tripied li fuqu tissaħħaħ ir-rieda ta’ dan il-poeta żagħżugħ.

                                                                                                                                     Ġuże’ Chetcuti