Sakranazz

“Konna ilna biex nagħmluha , din” Amanda qalet lil Rose bit-tbissima.

“Iva,” kompliet Rose, “Ilna minn żmien l-Universita’ ma niltaqgħu.”

“Ommi kemm jgħaddi ż-żmien.  15-il sena diġa għaddew.”

“Imma msomma għaddejniha, “ kompliet Amanda.  “Kemm inħossni nqtajt minn dawn l-affarijiet jien.  Kemm kont niġi Paceville jaħasra.”

“M’għadniex li konna Amanda!” 

In-nisa daħqu bil-qalb.   Kienu tassew ħelwin.  Ma kinux xjuħ, niftiehmu, imma reġgħu ħassewhom meta ż-żogħżija tagħhom forsi kienet fl-aqwa tagħha.  F’daqqa waħda, hekk kif daru l-kantuniera n-nisa nġibdu lura.

“Ara dak mal-art!  Jaħsra dak raqad barra,”  kkummentat Amanda

“X’raqad barra hu! Dak għandu sakra ma jarax art.  M’intix tarah.”

“Ma x’biża’.  Ejja ersqu ‘l hawn ta. Iktar ikun xi barrani”

“Dawn il-barranin dardruh hawn,” kompliet Rose.  “Kulħadd ġej.”

“Ara jaqq.  U żgur li xorob.  Imxi malajr.”

“Isma, aħna għal naqra m’aħniex hekk,” daħqet Rose.  “Għax dik il-vodka taf kif qed inħossha għal rasi.”

“U le mhux illum,”  iġġustifikat Amanda.  “Jien dejjem ma żewġi.  Illum ħallejtu waħdu miskin.”

“Ċerta nies m’għandhom valuri,” saħqet Rose. 

In-nisa qabdu taksi u kif waslu r-raħal sellmu lil xulxin u rħewlha lejn darhom.   Amanda fetħet il-bieb u sejħet lil Mark.  Iżda Mark ma kienx hemm.  Ħsieb ikrah għadda minn rasha.  Ftit minuti wara jdoqq it-telefon.  Telefonata mill-isptar. 

Qatt f’mitt sena ma basritha!

Għidli Mitejn, 29 ta’ Mejju 2019