Fl-Isem tal-Missier,
u tal-Iben,
u tal-Ispirtu s-Santu.
Ammen.
Missier, f’idejk nintelaq
Talba ta’ Charles de Foucauld
Missier, f’idejk nintelaq jiena.
Agħmel minni dak li jogħġbok. Niżżikħajr għal dak kollu li tagħmel bija: jien lest għal kollox, nilqa’ kollox.
Agħmel biss li r-rieda tiegħek isseħħ fiha, u fil-ħlejjaq kollha tiegħek.
Ma nixtieq xejn aktar, Mulej. F’idejk jien nitlaq ruħi; nagħtihielek bl-imħabba kollha ta’ qalbi, għax jien inħobbok, Mulej, u għalhekk inħoss il-ħtieġa li nagħti lili nnifsi lilek, li nintelaq f’idejk għal kollox u b’kunfidenza bla tarf, għax int Missieri.
Suġġerimenti lill-qarrejja
Sib post għal kwiet. Jista’ jkun quddiem quddiem xi xbieha Qaddisa, f’xi post sagru, f’xi ġnien jew id-dar. Xejn ma’ jieħu post Ġesù fl-Ewkaristija u l-qawwa li din tħalli fina.
Sib pożizzjoni komda jew li permezz tagħha tħossok li qed tagħti qima lil Alla.
Ħu nifsijiet fil-fond. Ħu nifs ’il ġewwa. Ħu nifs ’il barra.
Qatta’ ftit ħin fis-silenzju u ħalli l-Mulej ikellmek.
Erġa’ rrepeti dan il-proċess wara li tkun għidt it-talbiet tiegħek.
Ebda talba minn dan il-ktieb ma tiżboq talb liturġiku u qari mill-Iskrittura Mqaddsa.
It-Talb
Jekk hemm mod li bih tispejga
il-mument għażiż tat-talb:
It-talb bħal barka mill-fidi.
Tiftix għas-serħan tal-qalb.
Sew jekk talb f’mument diffiċli
jew fis-siegħa tat-tiġrib .
B’ħarsitna lejn Kristu msallab.
Fih il-paċi qalbna ssib.
Meta nonqsu hemm il-maħfra;
dejjem jekk jiddispjaċina
Ma’ kull nifs li kuljum nieħdu;
ħajr għal grazzji li jagħtina.
LilU nagħtu kull foħrija
`l Qaddisin ukoll ta’ spiss.
Imbagħad hemm iżda il-Qima:
Dik tingħata `l Alla biss.
Talba
Mulej, agħmel li:
Jekk jitgerbeb il-mewġ
ma jiddardarx il-baħar
Idħol fija Mulej.
Ibdilli ħajti. Agħmel din il-bidla fija.
Illum hu jum ġdid: Jum li qed nerġa’
nitwieled fik.
Fik Mulej riġlejja qatt ma jgħejjew.
Fejn kien hemm id-dlam Int xgħelt id-dawl.
Mulej bgħiedni mill-mard, mill-imwiet u
tgħaddinix minn toroq imħarbta.
Kabbarni fl-Ispirtu Qaddis Tiegħek u urini d-dawl:
Id-dawl li ħlaqtna għalih.
Xi kultant Mulej, ninsa’ in-numru tal-bieb ta’
darek u leħnek sieket ma’ jinstemax.
Wettaq Mulej iżda, din il-bidla fija, u għinni biex mil-lum
nidħol f’din ir-relazzjoni miegħek.
Il-Mulej hu ħaj.
Il-Mulej Hu.
Jekk idejja għodda tajba
ma ssaddatx.
U l-merżuq laqatli qalbi u nisma’:
Qatt taħseb li inti anqas ixxurtjat
jew kollha ħotob it-toroq ta’ ħajtek.
Tieqa żgħira fl-għoli turik il-ġmiel
tad-dinja, għax fuq l-orizzont hemm l-art.
Ħabib, int m’ intix mitluf f’ nofs id-deżert.
Anke jekk qabel int batejt fin-nixfa,
issa hemm l-ilma fjur, il-ġonna jwarrdu:
Bdejt nara jinfetħu blanzun blanzun.
Ħabib, dan id-dell li ġie għad jintemm
fid-dawl l’ għad tar’ għal dejjem jiddi fuqek.
Jekk fommi eku ta’ leħnek
kliemi ma jibdilx it-tifsira tiegħu.
Kemm nixtieq li kont profeta
ħalli l-kelma tiegħek
madwar id-dinja
nwassal,
fost dawk li ma jilqgħuhiex,
fost l-aktar artijiet niexfa.
Tini s-saħħa ħa nkun kapaċi
nirresisti ma li jinqala fil-ġurnata
naqqasli mill-inkwiet
ħalli nkompli jiena nżid
il-ġid dak li inti trid.
Meta jinxef l-ilma
id-dawl jixgħel aħmar
nitolbok biex tfittixni
lili
siġra b’saħħitha
f’bosk
fejn ma tantx tinżel xita
Ħajr Mulej
għas-sabiħ kollu li inti tajtni.
Id-doni li tajtni, għallimni nuzhom
Jekk qalbi tingħaqad kumpass
inħażżeż ċirku.
Għalija wkoll Mulej bħal kotra,
l-maħfra hija kelma diffiċli.
Imma kif għidtilna Int Mulej,
x’jiswa għan-nisrani li jħobb lil min iħobbu?
Anke l-midinbin jagħmlu dan.
Għalfejn ngħid li ma rridx naħfer Mulej,
la rrid ngħix fil-paċi?
la rrid min jaħfer lili?
la inti diġa ħfritli
n-nuqqasijiet kollha li nagħmel matul il-jum?
Għalfejn ngħid li ma rridx naħfer
la rrid nidħol fis-saltna tiegħek?
Jekk naħdem l-għalqa
ikolli l-frott.
Jien ukoll Mulej,
bħan-nies ta’ Kana,
nħossni mdejqa,
mhux għax spiċċa l-inbid,
imma għax għandi l-vojt fija.
Idħol f’ħajti Mulej,
bħal ma dħalt fit-tieġ ta’ Kana
u agħmel dil-bidla fija.
Kattar fija wkoll Mulej,
bħal ma kattart l-inbid,
il-ferħ u l-imħabba
li Inti biss taf tagħti.
Jekk tarani fil-għar
urini x-xemx.
Jekk tiċċarrat il-purtiera
erġa’ sejjaħli.