Ix-xewqat wara nżul ix-xemx

Wara l-għabex 
fil-friex
rajtna niġġerrew flimkien. 
U subgħajja jħufu fuq
l-għoljiet ta’ ġismek
u jithennew fuq l-irtuba.
Flimkien, 
bħal donnu jdejna ħfief fuq din it-tila. 
Mbagħad, 
bħal pittura sabiħa
li tiċċallas 
ma’ dak il-ħoss kiefer tal-isverjalin… 

Sabiex illum filgħodu b’libsa ntiera 
mixjin f’direzzjonijiet opposti,
biex permezz ta’ sentenza,
darba għal dejjem,
l-għajjat li kien iweġgħani 
jinbidel 
fi skiet li jinfidli qalbi:
F’baħħ,
sa ma nerġa’ nħoss ix-xewqat
wara nżul ix-xemx. 

⟵ Lura