
L-għan ta’ dan il-ktejjeb huwa li joffri esperjenza ta’ talb li ħarġu minn taħriġ spiritwali bil-ħsieb li jwennsu u jibnu fuq il-benesseri ta’ dawk kollha li jaqrawhom.
L-ewwel jiġi t-talb differenti kuljum mit-Tnejn sas-Sibt. It-talb imqassam hekk: Talb ta’ tifħir, talb ta’ ħajr, talb ta’ maħfra, talb għall-grazzi speċjali, u talb dwar il-ħajja ta’ dejjem. Il-Ħadd huwa Jum il-Mulej, u għalhekk mhux inkluż għaliex hemm fost oħrajn l-obbligu tal-Quddiesa.
Imbagħad, wara, għal kull jum tal-ġimgħa hemm devozzjoni. F’dan il-ktieb jiena għażilt għal nhar ta’ Tnejn, l-erwieħ tal-purgatorju; it-Tlieta, l-wiċċ imqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu; l-Erbgħa, l-Madonna tal-Karmnu u San Ġużepp; il-Ħamis, l-Ewkaristija Mqaddsa; il-Ġimgħa, l-Pjaga Divina fuq l-Ispalla ta’ Ġesù u s-Sibt, Ommna Marija.Dawn id-devozzjonijiet ħelwin marbutin ma’ dak il-jum, għalkemm forsi mhux magħrufin minn xi wħud, għandhom tradizzjoni antika, u jimlewna b’ħafna tama u kuraġġ. Marbutin ma’ dawn id-devozzjonijiet jiena ktibt talba jew tnejn bi stil mexxej u bi kliem sempliċi li jibqgħu f’moħħ il-qarrejja. Imma ma’ dawn ktibt ukoll riflessjonijiet li forsi huma xi ftit jew wisq aktar profondi u jeħtieġu ftit aktar sforz intenzjonat sabiex wieħed jaqrhom u jixtarrhom. Inkludejt ukoll talba popolari, li ma ktibtx jiena, marbuta ma’ din id-devozzjoni.
Dan il-ktieb għalhekk iwaħħad l-għarfien tiegħi fit-teoloġija – ir-rigal li tani l-Mulej permezz tal-kitba u l-poeżija – flimkien mal-fidi. Dawn il-ktibiet huma l-frott ta’ vjaġġ spiritwali li bosta drabi bdew minn dak fiżiku billi ħafna minnhom ġew miktuba f’bosta siti spiritwali f’Malta u barra minn xtutna.
Il-ħsieb huwa li dan it-talb, ma jkunx nieqes mill-profondità, minkejja l-isforz sabiex il-messaġġ sa fejn kien possibli huwa fil-wiċċ u li jiftiehem. Fl-istess ħin, dawn it-talb li bosta għandhom xeħta poetika, huma maħsubin biex jibqgħu jingħadu mill-qarrejja.
It-talb kollha kemm huma bin-Nihil Obstat.
Jinkiseb minn Emmaus Bookshop.