Talb għall-għarfien

(a)

Bibien u Twieqi

Ġo kamra vojta
bibien u twieqi magħluqin
u nħares lejn mera quddiemi.
Tieqa nfetħet
bil-forza tar-riħ
u x-xemx tirrifletti fuq il-mera
u jien ma nagħrafx
li dik biss riflessjoni.
Imbagħad inħares lura
lejn it-tieqa miftuħa
u nara d-dawl oriġinali.

Imbagħad nittawwal mit-tieqa
u nara madwari ġonna kollha ħajja.
U jien nixxennaq
biex nara sal-inqas siġra.
Imxennaq biex ix-xemx tiddi fuq qalbi.

(b)

U l-merżuq laqatli qalbi u nisma’:
Qatt taħseb li inti anqas ixxurtjat
jew kollha ħotob it-toroq ta’ ħajtek.
Tieqa żgħira fl-għoli turik il-ġmiel
tad-dinja, għax fuq l-orizzont hemm l-art.
Ħabib, int m’ intix mitluf f’ nofs id-deżert.
Anke jekk qabel int batejt fin-nixfa,
issa hemm l-ilma fjur, il-ġonna jwarrdu:
Bdejt nara jinfetħu blanzun blanzun.
Ħabib, dan id-dell li ġie għad jintemm
fid-dawl l’ għad tar’ għal dejjem jiddi fuqek.

(c)

Fil-qawmien tiegħek O Gesù,
wrejtna l-pjagi tiegħek,
biex turina li tibqà ġġorr il-weġgħat tagħna.
Toħodna f’art tnixxi ħalib u għasel.
Int tkun magħna fil-ħajja ta’ kuljum,
biex bħalma int għaddejt mid-dlam tal-qabar
għad-dawl,
hekk ukoll iddawwal lilna fil-hemm tal-ħajja,
permezz tad-Dawl tiegħek,
Kristu li rbaħt fuq dak li huwa impossibli għalina – il-mewt.
U dan għamiltu,
biex it-tbatija ngħixuha bil-qawwa u l-grazzja tiegħek.  
u saħansitra fil-mewt tagħna
nitgħannqu miegħek għall-ħajja ta’ dejjem 

<— lura