Kaxxi

F’jum sajfi, Mario bħas-soltu kien qed jgħabbi l-kaxxi tal-luminata. Il-kaxxi tqal wisq u kien jeħtieġlu jistivahom sew fil-kamra li kienet tintuża bħala maħżen għall-fabbrika. Kien xogħol ta’ tbatija imma ċertament kien jeħtieġ li jaqla’ lira biex iħallas il-kera tal-post fejn kienu jgħixu hu u martu Rose, li kienu qed jistennew tarbija.

L-istorbju, it-tisbit tal-kaxxi, bħal donnu jissinkronizza mal-istorbju tal-iskavar tal-binja ta’ ħdejn il-fabbrika. Dik it-triq inbidlet kompletament. Mhux l-ewwel darba li f’ħin il-mistrieħ kien joħroġ jagħmel żewġ passi u jara l-għelieqi ta’ madwarhom u t-tfal jiġru barra u jilagħbu għalenija. Issa qed itellgħu blokok t’appartamenti. Dik it-triq kienet tqabbdu diqa. Kienet tixbah lit-triq tagħhom u l-hena ta’ Rose kienet li tittawwal mill-gallarija u tara l-għelieqi ħadrana.

Tella’ l-kaxxa ta’ fuq nett. Tagħtu weġgħa għax kien għadu kif ħa skoss. U waqt li jara xogħlu, kaxxi fuq kaxxi, iħares lejn il-binja ta’ ħdejhom, kaxxi fuq kaxxi, u jaħseb kif appartament mibjugħ kien iġib aktar minn 15-il sena xogħol ta’ tbatija. Kif qed jgħidu, diġà nbiegħ appartament minnhom. Nofs miljun. Għabba l-aħħar kaxxa. Fuq torri ta’ kaxxi. “Lesta l-blokka t’appartamenti tiegħi,” qal f’qalbu. “Lesta l-ġurnata. Lanqas ħamsin ewro tal-lum.”

Iċċempillu Rose. Tolfoq infurmatu li ser jiġu żgumbrati `l barra mill-post għax flok id-djar fejn għexu ser jitilgħu appartamenti ġodda